Konferenza Ġenerali
In-Niket Tagħna Għad Jitbiddel f’Hena
konferenza ġenerali April 2021


In-Niket Tagħna Għad Jitbiddel f’Hena

Nistieden lil dawk kollha li għaddejjin minn żmien ta’ niket, li qed jistaqsu x’jiġri wara li mmutu, biex jemmnu fi Kristu.

Bosta snin ilu, meta kont qed nattendi għal laqgħat fil-Belt ta’ Salt Lake, ġie jilqagħni l-għażiż profeta tagħna, Russell M. Nelson. Bil-mod simpatiku u personali tipiku tiegħu, hu staqsieni, “Mark, kif inhi ommok?”

Jien għidtlu li kont ħdejha aktar kmieni dik il-ġimgħa fid-dar tagħha fi New Zealand u li hi kienet qed tikber iżda li kienet mimlija fidi u kienet ta’ ispirazzjoni għal kull min jafha.

Imbagħad qalli, “Jekk jogħġbok sellili għaliha … u għidilha li nħares ’il quddiem biex nerġa’ naraha.”

Jien issorprendejt ruħi u staqsejtu, “Hemm xi pjan li żżur New Zealand fil-viċin?”

B’sinċerità profonda wieġeb, “Le le, se niltaqa’ magħha fil-ħajja li jmiss.”

Ma kienx qiegħed jiċċajta b’li qalli. Kienet espressjoni mill-aktar naturali ta’ xi ħaġa fattwali. F’dak il-mument mill-aktar privat u spontanju, jien smajt u ħassejt fija testimonjanza mingħand profeta ħaj li l-ħajja tkompli wara l-mewt.

F’din it-tmiem il-ġimgħa tal-konferenza, intom se tisimgħu lil appostli u profeti ħajjin jixhdu dwar il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. “Il-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema[;] … kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żieda ma’ dan.”1 Inwegħidkom li meta tisimgħu b’intenzjoni ġenwina, l-Ispirtu jikkonfermalkom f’moħħkom u f’qalbkom il-verità ta’ dawn it-testimonjanzi.2

L-Appostli ta’ Ġesù ta’ żmien il-qedem inbidlu kompletament għal dejjem wara li Hu deherilhom wara l-mewt tiegħu. Għaxra minnhom raw b’għajnejhom li Hu kien qam mill-imwiet. Tumas, li għall-ewwel ma kienx magħhom, iddikjara, “Jekk ma narax … , jien ma nemminx.”3 Aktar tard Ġesù widdeb lil Tumas, “Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”4 Imbagħad il-Mulej għallem dan l-irwol tal-fidi mill-aktar importanti: “Henjin dawk li ma rawx, u emmnu.”5

Il-Mulej imqajjem mill-imwiet talab lill-Appostli tiegħu biex ikunu xhieda tiegħu. L-istess kif jagħmlu l-Appostli ħajjin tagħna llum, huma ħallew warajhom l-impjiegi sekulari tagħhom u qattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom jiddikjaraw b’qawwa li Alla qajjem mill-mewt lil dan Ġesù. It-testimonjanza qawwija tagħhom wasslet biex eluf ta’ nies aċċettaw l-istedina li jitgħammdu.6

Il-messaġġ glorjuż tal-għodwa tal-Għid hu ċentrali għall-Kristjanità kollha. Ġesù Kristu qam mill-imwiet, u minħabba f’hekk, aħna wkoll se nerġgħu ngħixu wara li mmutu. Dan l-għarfien jagħti tifsira u għan lil ħajjitna. Jekk aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem bil-fidi, aħna ninbidlu għal dejjem, kif inbidlu l-Appostli tal-qedem. Aħna, bħalhom, inkunu nistgħu nibqgħu nissaportu kull tbatija b’fidi f’Ġesù Kristu. Din il-fidi tagħtina t-tama għal żmien meta “in-niket tagħna jitbiddel f’hena.”7

Il-fidi tiegħi taf il-bidu tagħha wara żmien ta’ niket.

Missieri u ommi kienu bdiewa jrabbu n-nagħaġ fi New Zealand.8 Huma kienu kuntenti b’ħajjithom. Fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa tagħhom, huma kienu mberkin bi tlett ibniet żgħar. L-iżgħar fosthom kien jisimha Ann. Darba waħda meta kienu qegħdin vaganza flimkien ħdejn lag, Ann, telqet timxi bil-mod instabbli tagħha ta’ tifla ta’ 17-il xahar li kienet. Wara ftit minuti jfittxuha b’disperazzjoni, sabuha mingħajr ħajja fl-ilma.

Din l-esperjenza ta’ terrur tefgħethom f’niket enormi. Snin wara missieri kiteb li ftit li xejn kien għad baqa’ mumenti ta’ ferħ f’ħajjithom. Dan wassal ukoll biex huma jkollhom xewqa li jkunu jafu t-tweġiba għall-aktar mistoqsijiet importanti tal-ħajja: X’se jiġri mill-għażiża tagħna Ann? Għad nerġgħu narawha? Kif nistgħu qatt nerġgħu nsibu l-ferħ bħala familja?

Xi snin wara din it-traġedja, żewġ missjunarji żgħażagħ mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġew iżuru r-razzett tagħna. Huma bdew jgħallmu l-veritajiet li jinsabu fil-Ktieb ta’ Mormon u fil-Bibbja. Dawn il-veritajiet jinkludu l-assigurazzjoni li Ann issa tinsab tgħix fid-dinja tal-ispirti. Minħabba l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu, hija wkoll se terġa’ tqum mill-mewt. Huma għallmuna li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu reġgħet ġiet irrestawrata fid-dinja bi profeta ħaj u tnax-il Appostlu ħajjin. U huma għallmu d-duttrina unika u meraviljuża li l-familji jistgħu jiġu magħqudin flimkien għal dejjem bl-istess awtorità tas-saċerdozju li Ġesù Kristu ta lill-Appostlu ewlieni tiegħu, Pietru.9

Ommi mill-ewwel għarfet il-verità u rċeviet xhieda tal-Ispirtu. Missieri, madankollu, dam jitqabad sena bejn id-dubji u t-tnebbiħ spiritwali. Hu kien qed isibha bi tqila wkoll li jibdel l-istil ta’ ħajja tiegħu. Għodwa waħda wara lejl imqajjem, meta kien ilu ħin twil jippassiġġa min-naħa għall-oħra, hu dar fuq ommi u qalilha, “Jew nitgħammed illum jew qatt.”

Ommi qalet b’dan lill-missjunarji, u huma immedjatament għarfu d-dawl tal-fidi li kien hemm iteptep f’missieri li jew issa kien se jsir fjamma jew minnufih jintefa.

Dik l-istess għodwa l-familja tagħna morna flimkien ħdejn l-aktar bajja viċin. Bla ma nafu x’kien qed jiġri, aħna t-tfal għamilna piknik fuq ir-ramel waqt li l-Presbiteri Boyd Green u Gary Sheffield idderiġew lill-ġenituri tiegħi lejn il-baħar u għammduhom. F’att ieħor ta’ fidi, Missieri b’mod privat ikkommetta ruħu mal-Mulej li jiġri x’jiġri, hu kien se jkun leali ħajtu kollha lejn il-wegħdiet li kien qed jagħmel.

Sena wara ġie ddedikat tempju f’Hamilton, New Zealand. Ftit wara l-familja tagħna, flimkien ma’ persuna li kienet qed tirrappreżenta lil Ann, inżilna għarkupptejna madwar l-artal f’dik id-dar sagra tal-Mulej. Hemmhekk, bl-awtorità tas-saċerdozju, aħna ġejna magħqudin flimkien bħala familja eterna f’ordinanza sempliċi u sabiħa. Dan ġabilna paċi u hena kbira.

Ħafna snin wara Missieri qalli li kieku ma kienx għall-mewt ta’ Ann, hu ma kienx se jkun umli biżżejjed li jaċċetta l-evanġelju rrestawrat. Madankollu l-Ispirtu tal-Mulej daħħal fih it-tama li dak li bdew jgħallmu l-missjunarji kien veru. Il-fidi tal-ġenituri tiegħi kompliet tissaħħaħ sakemm it-tnejn li huma spiċċaw bin-nar tat-testimonjanza jbaqbaq fihom li fis-skiet u b’umiltà kien ta’ gwida għal kull deċiżjoni f’ħajjithom.

Jiena għal dejjem grat għall-eżempju tal-ġenituri tiegħi lill-ġenerazzjonijiet futuri. Impossibbli ngħodd in-numru ta’ ħajjiet li nbidlu għal dejjem minħabba l-għemejjel ta’ fidi tagħhom bi tweġiba għal niket mill-aktar profond.

Nistieden lil dawk kollha li għaddejjin minn żmien ta’ niket, li qed jitqabdu mad-dubju, li qed jistaqsu x’jiġri wara li mmutu, biex jemmnu fi Kristu. Inwegħidkom li jekk intom tixtiequ temmnu, u wara taġixxu b’fidi u timxu skont dak li jgħidilkom l-Ispirtu, intom issibu l-ferħ f’din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss.

O, kemm nistenna b’ħerqa l-jum li fih niltaqa’ ma’ oħti Ann. Jien inħares ’il quddiem għar-riunjoni ta’ ferħ ma’ missieri, li miet ’il fuq minn 30 sena ilu. Jiena nixhed dwar il-ferħ li nsibuh meta ngħixu bil-fidi, nemmnu mingħajr ma naraw, iżda nafu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù Kristu jgħix. B’qalbi kollha u ruħi kollha, jien nagħżel li nimxi wara Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat tiegħu. Dan ibierek kull aspett ta’ ħajti. Jiena naf li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur tagħna u l-Feddej tagħna. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 49.

  2. Ara Doctrine and Covenants 8:2.

  3. Ġwanni 20:25. “Hi ħaġa komuni fid-dinja sekulari tagħna li tgħid ‘meta tara temmen.’ Il-mod tal-Mulej nistgħu l-aħjar niddefinixxuh permezz ta’ frażi differenti: ‘meta temmen tara.’ Il-fidi fil-Mulej hija l-premessa, mhux il-konklużjoni” (Lance B. Wickman, “But If Not,” Liahona, Nov. 2002, 31).

  4. Ġwanni 20:27.

  5. Ġwanni 20:29; enfażi miżjuda.

  6. Ara Atti 2.

  7. Ġwanni 16:20.

  8. Kenneth Molony Palmer u Jill Garlick Palmer.

  9. Ara Mattew 16:19.