“Il-Prinċipji tal-Evanġelju Tiegħi”
(Doctrine and Covenants 42:12)
Prinċipju tal-evanġelju hu linji gwida b’bażi duttrinali għall-eżerċizzju xieraq tal-volontà morali.
Fil-konferenza ġenerali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ta’ Ottubru 1849, il-Presbiteru John Taylor tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ġie msejjaħ biex jiftaħ il-ġens ta’ Franza għall-predikazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Is-servizz tiegħu kien jinkludi l-editjar tal-ewwel rivista uffiċjali tal-Knisja f’dak il-pajjiż. Il-Presbiteru Taylor ħejja u ppubblika artiklu fl-1851 bi tweġiba għal mistoqsijiet frekwenti li hu kien ġie mistoqsi dwar il-Knisja. U lejn l-aħħar tal-artiklu, il-Presbiteru Taylor semma dan l-episodju li ġej:
“Xi snin ilu, ġewwa Nauvoo, wieħed raġel li kien jinsab ħdejja, membru tal-Leġislatura, staqsa lil Joseph Smith kif hu kien jirnexxielu jmexxi daqstant nies, u jippreserva daqstant ordni b’mod perfett; u semma kif fl-istess ħin kienet ħaġa impossibbli li huma jagħmlu dan xi mkien ieħor. Is-Sur Smith qal li ma kienx diffiċli tagħmel dan. ‘Kif?’ wieġeb dak ir-raġel; ‘għalina hi ħaġa mill-aktar diffiċli.’ Is-Sur Smith wieġeb, ‘Jien ngħallimhom prinċipji korretti, u huma jmexxu lilhom infushom.’”1
Jien nitlob li l-Ispirtu s-Santu jgħallem u jedifika lil kull wieħed u waħda minna hekk kif jien nenfasizza l-irwol importanti tal-prinċipji fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.
Prinċipji
Il-Mulej żvela lill-Profeta Joseph Smith li “il-presbiteri, il-qassisin, u l-għalliema ta’ din il-knisja għandhom jgħallmu l-prinċipji tal-evanġelju tiegħi, li jinsabu fil-Bibbja u fil-Ktieb ta’ Mormon, li fih il-milja tal-evanġelju.”2 Hu ddikjara wkoll li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandhom “jiġu mgħallmin b’aktar perfezzjoni fit-teorija, fil-prinċipju, fid-duttrina, fil-liġi tal-evanġelju, f’dak kollu li għandu x’jaqsam mas-saltna ta’ Alla, li jaqbel għalikom li tkunu tafu.”3
Fi ftit kliem, prinċipju tal-evanġelju hu linji gwida b’bażi duttrinali għall-eżerċizzju xieraq tal-volontà morali. Il-prinċipji huma ġejjin minn firxa aktar wiesgħa ta’ veritajiet tal-evanġelju u jipprovdu direzzjoni u ċerti standards hekk kif aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt.
Per eżempju, l-ewwel tliet Artikli tal-Fidi jidentifikaw aspetti fundamentali tad-duttrina tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu: in-natura tad-Divinità fl- ewwel artiklu tal-fidi, l-effett tal-Waqgħa ta’ Adam u Eva fit- tieni artiklu tal-fidi, u l-barkiet li huma possibbli permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu fit- tielet artiklu tal-fidi.4 U r- raba’ artiklu tal-fidi jistabbilixxi l-ewwel prinċipji—il-linji gwida dwar l-eżerċizzju tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u l-indiema—u l-ewwel ordinanzi tas-saċerdozju li jwasslu biex l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tkun tista’ tkun effikaċi f’ħajjitna.5
Il-Kelma tal-Għerf hi eżempju ieħor ta’ prinċipju bħala linji gwida. Jekk jogħġobkom innutaw dawn il-versi introduttorji f’ sezzjoni 89 tad-Duttrina u Patti:
“Mogħti bħala prinċipju b’wegħda, adattat biex jilħaq lid-dgħajfin u lil dawk l-aktar dgħajfa fost il-qaddisin, li jissejħu jew se jissejħu qaddisin.
“Araw, fis-sewwa, jgħidilkom il-Mulej: Minħabba l-ħażen u t-tattiċi li jeżistu u se jeżistu fi qlub dawk il-bnedmin li fl-aħħar żminijiet se jikkonfoffaw, jiena widdibtkom u se nerġa’ nwiddibkom, billi nagħtikom din il-kelma tal-għerf permezz ta’ rivelazzjoni.”6
L-istruzzjoni ispirata li hemm wara din l-introduzzjoni tipprovdi linji gwida kemm għall-benesseri fiżika kif ukoll dik spiritwali u tixhed dwar ċerti barkiet speċifiċi marbutin mal-fedeltà tagħna lejn il-prinċipju.
It-tagħlim, l-għarfien, u li ngħixu l-prinċipji tal-evanġelju jsaħħu l-fidi tagħna fis-Salvatur, ikabbru d-devozzjoni tagħna lejh, u jistiednu għadd kbir ta’ barkiet u doni spiritwali f’ħajjitna. Il-prinċipji tas-sewwa jgħinuna wkoll li nħarsu lil hinn mill-preferenzi personali u x-xewqat egoċentriċi tagħna billi jipprovdulna perspettiva prezzjuża ta’ verità eterna hekk kif ninnavigaw iċ-ċirkustanzi, l-isfidi, id-deċiżjonijiet, u l-esperjenzi differenti tal-mortalità.
Eżempji Kontemporanji ta’ Tagħlim ta’ Prinċipji Korretti
Id-dikjarazzjoni mill-Profeta Joseph Smith dwar it-tagħlim ta’ prinċipji korretti hi probabbilment fost l-aktar tagħlim ikkwotat tiegħu. U aħna nsibu eżempji mill-aqwa ta’ dan il-mudell ispirat ta’ tagħlim fid-dikjarazzjonijiet tal-qaddejja awtorizzati tal-Mulej illum.
Il-Prinċipju ta’ Ebda Distrazzjoni
Fl-1998 il-President Dallin H. Oaks tkellem fil-konferenza ġenerali dwar id-dmirijiet ta’ dawk li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Aron relatati mal-preparazzjoni u l-amministrar tas-sagrament. Hu ddeskriva il-prinċipju ta’ ebda distrazzjoni u indika li wieħed li jħaddan is-Saċerdozju ta’ Aron ma jrid li jkollu xejn fid-dehra jew fl-imġieba tiegħu li jista’ jfixkel lil xi membru tal-Knisja mill-qima u t-tiġdid tal-patti tiegħu jew tagħha. Il-President Oaks enfasizza wkoll il-prinċipji relatati tal-ordni, tal-indafa, tal-qima, u tad-dinjità.
Interessanti l-fatt li l-President Oaks ma pprovdiex lill-ġuvintur xi lista twila ta’ affarijiet x’għandhom jagħmlu u ma jagħmlux. Minflok, hu spjega l-prinċipju bl-istennija li l-ġuvintur u l-ġenituri u l-għalliema tagħhom jużaw il-ġudizzju u l-ispirazzjoni tagħhom biex jimxu mal-linji gwida.
Huwa spjega: “Jien mhux se nissuġġerixxi xi regoli dettaljati, peress li ċ-ċirkustanzi f’oqsma u fergħat differenti fil-Knisja tagħna madwar id-dinja huma daqstant differenti li xi regola speċifika li taf tidher meħtieġa f’xi post partikolari taf ma tkunx xierqa xi mkien ieħor. Minflok, jien se nissuġġerixxi prinċipju bbażat fuq id-duttrina. Jekk kulħadd jifhem dan il-prinċipju u jaġixxi f’armonija miegħu, ma tantx ikun hemm bżonn ta’ regoli. Jekk f’ċerti każijiet individwali jkun hemm bżonn ta’ xi regoli jew gwida, dawn jistgħu jipprovduhom il-mexxejja lokali, konsistenti mad-duttrina u mal-prinċipji relatati tagħha.”7
Il-Prinċipju ta’ Jum il-Mulej bħala Sinjal
Fil-konferenza ġenerali ta’ April 2015, il-President Russell M. Nelson għallimna li “Jum il-Mulej hu l-għaxqa tagħna.”8 Hu spjega wkoll kif hu personalment kien fehem prinċipju bażiku dwar kif għandna nonoraw Jum il-Mulej:
“Kif nistgħu nqaddsu Jum il-Mulej? Meta kont ħafna iżgħar, jien studjajt dak li għamlu dawk li għamlu lista ta’ affarijiet ta’ x’setgħu jagħmlu u affarijiet li ma setgħux jagħmlu f’Jum il-Mulej. Kien biss aktar tard li jiena tgħallimt mill-iskrittura li l-imġieba tiegħi u l-attitudni tiegħi dwar Jum il-Mulej kienu jikkostitwixxu sinjal bejni u bejn Missieri fis-Smewwiet. B’dak l-għarfien, jien ma kellix bżonn aktar ta’ listi dwar x’nista’ nagħmel u x’ma nistax. Meta kelli nieħu deċiżjoni jekk xi attività kenitx xierqa jew le għal Jum il-Mulej, jien sempliċiment bdejt nistaqsi lili nnifsi, ‘X’sinjal irrid inwassal lil Alla?’ Dik il-mistoqsija wasslet biex l-għażliet tiegħi għal Jum il-Mulej ikunu ċari kristall.”9
Il-mistoqsija sempliċi iżda mill-aktar importanti tal-President Nelson tenfasizza prinċipju li jneħħi kull inċertezza dwar xi tfisser u x’għandna nagħmlu biex nonoraw Jum il-Mulej. Il-mistoqsija tiegħu tiġbor fiha linji gwida u standard li jistgħu jbierku lilna lkoll fiċ-ċirkustanzi varji tagħna.
Il-Prinċipju li Tkun Lest li Tħalli lil Alla Jiddomina
Sitt xhur ilu waqt il-konferenza ġenerali, il-President Nelson iddeskriva l-ferħ personali tiegħu hekk kif hu tgħallem xi ħaġa ġdida dwar it-tifsira tal-kelma Iżrael. Hu qalilna li ruħu mtliet fil-ferħ hekk kif hu sar jaf li “l-istess isem ta’ Iżrael jirreferi għal wieħed li hu lest iħalli lil Alla jiddomina f’ħajtu.”10 Il-President Nelson imbagħad identifika numru ta’ implikazzjonijiet importanti li joħorġu minn dan l-għarfien.
Il-messaġġ tiegħu dwar kif wieħed għandu jkun lest iħalli lil Alla jiddomina huwa eżempju meraviljuż ta’ tagħlim ta’ prinċipji korretti ħalli aħna nkunu nistgħu mmexxu lilna nfusna. U l-istess kif għamel fil-messaġġ tiegħu dwar kif għandna nagħmlu Jum il-Mulej l-għaxqa tagħna, il-President Nelson għamlilna numru ta’ mistoqsijiet ibbażati fuq prinċipji li jservu bħala gwida u standard għal kull wieħed u waħda minna.
“Inti lest tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek?”
Huwa kompla:
“Ikkunsidraw kif din ir-rieda tista’ tberikkom. Jekk inti mhux miżżewweġ u qed tfittex sieħeb jew sieħba eterna, ix-xewqa li tkun ‘ta’ Iżrael’ tgħinek tiddeċiedi ma’ min u kif se tinnamra.
“Jekk inti miżżewweġ lil xi persuna li kisret il-patti tagħha, ir-rieda tiegħek li tħalli lil Alla jiddomina f’ħajtek tippermetti biex il-patti tiegħek ma’ Alla jibqgħu intatti. Is-Salvatur se jfejjaq lill-qalb maqsuma tiegħek. Is-smewwiet jinfetħu hekk kif tipprova ssir taf kif tista’ timxi ’l quddiem. M’għandekx għalfejn toqgħod titlajja jew titħasseb.
“Jekk għandek xi mistoqsijiet sinċiera dwar l-evanġelju jew il-Knisja, jekk tħalli lil Alla jiddomina, inti tiġi mmexxi biex issib u tifhem il-veritajiet assoluti u eterni li jiggwidawlek ħajtek u jgħinuk tibqa’ sod fit-triq tal-patt.
“Meta tħabbat wiċċek mat-tentazzjoni—anke jekk it-tentazzjoni tiġi meta tħossok għajjien u ffrustrat jew meta tħossok waħdek jew li mhu jifhmek ħadd—immaġina x’kuraġġ tista’ tikseb jekk tagħżel li tħalli lil Alla jiddominalek ħajtek u hekk kif titolbu biex iqawwik.
“Meta l-akbar xewqa tiegħek hi li tħalli lil Alla jiddomina, biex tkun parti minn Iżrael, ħafna deċiżjonijiet isiru aktar faċli. Ħafna kwistjonijiet ma jibqgħux aktar importanti! Tkun taf kif għandek tieħu ħsieb aħjar tiegħek innifsek. Tkun taf x’għandek tara u taqra, fejn tqatta’ ħinek, u ma’ min tagħmilha. Tkun taf xi trid twettaq f’ħajtek. Tkun taf it-tip ta’ bniedem li trid verament tkun.”11
Innutaw kemm-il deċiżjoni kruċjali u kemm-il esperjenza tal-ħajja jistgħu jiġu influwenzati permezz tal-prinċipju li tkun lest li tħalli lil Alla jiddomina: namrar u żwieġ, mistoqsijiet dwar l-evanġelju, tentazzjoni, kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek, x’tara u x’taqra, fejn tqatta’ ħinek, ma’ min tagħmilha u ħafna affarijiet oħra. Il-mistoqsijiet ispirati tal-President Nelson jenfasizzaw prinċipju sempliċi li jipprovdilna direzzjoni f’kull aspett ta’ ħajjitna u jagħtina ċans immexxu lilna nfusna.
Naqra ta’ Tmun
Meta Joseph Smith kien jinsab inkarċerat fiċ-Ċella ta’ Liberty, hu kiteb numru ta’ ittri lill-membri u lill-mexxejja tal-Knisja biex jagħtihom ċerti struzzjonijiet kif ukoll biex ifakkarhom li “vapur kbir ħafna jibbenefika ferm minn naqra ta’ tmun waqt maltempata, billi jibqa’ jiġi nnavigat qalb ir-riħ u l-mewġ.”12
“Tmun” huwa rota jew laċċ u l-apparat marbut magħhom li jintuża biex tmexxi vapur jew dgħajsa. U “tibqa’ tinnaviga qalb ir-riħ u l-mewġ” ifisser li ddawwar il-vapur b’tali mod li jżomm il-bilanċ tiegħu u ma jinqalibx waqt xi maltempata.
Għalija u għalik il-prinċipji tal-evanġelju huma dak li tmun hu għal vapur. Il-prinċipji korretti tal-evanġelju jagħmluha possibbli li aħna nsibu t-triq tagħna u li nieqfu sodi, fermi, u immobbli ħalli ma nitilfux il-bilanċ tagħna u nispiċċaw naqgħu fil-maltemp qalil tad-dlam u l-konfużjoni tal-aħħar żminijiet.
Aħna ġejna mberkin b’mod abbundanti f’din il-konferenza ġenerali fejn tgħallimna dwar prinċipji eterni mingħand il-qaddejja awtorizzati tal-Mulej. Issa, ir-responsabbiltà individwali tagħna hi li mmexxu lilna nfusna skont il-veritajiet li dwarhom huma taw xhieda.13
Testimonjanza
Il-President Ezra Taft Benson għallem, “Għas-sitt xhur li ġejjin, l-edizzjoni tal-konferenza tal-[Liahona] tagħkom għandkom tpoġġuha ħdejn il-kitbiet kanoniċi tagħkom u tirreferu għaliha ta’ spiss.”14
Bl-enerġija kollha ta’ ruħi, jien nistieden lilna lkoll biex nitgħallmu, ngħixu, u nħobbu lill-prinċipji tas-sewwa. Huma biss il-veritajiet tal-evanġelju li jagħmluha possibbli li “nagħmlu b’ferħ dak kollu li għandna l-qawwa nagħmlu” biex nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt u “naraw is-salvazzjoni ta’ Alla, u dirgħajh jiġu żvelati lilna.”15
Jien naf li d-duttrina u l-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huma s-sorsi fundamentali ta’ direzzjoni għal ħajjitna u għall-ferħ dejjiem fil-mortalità u fl-eternità. U f’din l-għodwa glorjuża ta’ Ħadd il-Għid, jiena nixhed b’ferħ li s-Salvatur ħaj tagħna huwa l-funtana li minnha jnixxu dawn il-veritajiet. Dan nixhdu fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.