Konferenza Ġenerali
Tkunu Ħielsa
konferenza ġenerali April 2021


Tkunu Ħielsa

Ġesù Kristu huwa d-dawl li għandna nżommu fil-għoli anke waqt iż-żminijiet mudlama tal-ħajja mortali tagħna.

Għeżież ħuti, jiena verament grat għall-privileġġ li għandi li nindirizzakom mill-Afrika. Hija barka li llum għandna t-teknoloġija u li nistgħu nużawha bl-aktar mod effettiv biex nilħqukom, tinsabu fejn tinsabu.

F’Settembru 2019 jien u Sister Mutombo, meta konna qed inservu bħala mexxejja tal-Missjoni ta’ Baltimore, Maryland, kellna l-privileġġ li nżuru xi siti storiċi tal-Knisja f’Palmyra, New York, waqt li konna qed nattendu seminar għat-tmexxija tal-missjoni. Temmejna ż-żjara tagħna fil-Masġar Sagru. L-intenzjoni tagħna li nżuru l-Masġar Sagru ma kenitx li jkollna xi manifestazzjoni speċjali jew xi viżjoni, iżda f’dan il-post sagru aħna fil-fatt ħassejna l-preżenza ta’ Alla. Qalbna mtliet bi gratitudni għall-Profeta Joseph Smith.

Fi triqitna lura Sister Mutombo nnotat li jien kelli tbissima kbira fuq wiċċi waqt li kont qed insuq, għalhekk staqsietni, “Għalfejn għandek daqstant eċċitament fuqek?”

Jien weġibtha, “Għażiża tiegħi Nathalie, il-verità dejjem tittrijonfa fuq l-iżball, u d-dalma mhux se tkompli tirrenja fid-dinja minħabba l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.”

Alla l-Missier u Ġesù Kristu żaru lit-tfajjel Joseph Smith biex joħorġu għad-dawl dak li kien moħbi, ħalli aħna nkunu nistgħu nirċievu “l-għarfien tal-affarijiet kif inhuma, … kif kienu, u kif se jkunu” (Doctrine and Covenants 93:24).

Wara aktar minn mitejn sena, huma ħafna li għadhom qed ifittxu l-veritajiet meħtieġa biex huma jinħelsu minn xi wħud mit-tradizzjonijiet u l-gideb li l-avversarju jxerred madwar id-dinja. Ħafna huma “għomja minħabba l-qerq sottili tal-bnedmin” (Doctrine and Covenants 123:12). Fl-Ittra tiegħu lill-Efesin, Pawlu għallem, “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu” (Efesin 5:14). Is-Salvatur wiegħed li Hu se jkun id-dawl għal dawk kollha li jisimgħu kliemu (ara 2 Nephi 10:14).

Ħamsa u tletin sena ilu, il-ġenituri tiegħi kienu wkoll għomja u kienu qed ifittxu verament li jkunu jafu l-verità u ma kinux jafu fejn se jmorru biex isibuha. Il-ġenituri tiegħi twieldu t-tnejn f’raħal, fejn it-tradizzjonijiet kellhom għeruq b’saħħithom fil-ħajja tal-individwi u fil-familji. It-tnejn li huma telqu mir-raħal tagħhom meta kienu għadhom żgħar u marru fil-belt ifittxu ħajja aħjar.

Huma żżewġu u bdew irabbu l-familja tagħhom b’mod mill-aktar modest. F’dar ċkejkna konna kważi tmien persuni—il-ġenituri tiegħi, jien u tnejn minn ħuti l-bniet, u kuġin li kien jgħix magħna. Jien kont niddubita jekk aħna konniex verament familja, għaliex ma kellniex permess li nieklu madwar l-istess mejda mal-ġenituri tagħna. Meta missierna kien jiġi lura mix-xogħol, malli jidħol id-dar, aħna konna niġu mitlubin biex noħorġu mill-kamra u mmorru barra. L-iljieli tagħna kienu qosra, għaliex ma konniex nistgħu norqdu minħabba n-nuqqas ta’ armonija u ta’ mħabba vera fiż-żwieġ tal-ġenituri tagħna. Darna mhux biss kienet żgħira fid-daqs, iżda kienet ukoll post mudlam. Qabel iltqajna mal-missjunarji, kull nhar ta’ Ħadd aħna konna nattendu knejjes differenti. Kien ċar li l-ġenituri tagħna kienu qed ifittxu xi ħaġa li d-dinja ma setgħetx tipprovdi.

Bqajna sejrin hekk sakemm iltqajna mal-Presbiteru u Sister Hutchings, l-ewwel koppja missjunarja anzjana li ssejħet biex isservi fiż-Zaire (li llum magħruf bħala RD tal-Congo jew Congo-Kinshasa). Meta bdejna niltaqgħu ma’ dawn il-missjunarji meraviljużi, li kienu qishom anġli mibgħuta minn Alla, jien innotajt li bdiet isseħħ bidla fil-familja tagħna. Wara l-magħmudija tagħna, aħna verament bdejna ftit ftit ngħixu stil ġdid ta’ ħajja minħabba l-evanġelju rrestawrat. Kliem Kristu beda jkabbar ruħna. Beda jdawwal l-għarfien tagħna u beda jkun mill-aktar delizzjuż għalina, hekk kif il-veritajiet li rċevejna bdejna nagħrfuhom u stajna naraw id-dawl, u dan id-dawl kompla dejjem jikber kuljum.

Dan l-għarfien tal- għalfejn tal-evanġelju kien qed jgħinna nsiru aktar bħas-Salvatur. Id-daqs ta’ darna ma nbidilx; lanqas il-kundizzjonijiet soċjali tagħna. Iżda jiena stajt nara bidla f’qalb il-ġenituri tiegħi hekk kif bdejna nitolbu kuljum, filgħodu u filgħaxija. Aħna bdejna nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon; bdejna nagħmlu lejla d-dar mal-familja; aħna verament sirna familja. Kull nhar ta’ Ħadd bdejna nqumu fis-6 ta’ filgħodu biex nippreparaw ħalli mmorru l-knisja, u konna nivvjaġġaw għal sigħat sħaħ biex kull ġimgħa nattendu l-laqgħat tal-Knisja, mingħajr ebda tgergir. Kienet esperjenza meraviljuża li esperjenzajna. Aħna, li qabel konna nimxu fid-dlam, keċċejna d-dlam minn fostna (ara Doctrine and Covenants 50:25) u rajna “dawl kbir” (2 Nephi 19:2).

Niftakar darba meta ma kontx lest li nqum kmieni filgħodu għat-talba tagħna tal-familja, jien bdejt ingerger ma’ ħuti l-bniet minn taħt l-ilsien, “M’hawn xejn aktar x’nistgħu nagħmlu f’din id-dar ħlief li nitolbu, nitolbu, nitolbu.” Missieri sema’ l-kummenti tiegħi. Għadni niftakar ir-reazzjoni tiegħu, hekk kif hu b’imħabba iżda b’mod mill-aktar ċar għallimni, “Sakemm inti se tkun għadek f’din id-dar, inti se titlob, titlob, titlob.”

Kliem missieri għadu jidwi f’widnejja llum. X’taħsbu li nagħmlu jien u Sister Mutombo flimkien ma’ wliedna llum? Aħna nitolbu, nitolbu, u nitolbu. Dan hu l-wirt tagħna.

Ir-raġel li twieled għami u tfejjaq minn Ġesù Kristu, wara ħafna pressjoni mill-ġirien tiegħu u mill-Fariżej, qal:

“Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, Mur fis-Silwam u nħasel hemm. Mort, inħsilt, u ġejt nara. …

“… Li naf hu li jien kont agħma u issa qiegħed nara” (Ġwanni 9:11, 25).

Aħna wkoll konna għomja u issa nistgħu naraw. L-evanġelju rrestawrat ħalla impatt fuq il-familja tagħna minn dak iż-żmien ’l hawn. L-għarfien tal- għalfejn tal-evanġelju bierek tliet ġenerazzjonijiet tal-familja tiegħi u se jkompli jbierek bosta ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.

Ġesù Kristu huwa d-dawl li jiddi fid-dlam. Dak li jimxi warajh “ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġwanni 8:12).

Għal kważi sena bejn l-2016 u l-2017, in-nies fir-reġjun tal-Kasai ffaċċjaw traġedji mill-aktar terribbli. Kien żmien mill-aktar mudlam għan-nies minħabba kunflitt bejn grupp tradizzjonali ta’ gwerriera u l-forzi tal-gvern. Il-vjolenza nfirxet mal-bliet fil-Provinċja tal-Kasai Ċentrali sar-reġjun aktar wiesa’ tal-Kasai. Ħafna nies ħarbu minn darhom minħabba sigurtà u marru jistaħbew fis-selvaġġ. Huma ma kellhom l-ebda ikel jew ilma, jew kwalunkwe ħaġa oħra, u fosthom kien hemm xi membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fil-reġjun tal-Kananga. Xi membri tal-Knisja spiċċaw inqatlu mill-milizzja.

Brother Honoré Mulumba tal-Qasam ta’ Nganza fil-Kananga u l-familja tiegħu kienu fost il-ftit nies li baqgħu moħbijin fid-dar tagħhom, għax ma kinux jafu fejn se jmorru peress li t-toroq kienu ġew trasformati f’zoni tal-isparar. Darba waħda xi nies mill-milizzja ta’ dawk l-inħawi ndunaw bi Brother Mulumba u l-familja tiegħu, hekk kif lejla waħda huma ħarġu biex jippruvaw isibu xi ftit ħxejjex għall-ikel fil-ġnien tal-familja. Grupp ta’ rġiel tal-milizzja marru fid-dar tagħhom u mbagħad ħarġuhom barra u qalulhom biex jagħżlu jekk kinux lesti li jobdu d-drawwiet tal-milizzja tagħhom jew li jinqatlu.

B’kuraġġ Brother Mulumba qalilhom, “Jiena membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Jien u l-familja tiegħi aċċettajna lil Ġesù Kristu u għandna l-fidi fih. Aħna se nibqgħu fidili lejn il-patti tagħna u naċċettaw li mmutu.”

Huma qalulhom, “La għażiltu lil Ġesù Kristu, ġisimkom se jittiekel mill-klieb,” u wegħduhom li kienu se jerġgħu lura. Iżda qatt ma reġgħu marru lura, u l-familja baqgħet hemm għal xahrejn sħaħ u qatt ma reġgħu rawhom. Brother Mulumba u l-familja tiegħu żammew it-torċa tal-fidi tagħhom mixgħula. Huma ftakru fil-patti tagħhom u ġew protetti.

Ġesù Kristu huwa d-dawl li għandna nżommu fil-għoli anke waqt iż-żminijiet mudlama tal-ħajja mortali tagħna (ara 3 Nephi 18:24). Meta nagħżlu li nimxu wara Kristu, aħna nagħżlu li ninbidlu. Min jinbidel għal Kristu jiġi mmexxi minn Kristu, u aħna nistgħu nistaqsu, kif għamel Pawlu, “Mulej, xi tridni nagħmel?” (Atti 9:6). Aħna “nimxu fuq il-passi tiegħu” (1 Pietru 2:21). Aħna “nimxu, kif mexa hu stess” (1 Ġwanni 2:6). (Ara Ezra Taft Benson, “Born of God,” Tambuli, Ott. 1989, 2, 6.)

Jiena nixhed li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum u tela’ fis-smewwiet ħalli intom u jien nirċievu l-barkiet tal-immortalità u l-eżaltazzjoni. Huwa “id-dawl, … il-ħajja, u l-verità” (Ether 4:12). Hu l-antidot u r-rimedju għall-konfużjoni tad-dinja. Hu l-istandard tal-eċċellenza għall-eżaltazzjoni, sewwasew Ġesù Kristu. F’isem Ġesù Kristu, amen.