Konferenza Ġenerali
L-Isqfijiet—Rgħajja fuq il-Merħla tal-Mulej
konferenza ġenerali April 2021


L-Isqfijiet—Rgħajja fuq il-Merħla tal-Mulej

L-isqof għandu rwol mill-aktar importanti billi jservi bħala ragħaj biex jiggwida lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, lejn Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti tas-saċerdozju, waħda mill-aktar linji memorabbli f’waħda mill-għanjiet l-aktar għal qalbna tgħid, “Iż-żgħażagħ ta’ Sijon se jaqtgħu qalbhom?”1 Id-dikjarazzjoni sinċiera u mill-aktar ċara tiegħi bi tweġiba għal dik il-mistoqsija hija “Le!”

Biex niżgura li t-tweġiba tiegħi għadha applikabbli, jiena nixhed magħkom li r-responsabbiltà li nappoġġjaw lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa fi żmien ta’ sfidi u tentazzjoni insoliti hija responsabbiltà essenzjali mogħtija lill-ġenituri u lill-veskovati minn Missierna fis-Smewwiet.2 Ippermettuli nagħtikom eżempju dwar l-importanza ta’ veskovat minn esperjenza personali.

Meta jiena kont għadni djaknu, jien mort noqgħod flimkien mal-familja tiegħi f’qasam ġdid. Jien kont fil-bidu tal-iskola sekondarja, għalhekk kont qed nattendi wkoll skola ġdida. Kien hemm grupp meraviljuż ta’ ġuvintur fil-kworums tad-djakni. Ħafna mill-ġenituri tagħhom kienu membri attivi. Ommi kienet mill-aktar attiva; missieri kien bniedem verament eċċezzjonali iżda ma kienx membru attiv.

It-tieni kunsillier fil-veskovat,3 Brother Dean Eyre, kien mexxej mill-aktar devot. Meta jien kont għadni qed nipprova nidra fil-qasam il-ġdid, ħabbru li kien se jkun hemm avveniment għall-missirijiet u wliedhom subien ġewwa Bear Lake—madwar 40 mil (65 km) ’il bogħod. Jien ma kontx qed nippjana li nattendi mingħajr missieri. Iżda Brother Eyre għamilli stedina speċjali biex jien immur miegħu. Hu tkellem b’ammirazzjoni u rispett dwar missieri u enfasizza s-sinifikat tal-opportunità tiegħi li nkun mal-membri l-oħra tal-kworums tad-djakni. Għalhekk iddeċidejt li mmur ma’ Brother Eyre, u jien kelli esperjenza mill-aktar sabiħa.

Brother Eyre kien eżempju meraviljuż ta’ mħabba Kristjana li kien iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu fil-veskovat biex jissapportja lill-ġenituri fir-responsabbiltà li jħarsu u jieħdu ħsieb liż-żgħażagħ. Hu għen biex ikolli bidu eċċellenti f’dan il-qasam ġdid u kien bniedem li lili ggwidani ħafna.

Ftit xhur qabel jiena tlaqt għal missjoni fl-1960, Brother Eyre ħalla din il-ħajja riżultat tal-marda tal-kanċer fl-età ta’ 39 sena. Hu ħalla warajh lil martu u l-ħames uliedhom, kollha taħt is-16-il sena. Is-subien il-kbar tiegħu, Richard u Chris Eyre, assigurawni li fin-nuqqas ta’ missierhom, membri tal-veskovat issapportjawhom u ħadu ħsiebhom u ħsieb ħuthom iż-żgħar b’imħabba Kristjana, li ta’ dan jiena grat.

Il-ġenituri dejjem se jkunu l-persuni primarjament responsabbli mill-familji tagħhom.4 Il-presidenzi tal-kworum jipprovdu wkoll sapport u gwida essenzjali lill-membri tal-kworum billi jassistuhom biex jelevaw id-dmirijiet u l-qawwa tas-Saċerdozju ta’ Aron għaċ-ċentru ta’ ħajjithom.5

Ir-ragħaj man-nagħaġ

Illum l-għan tiegħi hu li niffoka fuq l-isqfijiet u l-kunsilliera tagħhom, li jkun xieraq li nsejħulhom “rgħajja fuq il-merħla tal-Mulej—b’enfażi fuq l-importanza li jkunu rgħajja tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa.6 Interessanti l-fatt li l-Appostlu Pietru rrefera għal Ġesù Kristu bħala “ir-Ragħaj u l-Għassies [l-Isqof] ta’ ruħkom.”7

L-isqof għandu ħames responsabbiltajiet ewlenin hekk kif jippresedi fuq il-qasam:

  1. Huwa l-qassis il-kbir li jippresedi fil-qasam.8

  2. Huwa l-president tas-Saċerdozju ta’ Aron.9

  3. Huwa mħallef komuni.10

  4. Hu jikkoordina l-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni, inkluż li jieħu ħsieb lil min hu fil-bżonn.11

  5. U hu jissorvelja r-reġistri, il-finanzi, u l-użu tad-dar tal-laqgħat.12

Fl-irwol tiegħu bħala l-qassis il-kbir li jippresedi, l-isqof huwa l-“mexxej spiritwali” tal-qasam.13 Huwa “dixxiplu fidil ta’ Ġesù Kristu.”14

Barra minn hekk, “l-isqof jikkoordina l-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni fil-qasam.”15 L-isqof għandu jassenja r-responsabbiltajiet ta’ kuljum għat-tixrid tal-evanġelju, għas-sodizza tal-membri ġodda u li reġgħu lura, tal-ministeru, tal-ħidma tat-tempju u l-istorja tal-familja lill-presidenzi tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna.16 L-isqof jikkoordina din il-ħidma fil-kunsill tal-qasam u fil-kunsill taż-żgħażagħ tal-qasam.

L-isqof għandu rwol mill-aktar importanti billi jservi bħala ragħaj biex jiggwida lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, inkluż lill-adulti żgħażagħ single, lejn Ġesù Kristu.17 Il-President Russell M. Nelson enfasizza l-irwol influwenti tal-isqof u l-kunsilliera tiegħu. Hu għallem li “l-ewwel u l-akbar responsabbiltà tagħhom hi li jieħdu ħsieb il-ġuvintur u t-tfajliet tal-qasam tagħhom.”18 Il-membri tal-veskovat jissapportjaw lill-ġenituri fir-responsabbiltà li jħarsu u jieħdu ħsieb lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-qasam. L-isqof u l-president tat-Tfajliet tal-qasam jiddiskutu flimkien. Huma jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħinu liż-żgħażagħ jgħixu l-istandards li hemm f’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, jikkwalifikaw biex jirċievu l-ordinanzi, u jagħmlu u jżommu patti sagri.

Tafu tistaqsu, “Għalfejn l-isqof hu mitlubin biex iqatta’ daqstant ħin maż-żgħażagħ?” Il-Mulej organizza l-Knisja tiegħu biex iġib fis-seħħ ċerti prijoritajiet kruċjali. Għaldaqstant, l-organizzazzjoni tal-Knisja tal-Mulej għandha struttura li fiha l-isqof għandu responsabbiltà doppja. Hu għandu responsabbiltà duttrinali għall-qasam inġenerali, iżda hu għandu wkoll responsabbiltà duttrinali speċifika għall-kworum tal-qassisin.19

Il-ġuvintur li huma qassisin u t-tfajliet tal-istess età huma fi stadju mill-aktar importanti ta’ ħajjithom u tal-iżvilupp tagħhom. Waqt dan il-perjodu ta’ żmien mill-aktar qasir, huma jieħdu deċiżjonijiet li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-kumplament ta’ ħajjithom. Huma jiddeterminaw jekk humiex se jikkwalifikaw għat-tempju, se jservu missjoni,20 se jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżżewġu fit-tempju, u se jitħejjew għall-ħidma ta’ ħajjithom. Dawn id-deċiżjonijiet, la darba jagħmluhom, ikollhom implikazzjonijiet spiritwali u prattiċi mill-aktar profondi għall-kumplament ta’ ħajjithom. Intom l-isqfijiet, jekk jogħġobkom, kunu afu li l-ħin relattivament qasir li tqattgħu ma’ dak il-qassis żagħżugħ, ma’ dik it-tfajla jew ma’ dawk l-adulti żgħażagħ jistgħu jgħinuhom jifhmu l-qawwa disponibbli għalihom permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Din tista’ tipprovdi viżjoni li jkollha influwenza profonda fuq ħajjithom kollha.

L-Isqof Moa Mahe u l-kunsilliera tiegħu

Wieħed mill-aqwa eżempji li jien rajt dwar isqof li għen jipprovdi din it-tip ta’ viżjoni liż-żgħażagħ tiegħu kien l-Isqof Moa Mahe. Hu ġie msejjaħ bħala l-ewwel isqof tal-Qasam bil-lingwa Tonga ta’ San Francisco.21 Hu kien immigrant minn Vava‘u, Tonga. Il-qasam tiegħu kien jinsab qrib l-ajruport ta’ San Francisco, Carlifornia, fejn kien jaħdem.22

Il-qasam bil-lingwa tat-Tonga

Il-qasam kien magħmul minn numru kbir ta’ żgħażagħ, ħafna minnhom minn familji li kienu għadhom kif emigraw fl-Istati Uniti. L-Isqof Mahe mhux biss għallimhom permezz tal-fomm u bl-eżempju kif jistgħu jkunu dixxipli twajbin ta’ Ġesù Kristu, iżda hu għen jagħtihom ukoll viżjoni dwar dak li setgħu jsiru u għenhom jippreparaw għat-tempju, għall-missjonijiet, għall-istudju, u għall-impjieg. Huwa serva għal kważi tmien snin, u l-ħolma u x-xewqa li kellu għal dawn iż-żgħażagħ saret realtà.

Kważi 90 fil-mija tal-ġuvintur fil-kworums tas-Saċerdozju ta’ Aron servew missjoni. Ħmistax-il żagħżugħ u żagħżugħa kienu l-ewwel membri tal-familji tagħhom li marru l-università.23 Huwa ltaqa’ mal-prinċipal tal-iskola sekondarja lokali (ta’ twemmin ieħor), u huma saru ħbieb u kkollaboraw bejniethom dwar kif setgħu jassistu lil kull żagħżugħ u żagħżugħa jiksbu għanijiet utli u jegħlbu l-problemi. Il-prinċipal qalli li l-Isqof Mahe għenu biex jaħdem mal-immigranti ta’ kull twemmin li kienu għaddejjin minn żmien diffiċli. Iż-żgħażagħ kienu jafu li l-isqof kien iħobbhom.

Sfortunatament, l-Isqof Mahe ħalla din il-ħajja waqt li kien qed iservi bħala isqof. Jien qatt ma nista’ ninsa l-funeral mill-aktar kommoventi u li jispirak li kellu. Attendiet għalih folla kbira. Il-kor kien magħmul minn aktar minn 35 membru, kollha żgħażagħ fidili li kienu servew missjoni jew qed jattendu l-università u li kienu għadhom żgħażagħ waqt li hu kien qed iservi bħala isqof. Wieħed kelliem esprima sentiment intens ta’ apprezzament f’isem iż-żgħażagħ u l-adulti żgħażagħ fil-qasam tiegħu. Hu ta ġieħ lill-Isqof mahe għall-viżjoni li tahom biex jippreparaw għall-ħajja u għas-servizz xieraq. Iżda l-aktar importanti, l-Isqof Mahe għenhom jibnu l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu bħala l-pedament ta’ ħajjithom.

Issa, intom l-isqfijiet, isservu fejn isservu, fl-intervisti tagħkom u f’mumenti oħra, tistgħu tipprovdu dik it-tip ta’ viżjoni u tibnu l-fidi f’Ġesù Kristu. Intom tistgħu tagħmlu ċerti stediniet importanti biex iż-żgħażagħ jibdlu l-imġieba tagħhom, tippreparawhom għall-ħajja, u tispirawhom biex jibqgħu fit-triq tal-patt.

Barra minn hekk, tistgħu tgħinu lil xi żgħażagħ li jinsabu f’kunflitt mal-ġenituri dwar affarijiet li huma relattivament anqas importanti.24 Fi żmien li fih iż-żgħażagħ jidhru li jista’ jkollhom l-aktar kunflitt mal-ġenituri tagħhom, il-persuna li tippresedi fuq il-kworum tagħhom u li hu ekkleżjastikament responsabbli minnhom huwa wkoll il-persuna li l-ġenituri tagħhom imorru għandu għar-rakkomandazzjoni tat-tempju. Dan ipoġġi lill-isqof f’pożizzjoni unika li jista’ jiddiskuti kemm maż-żgħażagħ kif ukoll mal-ġenituri tagħhom meta ċertu tilwim jista’ jwassal għad-diviżjoni. L-isqfijiet jistgħu jgħinu kemm biex iħarsu lejn l-affarijiet minn perspettiva eterna kif ukoll biex jirrisolvu kwistjonijiet ta’ importanza akbar jew anqas. Aħna nirrakkomandaw li l-isqfijiet ma jkollhomx familji assenjati lilhom fil-ministeru ħalli jkunu jistgħu jiffokaw ħinhom u l-enerġija tagħhom biex jimministraw liż-żgħażagħ u lill-familji tagħhom f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet.25

Jiena naf isqof li kien kapaċi jirrisolvi tilwima mill-aktar kbira bejn l-iben u l-ġenituri tiegħu, fejn għen biex jerġa’ jkun hemm l-armonija fid-dar u jikber l-impenn li huma jimxu wara l-evanġelju. L-isqof għen lill-ġenituri jifhmu li kien ferm aktar importanti li huma jagħmlu li jistgħu biex ikunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu milli joqogħdu jiflu d-dettalji ta’ kif u meta għandu jitwettaq ix-xogħol fil-familja.

Sabiex ikunu jistgħu jqattgħu aktar ħin maż-żgħażagħ, jinsabu fejn jinsabu, inkluż l-avvenimenti jew l-attivitajiet tal-iskola, il-membri tal-veskovat ġew mitluba biex jiddelegaw il-laqgħat xierqa u l-ħin li fih jiddiskutu mal-adulti. Filwaqt li l-isqfijiet jistgħu jiddiskutu fuq affarijiet serji u urġenti, aħna nirrakkomandaw li d-delegazzjoni ta’ diskussjonijiet kontinwi dwar affarijiet ta’ natura anqas serja u urġenti, li ma jinvolvux ġudizzju ta’ denjità għandhom jiġu assenjati lill-membri tal-kworum tal-presbiteri jew tas-Soċjetà tal-Għajnuna—normalment lill-presidenzi jew lill-aħwa li jimministraw. L-Ispirtu jiggwida lill-mexxejja26 ħalli jagħżlu lill-membri xierqa biex jieħdu ħsieb dawn id-diskussjonijiet. Dawk li jirċievu dan l-essajnment ddelegat lilhom huma intitolati għar-rivelazzjoni. Huma, bla dubju, għandhom dejjem iżommu konfidenzjalità stretta.

Mexxejja għaqlin dejjem issagrifikaw għall-ġenerazzjoni li għadha tielgħa. Dan huwa fejn il-membri tal-veskovat iqattgħu l-parti l-kbira tal-ħin tagħhom fis-servizzi tal-Knisja.

Issa nixtieq ngħid ftit affarijiet direttament liż-żgħażagħ u mbagħad lill-isqfijiet tagħna.

Ħafna minnkom, O żgħażagħ prezzjużi, jaf m’għandkomx viżjoni ċara dwar min intom u min tistgħu ssiru. Intom tinsabu fi żmien fejn dalwaqt se jkollkom tieħdu l-aktar deċiżjonijiet importanti ta’ ħajjitkom. Jekk jogħġobkom iddiskutu mal-ġenituri tagħkom u mal-isqof tagħkom dwar għażliet importanti li hemm quddiemkom. Lill-isqof ħalluh ikun il-ħabib u l-kunsillier tagħkom.

Aħna konxji li intom tħabbtu wiċċkom ma’ ċerta sfidi u tentazzjonijiet li tiffaċċjaw minn kull direzzjoni. Aħna lkoll jeħtieġ li nindmu kuljum kif għallem il-President Nelson. Jekk jogħġobkom tkellmu mal-isqof tagħkom dwar kwalunkwe ħaġa li fiha l-imħallef komuni jista’ jgħinkom biex ħajjitkom tkun f’armonija mal-Mulej bi tħejjija għall-“ħidma kbira” li għandu għalikom f’din l-aħħar dispensazzjoni.27 Kif stedinkom tagħmlu l-President Nelson, jekk jogħġobkom araw li tikkwalifikaw biex tkunu parti mill-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej!28

Issa kelma għalikom l-isqfijiet prezzjużi f’isem it-tmexxija u l-membri tal-Knisja. Aħna nesprimu l-gratitudni kbira tagħna lejkom. Bit-tibdil li intom ġejtu mitlubin tagħmlu f’dawn l-aħħar snin, għeżież isqfijiet, jekk jogħġobkom kunu afu kemm aħna nħobbukom u napprezzawkom, Il-kontribut tagħkom għas-saltna diffiċli ħafna niddeskrivuh. Il-Knisja għandha 30,900 isqof jew president tal-fergħa jservu madwar id-dinja.29 Aħna nonoraw lil kull wieħed minnkom.

Xi kliem u s-sejħiet sagri li dal-kliem jiddeskrivu huma mimlijin b’sinifikat kważi spiritwali u traxxendenti. Is-sejħa ta’ isqof hija waħda mill-aktar sejħiet b’sinifikat speċjali. Li wieħed iservi lill-Mulej f’din il-kapaċità hi ħaġa meraviljuża minn kull aspett. Is-sejħa, is-sosteniment, u d-distinzjoni ta’ isqof hi esperjenza li qatt ma tista’ tinsiha. Għalija, nikklassifikaha ma’ numru żgħir ta’ avvenimenti sublimi fil-firxa wiesgħa tagħha u fis-sentimenti profondi li tirrapreżenta. Tinsab hemm fuq ma’ numru ta’ avvenimenti oħra mill-aktar prezzjużi, bħaż-żwieġ, u meta wieħed isir missier, li diffiċli tiddeskrivihom fi ftit kliem.30

O Isqfijiet, aħna nsostnukom! O Isqfijiet, aħna nħobbukom! Intom verament ir-rgħajja tal-Mulej fuq il-merħla tiegħu. Is-Salvatur mhux se jabbandunakom f’dawn is-sejħiet sagri. Dwar dan jiena nixhed, f’din it-tmiem il-ġimgħa tal-Għid, f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “True to the Faith,” Hymns, no. 254

  2. Il-mexxejja, il-kworum u l-presidenzi tal-klassi taż-żgħażagħ, u mexxejja oħra tal-Knisja jaqsmu bejniethom din ir-responsabbiltà.

  3. L-Isqof huwa l-president tal-kworum tal-qassisin. L-ewwel kunsillier tiegħu għandu r-responsabbiltà għall-kworum tal-għalliema, u t-tieni kunsillier tiegħu għandu r-responsabbiltà għall-kworums tad-djakni. (Ara General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 10.3, ChurchofJesusChrist.org.)

  4. Ara Doctrine and Covenants 68:25–28.

  5. Ara Quentin L. Cook, “Aġġustament biex Insaħħu liż-Żgħażagħ,” Liahona, Nov. 2019, 40–43.

  6. L-użu tal-kelma isqof japplika bl-istess forza għall-presidenti tal-fergħa fidili tagħna.

  7. 1 Pietru 2:25.

  8. Ara General Handbook, 6.1.1.

  9. Ara General Handbook, 6.1.2.

  10. Ara General Handbook, 6.1.3.

  11. Ara General Handbook, 6.1.4.

  12. Ara General Handbook, 6.1.5.

  13. General Handbook, 6.1.1; ara wkoll General Handbook, 6.1.1.1–6.1.1.4.

  14. General Handbook, 6.1.1.

  15. General Handbook, 6.1.4.

  16. Ara General Handbook, 21.2; 23.5; 25.2.

  17. Ara General Handbook, 6.1; 14.3.3.1; ara wkoll Quentin L. Cook, “Aġġustament biex Insaħħu liż-Żgħażagħ,” 40–43. L-isqof ġie mħeġġeġ ukoll iqatta’ aktar ħin ma’ martu u mal-familja tiegħu. Dan hu possibbli hekk kif konsulenti u speċjalisti adulti kapaċi jissejħu biex jassistu lill-presidenzi tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aron u lill-veskovat fid-dmirijiet tagħhom.

  18. Russell M. Nelson, “Xhieda, Kwora tas-Saċerdozju ta’ Aaron, u Klassijiet tat-Tfajliet,” Liahona, Nov. 2019, 39.

  19. Ara Doctrine and Covenants 107:87–88.

  20. “Il-Mulej jistenna lil kull żagħżugħ kapaċi biex jitħejja sabiex iservi [missjoni] (ara Doctrine and Covenants 36:1, 4–7). It-tfajliet u l-membri aktar anzjani li jixtiequ jservu għandhom jitħejjew ukoll. Parti essenzjali mit-tħejjija hi li jagħmlu li jistgħu biex jikkonvertu għal Ġesù Kristu u għall-evanġelju rrestawrat tiegħu. Dawk li jixtiequ jservu jitħejjew ukoll fiżikament, mentalment, emozzjonalment, u finanzjarjament” (General Handbook, 24.0).

  21. Il-qasam ġie organizzat fis-17 ta’ Diċembru, 1980. Il-Presbiteru John H. Groberg tal-Ewwel Kworum tas-Sebgħin għen jorganizza dan il-qasam bil-lingwa tat-Tonga. (Ara Gordon Ashby, chairman, u Donna Osgood, ed., The San Francisco California Stake: The First 60 Years, 1927–1987 [1987], 49–52.)

  22. L-Isqof Mahe laħaq għal pożizzjoni ta’ maniġment mal-Pan American Airways fl-ajruport internazzjonali ta’ San Francisco, California.

  23. Ara The San Francisco California Stake, 49.

  24. Huma jafu qed jirribellaw ukoll kontra affarijiet ta’ sinifikat etern.

  25. Ara General Handbook, 21.2.1.

  26. L-isqof għandu jikkoordina mal-presidenzi tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna fejn jidħol min għandu jiġi assenjat u kif huma għandhom ikomplu jsegwu b’imħabba.

  27. Doctrine and Covenants 64:33.

  28. Ara Russell M. Nelson “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org.

  29. Sad-19 ta’ Frar, 2021, kien hemm 24,035 isqof u 6,865 president tal-fergħa jservu madwar id-dinja.

  30. Jien ġejt imsejjaħ bħala isqof tal-Qasam ta’ Burlingame f’California fl-1974 mill-President David B. Barlow u ġejt distint fil-15 ta’ Settembru, 1974, mill-Presbiteru Neal A. Maxwell, li kien għadu kif ġie msejjaħ bħala Assistent għall-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.