Konferenza Ġenerali
Dan Huwa Żmienna!
konferenza ġenerali April 2021


Dan Huwa Żmienna!

Alla bagħatna hawn, bħalissa, f’dan iż-żmien mill-aktar importanti fl-istorja.

Fl-1978, jien kont ninsab fi grawnd tal-futbol Amerikan li kien mimli b’65,000 partitarju. Quddiemi kelli diversi avversarji ta’ statura enormi li kienu qed iħarsu lejja bħallikieku riedu jtajruli rasi. Kienet l-ewwel logħba tiegħi bħala quarterback offensiv fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Futbol Amerikan, u konna qed nilagħbu kontra t-tìm li kien għadu kif rebaħ is-Super Bowl. Biex inkun onest, jien kont qed niddubita jekk kontx tajjeb biżżejjed biex inkun fil-grawnd Ersaqt lura biex inqassam l-ewwel tqassima tiegħi, u hekk kif kont se nixħet il-ballun, spiċċajt mgħaffeġ aktar milli qatt kont spiċċajt qabel. F’dak il-mument, mixħut taħt dawk l-atleti kollha, kull wieħed minnhom daqsiex, jien bdejt nistaqsi lili nnifsi x’kont qed nagħmel hemm. Kelli bżonn nieħu deċiżjoni. Jien kont se nħalli lili nnifsi ninħakem mid-dubji, jew kont se nsib il-kuraġġ u l-qawwa biex inqum u nkompli?

L-ewwel pass

Associated Press

Dak il-ħin ma rrealizzajtx kemm kienet se tippreparani għal opportunitajiet futuri tiegħi dik l-esperjenza. Kelli bżonn nitgħallem li stajt nibqa’ b’saħħti u kuraġġjuż quddiem sitwazzjonijiet diffiċli.

Jista’ jkun li logħba futbol mhijiex importanti daqs l-isfidi li intom tiffaċċjaw. F’bosta każijiet, ma jkollkomx grawnd mimli nies kollha jħarsu lejkom. Iżda d-deċiżjonijiet qalbiena tagħkom se jkollhom sinifikat etern.

Jista’ jkun li aħna ma nħossuniex kapaċi biżżejjed għal dak li niffaċċjaw. Iżda Missierna fis-Smewwiet iħares lejna bħala bennejja bla biża’ tas-saltna tiegħu. Hu għalhekk li bagħatna hawn f’dan iż-żmien l-aktar deċiżiv fl-istorja tad-dinja. Dan huwa żmienna!

Isimgħu ftit x’qal il-President Russell M. Nelson ftit wara li hu sar President tal-Knisja: “Is-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, se jwettaq uħud mill-aktar ħidmiet setgħana tiegħu bejn issa u ż-żmien li fih Huwa jerġa’ jiġi. Aħna se naraw indikazzjonijiet mirakolużi li Alla l-Missier u ibnu, Ġesù Kristu, qed jippresedu fuq din il-Knisja bil-majestà u l-glorja kollha” (“Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96).

L-aktar ħidmiet setgħana? Indikazzjonijiet mirakolużi? Kif se jseħħ dan kollu? Xi rwol se jkollna, u kif se nifhmu aħna x’għandna nagħmlu? Jien ma nafx kull risposta, iżda naf li l-Mulej għandu bżonna li nkunu lesti! Qatt ma kien daqstant kruċjali li aħna neżerċitaw b’mod den il-qawwa tas-saċerdozju.

Aħna verament nemmnu fil-profeta ta’ Alla? Nistgħu niskopru u nwettqu d-destin tagħna? Iva, nistgħu, u iva, hekk se nagħmlu, għaliex dan huwa żmienna!

Meta nisimgħu stejjer dwar il-qaddejja setgħana ta’ Alla li ġew qabilna—bħal Mosè, Marija, Moroni, Alma, Ester, Joseph, u bosta oħrajn—huma jidhru bħallikieku huma xi nies mitoloġiċi. Iżda huma ma kinux differenti wisq minna. Kienu nies normali li ffaċċjaw bosta sfidi. Huma fdaw fil-Mulej. Huma għamlu għażliet tajba f’mumenti kruċjali. U, b’fidi f’Ġesù Kristu, huma wettqu l-ħidma meħtieġa fi żmienhom.

Il-profeta Ġożwè

Melħ Tajjeb

Ikkunsidraw ftit lil Ġożwè, l-eroj tat-Testment il-Qadim. Huwa kien dixxiplu devot ta’ Mosè, wieħed mill-akbar mexxejja fl-istorja. Wara li Mosè ħalla din id-dinja, it-tmexxija waqgħet f’idejn Ġożwè. Hu kellu jmexxi lil ulied Iżrael sal-art imwiegħda. Kif irnexxielu jagħmel dan? Ġożwè kien twieled u trabba fil-jasar tal-Eġittu. Hu ma kellu l-ebda manwal jew vidjo bl-istruzzjonijiet biex jgħinuh. Lanqas kellu smartphone! Iżda hu kellu din il-wegħda mingħand il-Mulej:

“Bħalma kont ma’ Mosè hekk inkun miegħek; ma nħallikx, ma nitilqekx.

“Agħmel il-ħila u qawwi qalbek” (Ġożwè 1:5–6).

Meta jien kont għadni membru ġdid tas-Sebgħin mingħar esperjenza, kont irċevejt telefonata urġenti mill-Uffiċċju tal-Ewwel Presidenza, fejn ġejt mitlub jekk kontx lest immur nirrappreżenta lill-profeta waqt żjara lil wieħed żagħżugħ fi sptar—b’mod immedjat. Iż-żagħżugħ kien jismu Zach. Hu kien qed jipprepara biex ikun missjunarju iżda kien involut f’aċċident u sofra korriment serju f’rasu.

Hekk kif kont qed insuq lejn l-isptar, bdew għaddejjin diversi ħsibijiet minn moħħi. Imqabbad mill-profeta—din bis-serjetà? X’kien hemm jistennieni? Kif nista’ ngħin lil dan iż-żagħżugħ? Kelli biżżejjed fidi? It-talb ferventi u l-għarfien li jien kont nippossedi l-awtorità tas-saċerdozju mqaddes saru l-ankri tiegħi.

Meta wasalt, rajt lil Zach ġo sodda tal-isptar. Wieħed porter kien qiegħed jistenna biex jieħdu fil-kamra tal-operazzjoni fejn it-tobba kellhom inaqqsulu l-pressjoni f’moħħu. Jien ħarist lejn l-omm imnikkta tiegħu u lejn ħabib żagħżugħ mill-aktar beżgħan li kienu weqfin ħdejh, u jien kont ċert li Zach kellu bżonn barka tas-saċerdozju. Sieħbu kien għadu kif irċieva s-Saċerdozju ta’ Melkisedek, għalhekk tlabtu biex jgħinni. Jien ħassejt il-qawwa tas-saċerdozju hekk kif b’umiltà tajna barka lil Zach. Imbagħad ħaduh malajr għall-operazzjoni, u sentiment ta’ paċi kkonfermalna li s-Salvatur kien se jieħu ħsieb kollox skont l-għerf tiegħu.

L-istaff mediku ħadulu l-aħħar X-ray qabel l-ewwel inċiżjoni. Huma sabu, b’għaġeb kbir, li ma kellu bżonn ta’ l-ebda operazzjoni.

Wara daqstant terapija, Zach reġa’ tgħallem jimxi u jitkellem. Huwa serva missjoni b’suċċess u llum qed irabbi familja meraviljuża.

Bla dubju, mhux dejjem jiġri hekk. Jiena tajt barkiet oħra tas-saċerdozju bl-istess fidi, u l-Mulej ma tax fejqan sħiħ f’din il-ħajja. Aħna nafdaw fl-għanijiet tiegħu u nħallu r-riżultat f’idejh. Mhux dejjem nistgħu nagħżlu x’se jkun l-eżitu ta’ għemilna, iżda nistgħu nagħżlu li aħna nkunu lesti biex naġixxu.

Jista’ jkun li intom qatt ma tiġu mitlubin mill-Ewwel Presidenza biex tirrappreżentawhom f’sitwazzjoni ta’ ħajja u mewt. Iżda bħala rappreżentanti tal-Mulej aħna lkoll imsejħin biex inwettqu affarijiet li jistgħu jibdlu l-ħajja tal-oħrajn. Huwa ma jħalliniex weħidna. Dan huwa żmienna!

Pietru, l-Appostlu ewlieni tas-Salvatur, kien jinsab fuq dgħajsa fil-baħar meta ra lil Ġesù miexi fuq l-ilma. Huwa ried jingħaqad miegħu, u s-Salvatur qallu, “Ejja.” Mimli kuraġġ u b’mod mirakoluż, Pietru telaq mis-sigurtà tad-dgħajsa u beda jimxi lejn is-Salvatur. Iżda hekk kif Pietru beda jiffoka fuq ir-riħ qawwi, il-fidi tiegħu bdiet tiddgħajjef. “Huwa baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid, Salvani, Mulej. Malajr Ġesù medd idu u qabdu.” (Ara Mattew 14:22–33.)

Ġesù jilħaq lill-oħrajn

Meta l-irjieħ jibdew jonfħu f’ħajjitna, aħna fuqiex niffokaw? Ftakru, dejjem hemm sors ta’ qawwa u kuraġġ ta’ min jafdah. Dirgħajn Ġesù jridu jilqgħuna fi ħdanu, l-istess kif laqgħu lil Pietru. Hekk kif naqbdu ma’ dirgħajh, Huwa jsalvana b’imħabba. Aħna tiegħu. Huwa qal, “La tibżax, għax jien fdejtek: jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi” (Isaija 43:1). Huwa jiddomina f’ħajjitkom jekk intom tħalluh. L-għażla f’idejkom. (See Russell M. Nelson, “Ħallu lil Alla Jiddomina,” Liahona, Nov. 2020, 92–95.)

Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, Ġożwè talab lill-poplu tiegħu, “Għażlu llum lil min tridu taqdu; … imma jien u dari naqdu l-Mulej.” (Ġożwè 24:15). Minħabba l-għażliet li hu għamel li jservi lill-Mulej, fi żmienu Ġożwè sar mexxej kbir. Għeżież ħbieb tiegħi, dan huwa ż-żmienna! U l-għażliet li nagħmlu jiddeterminaw id-destin tagħna (see Thomas S. Monson, “Decisions Determine Destiny” [serata ta’ tagħlim fl-Università ta’ Brigham Young, 6 ta’ Nov., 2005], speeches.byu.edu).

Waqt li kont qed inservi bħala isqof, fil-qasam tagħna aħna kellna motto: Għażliet tajbin ifissru ferħ—etern. Iż-żgħażagħ kienu jgħaddu minn ħdejja fil-kuritur u jgħiduli, “Isqof, jien qed nagħmel għażliet tajbin!” Din hi l-ħolma ta’ kull isqof!

X’irridu nfissru b’“għażliet tajbin”? Xi ħadd darba staqsa lil Ġesù, “Liema hu l-kmandament il-kbir, fil-liġi?” Huwa wieġeb:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.

“Dan hu l-ewwel u l-akbar l-kmandament.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mattew 22:37–39).

Jien ma nafx intom x’taħsbu, iżda meta jiena naqra dawn iż-żewġ kmandamenti l-kbar, jiġi f’moħħi t-tielet kmandament li jmur magħhom, li tħobb lilek innifsek.

Ġieli ikkunsidrajtu li tħobb lilek innifsek bħala kmandament? Nistgħu verament inħobbu lil Alla u lil uliedu jekk ma nħobbux lilna nfusna?

Wieħed mexxej għaqli ta parir lil wieħed raġel li kien qed jipprova jegħleb snin sħaħ ta’ għażliet qerrieda. Ħass li bilkemm ried juri wiċċu u kien jiddubita jekk kienx denju li xi ħadd iħobbu.

Il-mexxej tiegħu qallu, “Il-Mulej jafek, iħobbok, u Hu kuntent ħafna bik u bil-passi kuraġġjużi li qed tieħu.” Iżda mbagħad qallu wkoll, “Inti trid tisma’ l-kmandament li tħobb lilek innifsek ħalli tkun tista’ tħoss l-imħabba ta’ Alla u ta’ ħaddieħor.”

Meta dan ħuna sema’ dak il-parir, hu beda jħares lejn il-ħajja minn lenti oħra. Aktar tard huwa qal, “Jien għaddejt ħajti kollha nipprova nsib il-paċi u nara x’nagħmel biex ħaddieħor jaċċettani. Jien fittixt dawk l-affarijiet f’bosta postijiet żbaljati. Huwa biss fl-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet u tas-Salvatur li nista’ nsib il-faraġ. Jien naf li Huma jriduni nħobb lili nnifsi; dan fil-fatt hu l-uniku mod kif nista’ nħoss l-imħabba tagħhom għalija.”

Missierna fis-Smewwiet iridna nħobbu lilna nfusna—mhux li nitkabbru jew inkunu egoisti, iżda li nħarsu lejna nfusna kif jarana Hu: aħna l-ulied għeżież tiegħu. Meta din il-verità tidħol fil-fond ta’ qalbna, l-imħabba tagħna għal Alla tikber. Meta nibdew inħarsu lejna nfusna b’rispett sinċier, qalbna tinfetaħ biex nittrattaw lil ħaddieħor ukoll b’dak il-mod. Aktar ma nagħrfu l-valur divin tagħna, aktar nifhmu aħjar din il-verità divina: li Alla bagħatna preċiżament hawnhekk, f’dan iż-żmien mill-aktar importanti fl-istorja, ħalli nkunu nistgħu nwettqu l-aktar ġid possibbli permezz tat-talenti u d-doni li għandna. Dan huwa żmienna! (Ara (ara Russell M. Nelson, “Becoming True Millennials” [devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 10 ta’ Jan., 2016], broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.)

Joseph Smith għallem li l-profeti kollha, f’kull żmien, “ħarsu ’l quddiem b’ferħ u antiċipazzjoni lejn il-jum li fih qed ngħixu; … huma kantaw u kitbu u bassru dwar iż-żminijiet tagħna; … aħna l-poplu imbierek li Alla għażel biex iġib fis-seħħ il-glorja tal-Aħħar Żminijiet” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 186).

Hekk kif tiffaċċjaw l-isfidi tagħkom ta’ kuljum, ftakru din ir-riassigurazzjoni li offrielna l-Presbiteru Jeffrey R. Holland: “Ħafna jiddependi minna, iżda din se tkun esperjenza mill-aktar glorjuża u ta’ suċċess. … Ir-rebħa f’dan il-kuntest finali diġà ġiet iddikjarata. Ir-rebħa diġà tinsab irreġistrata fil-kotba … , fl-iskrittura!” (“Be Not Afraid, Only Believe” [diskors mogħti lill-edukaturi reliġjużi tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja, 6 ta’ Fr., 2015], broadcasts.ChurchofJesusChrist.org).

F’din it-tmiem il-ġimgħa mill-isbaħ tal-Għid, ippermettuli nistieden lilna lkoll biex nitolbu ħalli nagħrfu u nħaddnu l-irwoli individwali tagħna hekk kif nippreparaw għall-jum glorjuż li fih jerġa’ jiġi s-Salvatur. Il-Mulej iħobbna aktar milli nistgħu nimmaġinaw, u Hu jisma’ talbna! Kemm jekk ninsabu fi grawnd tal-futbol, f’kamra ta’ sptar, jew fi kwalunkwe post ieħor, aħna nistgħu nkunu parti importanti minn dawn l-avvenimenti meraviljużi—għaliex dan hu żmienna! F’isem Ġesù Kristu, amen.