X’Għamel Għalina s-Salvatur Tagħna?
Ġesù Kristu għamel dak kollu li hu essenzjali għall-vjaġġ tagħna f’din il-ħajja mortali lejn id-destin deskritt fil-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Bosta snin ilu, f’laqgħa li kellna waqt konferenza tal-wited li kienet saret is-sibt filgħaxija, jiena ltqajt ma’ mara li qaltli li sħabha kienu talbuha biex terġa’ tmur lura l-knisja wara li kienet ilha s-snin mhux attiva, iżda hi ma setgħetx issib raġuni għalfejn kellha tagħmel dan. Biex inħeġġiġha għedtilha, “Meta tikkunsidra dak kollu li għamel għalik is-Salvatur, għandek ħafna raġunijiet biex terġa’ lura sabiex tqimu u sservih.” Jiena nħsadt meta weġbitni, “X’għamel għalija?”
X’għamel Ġesù Kristu għal kull wieħed u waħda minna? Hu għamel dak kollu li hu essenzjali għall-vjaġġ tagħna f’din il-ħajja mortali lejn id-destin deskritt fil-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Jien se nitkellem dwar erba’ mill-punti prinċipali ta’ dak il-pjan. F’kull wieħed minnhom l-Iben Waħdieni tiegħu, Ġesù Kristu, huwa l-figura ewlenija. Biex timmotivana f’dan kollu hemm “l-imħabba ta’ Alla, li tinfirex lil hinn fi qlub il-bnedmin; għalhekk, hi l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra” (1 Nephi 11:22).
I.
Ġurnata biss qabel Ħadd il-Għid, ikun f’waqtu li nitkellem l-ewwel dwar il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. Il-Qawmien mill-Imwiet hu l-pilastru personali mill-aktar konfortanti tal-fidi tagħna. Jagħti aktar tifsira lid-duttrina tagħna, aktar motivazzjoni lill-imġieba tagħna, u aktar tama lill-ġejjieni tagħna.
Peress li aħna nemmnu d-deskrizzjoni tal-Qawmien mill-Imwiet litterali ta’ Ġesù Kristu li hemm fil-Bibbja u fil-Ktieb ta’ Mormon, aħna naċċettaw ukoll id-diversi tagħlim skritturali li jgħid li n-nies mortali kollha li qatt għexu fid-dinja se jesperjenzaw qawmien mill-imwiet simili.1 Kif għallem Ġesù, “Għax jiena ngħix, intom ukoll għad tgħixu” (Ġwanni 14:19). U l-Appostli tiegħu għallmu li “il-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar” u “dak li jmut jilbes l-immortalità” (1 Korintin 15:52, 54).
Iżda l-Qawmien mill-Imwiet jagħtina ferm aktar minn din l-assigurazzjoni tal-immortalità. Hu jibdel il-mod kif aħna nħarsu lejn il-ħajja mortali.
Il-Qawmien mill-Imwiet jagħtina l-perspettiva u l-qawwa li nibqgħu nissaportu l-isfidi mortali li lkoll kemm aħna u dawk li nħobbu niffaċċjaw. Jagħtina mod ġdid kif inħarsu lejn id-defiċjenzi fiżiċi, mentali, jew emozzjonali li nitwieldu bihom jew li jolqtuna tul il-ħajja mortali tagħna. Jagħtina l-qawwa li nissaportu n-niket, il-falliment, u l-frustrazzjoni. Peress li lkoll kemm aħna ċerti li se nerġgħu nqumu mill-imwiet, aħna nafu li dawn id-defiċjenzi mortali u l-oppożizzjoni li niffaċċjaw huma biss temporanji.
Il-Qawmien mill-Imwiet jagħtina wkoll inċentiv b’saħħtu li nħarsu l-kmandamenti ta’ Alla tul il-ħajja mortali tagħna. Meta nqumu mill-mewt u ngħaddu għall-Ġudizzju Finali kif hu mbassar, aħna rridu li nkunu kkwalifikajna għall-akbar barkiet li huma mwiegħda lil min iqum mill-imwiet.2
Barra minn hekk, il-wegħda li l-Qawmien mill-Imwiet jista’ jinkludi wkoll opportunità li nkunu mal-membri tal-familja tagħna—żewġek, martek, uliedek, il-ġenituri, u nislek kollu—huwa ta’ inkuraġġiment kbir biex inwettqu r-responsabbiltajiet tagħna fil-familja f’din il-ħajja mortali. Jgħinna wkoll biex f’din il-ħajja aħna ngħixu flimkien f’imħabba u jfarraġna fil-mewt tal-maħbubin tagħna. Aħna nafu li dawn is-separazzjonijiet mortali huma biss temporanji, u nħarsu ’l quddiem għal riunjoni ta’ ferħ, waħda wara l-oħra, mal-maħbubin tagħna. Il-Qawmien mill-Imwiet jipprovdilna t-tama u l-qawwa li nibqgħu nżommu l-paċenzja waqt li nistennew. Iħejjina wkoll b’kuraġġ u dinjità ħalli niffaċċjaw l-istess mewt tagħna—anke jekk niġu msejħin biex immutu qabel iż-żmien.
Dawn l-effetti kollha tal-Qawmien mill-Imwiet huma parti mill-ewwel tweġiba għall-mistoqsija “X’għamel għalija Ġesù Kristu?”
II.
Għal ħafna minna, l-opportunità li ninħafru minn dnubietna hija l-akbar tifsira tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Fil-qima tagħna, aħna nkantaw:
Hu xerred dak demmu li tant prezzjuż kien;
Biex lilna hu jeħles mid-dnub,
Bħala sagrifiċċju ħajtu hu ta,
Għad-dnubiet tal-umanità.3
Is-Salvatur u l-Feddej tagħna għadda minn tbatija inkomprensibbli biex Hu sar is-sagrifiċċju għad-dnubiet tal-bnedmin kollha li lesti li jindmu. Dan is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni offra l-akbar tjubija, il-ħaruf mingħajr tebgħa, għall-akbar doża ta’ ħażen, id-dnubiet tad-dinja kollha. Fetaħ il-bieb għal kull wieħed u waħda minna biex nitnaddfu mid-dnubiet personali tagħna ħalli nkunu nistgħu nerġgħu nidħlu fil-preżenza ta’ Alla, il-Missier Etern tagħna. Dan il-bieb miftuħ hu disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla. Fil-qima tagħna, aħna nkantaw:
Nistagħġeb ukoll li hu niżel mit-tron divin
Biex jeħles ruħ ribelluża u mkabbra bħal din,
Għalija mħabbtu tant kbira w manjifika.4
L-effett meraviljuż u inkomprensibbli tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hu bbażat fuq l-imħabba ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna. Jafferma d-dikjarazzjoni tiegħu li “il-valur tal-erwieħ”—kull ruħ—“hu kbir f’għajnjen Alla” (Doctrine and Covenants 18:10). Fil-Bibbja, Ġesù Kristu spjega dan biex jiddeskrivi l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġwanni 3:16). Fir-rivelazzjoni moderna l-Feddej tagħna Ġesù Kristu ddikjara li Hu “hekk ħabb lid-dinja li ta ħajtu, biex kull min jemmen jista’ jsir iben Alla” (Doctrine and Covenants 34:3).
Hi ħaġa tal-għaġeb, mela, li l-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu jagħlaq bit-tagħlim li biex insiru “perfetti” u “mqaddsa fi Kristu” aħna għandna “nħobbu lil Alla bil-qawwa tagħna kollha u b’moħħna kollu”? (Moroni 10:32–33). Il-pjan tiegħu mmotivat bl-imħabba għandna nirċevuh bl-imħabba.
III.
X’għamel aktar għalina s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu? Permezz tat-tagħlim tal-profeti tiegħu u permezz tal-ministeru personali tiegħu, Ġesù għallimna l-pjan tas-salvazzjoni. Dan il-pjan jinkludi l-Ħolqien, l-għan tal-ħajja, il-bżonn tal-oppożizzjoni, u r-rigal tal-volontà. Hu għallimna wkoll il-kmandamenti u l-patti li għandna nobdu u l-ordinanzi li għandna nesperjenzaw biex joħduna lura ħdejn il-ġenituri tagħna tas-smewwiet.
Fil-Bibbja naqraw it-tagħlim tiegħu: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġwanni 8:12). U fir-rivelazzjoni moderna naqraw, “Araw, Jiena Ġesù Kristu, … dawl li ma jistax jinħeba fid-dlam” (Doctrine and Covenants 14:9). Jekk aħna nimxu wara t-tagħlim tiegħu, Huwa jdawwal it-triq tagħna f’din il-ħajja u jassigura d-destin tagħna fil-ħajja li jmiss.
Peress li Huwa jħobbna, Hu jitlobna biex niffokaw fuqu, minflok fuq l-affarijiet ta’ din id-dinja mortali. Fid-diskors meraviljuż tiegħu dwar il-ħobż tal-ħajja, Ġesù għallem li m’għandniex inkunu fost dawk li jattiraw ruħhom l-aktar bil-ħwejjeġ tad-dinja —il-ħwejjeġ li jsostnu l-ħajja fid-dinja iżda ma jagħtu l-ebda nutriment għall-ħajja eterna.5 Kif jistedinna kontinwament Ġesù, “Imxu warajja.”6
IV.
Finalment, il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem li bħala parti mill-Espjazzjoni tiegħu, Ġesù Kristu “bata kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tentazzjoni; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu se jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu” (Alma 7:11).
Għalfejn is-Salvatur tagħna bata dawn l-isfidi mortali “ta’ kull tip”? Alma spjega, “U se jieħu fuqu s-sofferenza tagħhom, sabiex hu jkun mimli bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli huwa jkun jaf, skont il-ġisem, kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:12).
Is-Salvatur tagħna jħoss u jaf it-tentazzjoni tagħna, id-diffikultajiet tagħna, l-uġigħ il-qalb tagħna, u t-tbatija tagħna, għax Hu minn jeddu esperjenzahom kollha bħala parti mill-Espjazzjoni tiegħu. Skrittura oħra tafferma dan. It-Testment il-Ġdid jiddikjara, “Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib” (Lhud 2:18). Isaija jgħallem, “La titħassibx, għax miegħek jien: … jiena nwettqek, jiena ngħinek” (Isaija 41:10). Dawk kollha li jsofru kull tip ta’ sofferenza mortali għandhom jiftakru li s-Salvatur tagħna esperjenza wkoll dak it-tip ta’ wġigħ, u li permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, Hu joffri lil kull wieħed u waħda minna l-qawwa li nibqgħu nissaportu.
Il-Profeta Joseph Smith kiteb summarju ta’ dan kollu tielet artiklu tal-fidi: “Aħna nemmnu li permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu, il-bnedmin kollha jistgħu jsalvaw, jekk huma jobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.”
“X’għamel għalija Ġesù Kristu?” staqsiet dik l-oħt. Skont il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet, Huwa “ħoloq is-sema u l-art” (Doctrine and Covenants 14:9) ħalli lkoll kemm aħna jkun jista’ jkollna l-esperjenza mortali neċessarja biex infittxu d-destin divin tagħna. Bħala parti mill-pjan tal-Missier, il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu rebaħ fuq il-mewt biex jassigurana lkoll mill-immortalità. Is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu jagħti lilna lkoll l-opportunità li nindmu minn dnubietna u nerġgħu lura ndaf fid-dar tagħna fis-smewwiet. Il-kmandamenti u l-patti tiegħu juruna t-triq, u s-saċerdozju tiegħu jagħti l-awtorità li jitwettqu l-ordinanzi li huma essenzjali biex nilħqu dak id-destin. U s-Salvatur tagħna esperjenza minn jeddu kull uġigħ u sofferenza mortali ħalli Hu jkun jaf kif jista’ jqawwina fis-sofferenza tagħna.
Ġesù Kristu għamel dan kollu għaliex Huwa jħobb lill-ulied kollha ta’ Alla. L-imħabba hija l-motivazzjoni ta’ dan kollu, u ilha hekk mill-bidu nett. Alla qalilna permezz tar-rivelazzjoni moderna li “hu ħoloq … raġel u mara, fix-xbieha tiegħu … ; u tahom kmandamenti li għandhom iħobbuh u jservuh” (Doctrine and Covenants 20:18–19).
Jiena nixhed dwar dan kollu u nitlob li aħna lkoll niftakru x’għamel is-Salvatur tagħna għal kull wieħed u waħda minna u li aħna lkoll inħobbuh u nservuh, f’isem Ġesù Kristu, amen.