Konferenza Ġenerali
Inbierku f’Ismu
konferenza ġenerali April 2021


Inbierku f’Ismu

L-għan li aħna nirċievu s-saċerdozju hu biex jagħtina ċ-ċans li nbierku lin-nies tal-Mulej, u nagħmlu dan f’ismu.

Għeżież aħwa, qaddejja sħabi fis-saċerdozju ta’ Alla, huwa unur għalija li nkellimkom illejla. Bi gratitudni nesprimi r-rispett mill-aktar profond li għandi lejkom. Meta nitkellem magħkom u nisma’ dwar il-fidi kbira tagħkom, jien nemmen li l-qawwa tas-saċerdozju qiegħda dejjem tikber fid-dinja, bi kworums aktar b’saħħithom u rġiel li jħaddnu s-saċerdozju b’aktar fedeltà.

Fil-ftit ħin li għandi llejla, se nkellem lil dawk fostkom li jridu jkunu saħansitra aktar effettivi fis-servizz tas-saċerdozju personali tagħkom. Intom tafu li intom mitlubin tkabbru s-sejħa tagħkom biex isservu.1 Iżda jista’ jkun li m’intomx daqstant ċerti xi tfisser li tkabbru s-sejħa tagħkom.

Se nibda bl-aktar djakni ġodda għaliex huma fil-fatt huma l-aktar li hemm ċans iħossuhom inċerti dwar xi tfisser li jkabbru s-servizz tas-saċerdozju tagħhom. Jista’ jkun li anke l-presbiteri li għadhom kif ġew ordnati jixtiequ jisimgħu x’se ngħid. U dak l-isqof fl-ewwel ġimgħat ta’ servizz tiegħu jaf ikun interessat ukoll.

Hi ħaġa mill-aktar istruttiva għalija li nħares lura lejn iż-żmien meta kont għadni djaknu. Nixtieq li dak iż-żmien xi ħadd kien qalli b’dak li se nissuġġerixxilkom issa. Żgur li kien jgħinni fl-assenjazzjonijiet tas-saċerdozju kollha li kelli minn dak iż-żmien ’l hawn—anke dawk li nirċievi bħalissa.

Jiena ġejt ordnat djaknu ġo fergħa li tant kienet żgħira li jien kont l-uniku djaknu u ħija Ted kien l-uniku għalliem. Aħna konna l-unika familja fil-fergħa. Il-fergħa sħiħa kienet tiltaqa’ fid-dar tagħna. Il-mexxej tas-saċerdozju għalija u għal ħija kien membru ġdid li hu stess kien għadu kif irċieva s-saċerdozju. Dak iż-żmien kont nemmen li l-uniku dmir tiegħi tas-saċerdozju kien li nqassam is-sagrament fil-kamra tal-ikel tagħna.

Meta l-familja tiegħi marret toqgħod Utah, jiena spiċċajt f’qasam kbir b’ħafna djakni. Fl-ewwel laqgħa tas-sagrament li attendejt hemm, jien bdejt nosserva lid-djakni—li għalija dehru qishom xi armata—jiċċaqalqu bi preċiżjoni hekk kif bdew iqassmu s-sagrament qishom grupp li ġie mħarreġ.

Tant bdejt nibża’ li l-Ħadd ta’ wara mort kmieni fil-bini tal-qasam biex inkun hemm waħdi meta ħadd ma jkun jista’ jarani. Niftakar li kien il-Qasam ta’ Yalecrest fil-Belt ta’ Salt Lake, u fuq barra kien hemm statwa. Jien mort wara l-istatwa u bdejt nitlob b’qawwa biex inkun naf kif ma nagħmilx żbalji hekk kif mort insib posti biex inqassam is-sagrament. Dik it-talba ġiet imwieġba.

Iżda llum jiena naf li hemm mod aħjar kif għandna nitolbu u naħsbu hekk kif nippruvaw nikbru fis-servizz tagħna tas-saċerdozju. Jien tgħallimt dan permezz tal-għarfien li għandi għalfejn l-individwi jingħataw is-saċerdozju. L-għan li aħna nirċievu s-saċerdozju hu biex jagħtina ċ-ċans li nbierku lin-nies tal-Mulej, u nagħmlu dan f’ismu.2

Kien biss snin wara li kont djaknu li sirt naf dan xi jfisser fil-prattika. Per eżempju, meta kont qassis il-kbir, jien ġejt assenjat biex nattendi laqgħa tas-sagrament f’dar tal-anzjani. Kont ġejt mitlub biex inqassam is-sagrament. Minflok ma bdejt naħseb dwar il-proċess jew il-preċiżjoni tal-mod kif kelli nqassam is-sagrament, jien minflok ħarist f’wiċċ kull persuna anzjana li kien hemm. Rajt ħafna minnhom qed jibku. Waħda mara qabditni mill-komma, ħarset ’il fuq, u b’leħen għoli qaltli, “Grazzi, grazzi.”

Il-Mulej berikli s-servizz tiegħi mogħti f’ismu. Dak inhar jien kont tlabt biex iseħħ miraklu bħal dak minflok ma tlabt li nagħmel il-parti tiegħi tajjeb. Jiena tlabt li n-nies iħossu l-imħabba tal-Mulej permezz tas-servizz kollu mħabba tiegħi. Jiena sirt naf li dan hu s-sigriet għalfejn aħna nservu u nbierku lil ħaddieħor f’ismu.

M’ilux kelli esperjenza li fakkritni dwar din it-tip ta’ mħabba. Meta l-laqgħat tal-Knisja ġew sospiżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, wieħed ħuna li jimministra aċċetta l-essajnment li kellu mill-president tal-kworum tal-presbiteri tiegħu li jmur ibierek u jamministra s-sagrament lil waħda oħt li lilha kien jimministra. Meta hu ċemplilha biex joffrilha li joħdilha s-sagrament, hi aċċettat kontra qalbha, għax ma xtaqitx li toħorġu minn daru fi żmien daqstant perikoluż u għax kienet temmen li l-affarijiet mhux se jdumu biex jiġu għan-normal.

Meta f’dik l-għodwa tal-Ħadd huwa wasal id-dar tagħha, hija talbitu xi ħaġa. Kien isib xi oġġezzjoni li jmorru għand il-ġara ta’ 87 sena u jieħdu s-sagrament magħha wkoll? Bl-awtorizzazzjoni tal-isqof, hu qabel li jagħmlu dan.

Għal bosta ġimgħat, u b’distanza soċjali mill-aktar stretta u ċerti miżuri oħra ta’ sigurtà, dak il-grupp żgħir ta’ Qaddisin bdew jinġabru kull nhar ta’ Ħadd waqt servizz sempliċi tas-sagrament. Sempliċiment ftit biċċiet ħobż miksur u tazzi żgħar bl-ilma—iżda kien ħafna d-dmugħ li xxerred minħabba t-tjubija ta’ Alla kollu mħabba.

Maż-żmien, dan ħuna li jimministra, il-familja tiegħu, u l-oħt li lilha jimministra setgħu jerġgħu jmorru lura l-knisja. Iżda l-armla ta’ 87 sena, il-ġara, biex żgur tkun ’il bogħod minn kull periklu, kellha tibqa’ d-dar. Dan ħuna li jimministra—ftakru li l-essajnment tiegħu fil-fatt kien lill-ġara tagħha u mhux lil din l-oħt anzjana—għadu sal-lum imur fis-skiet fid-dar tagħha kull nhar ta’ Ħadd, bl-iskrittura u biċċa ħobż ċkejkna f’idejh, biex jamministra s-sagrament tal-Ikla tal-Mulej.

Is-servizz tiegħu tas-saċerdozju, bħal tiegħi fid-dar tal-anzjani, ingħata sforz l-imħabba. Fil-fatt, dan ħuna li jimministra m’ilux staqsa lill-isqof tiegħu jekk kienx hemm oħrajn fil-qasam li seta’ jieħu ħsiebhom. Ix-xewqa tiegħu li jkabbar is-servizz tas-saċerdozju tiegħu kibret hekk kif huwa serva f’isem il-Mulej u b’mod li kważi jaf bih esklussivament il-Mulej. Jien ma nafx jekk dan ħuna li jimministra talabx, kif għamilt jien, biex dawk li lilhom iservi jagħrfu l-imħabba tal-Mulej, iżda peress li s-servizz tiegħu kien f’isem il-Mulej, ir-riżultat kien l-istess.

Jiena jkolli l-istess riżultat meraviljuż meta nitlob għal dan qabel nagħti xi barka tas-saċerdozju lil xi ħadd li hu marid jew f’mument ta’ bżonn. Dan darba seħħ fi sptar meta tobba bla sabar talbuni—aktar milli talbuni—ordnawli b’qawwa—biex ngħaġġel u nżurilhom min-nofs ħalli jkunu jistgħu jaħdmu, minflok ma tawni opportunità biex nagħti l-barka saċerdotali. Jien bqajt hemm, u tajt il-barka. U dik it-tifla ċkejkna li jien berikt dak inhar, li t-tobba ħasbu li kienet se tmut, baqgħet ħajja. Illum jiena grat li dak inhar, ma ħallejtx is-sentimenti tiegħi jikkontrollawni iżda ħassejt li l-Mulej ried li dik it-tifla ċkejkna tingħata barka. U kont naf x’kienet dik il-barka: jien beriktha biex tkun imfejqa. U hekk ġara.

Dan ġara diversi drabi hekk kif jien mort biex nagħti barka lil xi ħadd li apparentament kien qrib il-mewt, bil-membri tal-familja mdawrin mas-sodda, jittamaw għal barka ta’ fejqan. Anke jekk kulma jkolli hu biss mument qasir, jien dejjem ngħid talba biex inkun naf x’barka l-Mulej għandu lesta biex jiena nagħti f’ismu. U nistaqsih biex inkun naf kif iridni nbierek lil dik il-persuna u mhux x’irrid nisma’ jien jew in-nies weqfin ħdejja. L-esperjenza tiegħi hi li anke meta l-barka ma tkunx dik li ħaddieħor ikun jixtieq għalih innifsu jew għall-maħbubin tiegħu, l-Ispirtu jmiss il-qlub biex jesperjenzaw l-aċċettazzjoni u l-faraġ minflok id-diżappunt.

L-istess ispirazzjoni tasal meta patrijarka jsum u jitlob għall-gwida biex jagħti l-barka illi l-Mulej irid jagħti lil dik il-persuna partikolari. Għal darb’oħra, jiena smajt barkiet mogħtija li ssorprendewni u wkoll ssorprendew lill-persuna li kienet qed tirċievi l-barka. Bla dubju, il-barka kienet ġejja mingħand il-Mulej—kemm it-twissijiet li kien fiha kif ukoll il-wegħdiet mogħtija f’ismu. It-talb u s-sawm tal-patrijarka ġew ippremjati mill-Mulej.

Bħala isqof, waqt li kont immexxi l-intervisti tad-denjità tgħallimt nitlob ħalli l-Mulej jgħinni nagħraf x’irid Hu għall-persuna li jkolli quddiemi, ħalli kull ispirazzjoni li Hu jipprovdi ma tiġix oskurata mill-ġudizzju tiegħi. Din ħaġa pjuttost diffiċli jekk il-Mulej, b’imħabba, ikun irid ibierek lil xi ħadd billi jikkoreġih. Hemm bżonn ta’ ċertu sforz biex tiddistingwi xi jrid il-Mulej minn dak li trid inti jew il-persuna l-oħra.

Jiena nemmen li aħna nistgħu nkabbru s-servizz tas-saċerdozju tagħna tul ħajjitna u jista’ jkun ukoll anke wara. Dan jiddependi mid-diliġenza tagħna li nippruvaw inkunu nafu r-rieda tal-Mulej u mill-isforzi tagħna li nisimgħu leħnu ħalli nkunu nafu aħjar xi jrid għal dik il-persuna li lilha qed inservu f’ismu. Dak it-tkabbir niksbuh permezz ta’ passi żgħar. Dan jaf jieħu ż-żmien, iżda żgur li niksbuh. Il-Mulej iwegħidna dan:

“Dawk li huma fidili lejn dawn iż-żewġ saċerdozji li dwarhom tkellimt, u jkabbru s-sejħa tagħhom, jiġu mqaddsa permezz tal-Ispirtu sakemm iseħħ it-tiġdid f’ġisimhom.

“Huma jsiru wlied Mosè u Aron u n-nisel ta’ Abraham, u l-knisja u s-saltna, u l-magħżulin ta’ Alla.

Kif ukoll dawk kollha li jirċievu dan is-saċerdozju jirċievu lili, jgħid il-Mulej.”3

Hija x-xhieda tiegħi li l-imfietaħ tas-saċerdozju ġew irrestawrati lill-Profeta Joseph Smith. Qaddejja tal-Mulej dehru mis-smewwiet biex jirrestawraw is-saċerdozju għall-ġrajjiet meraviljużi li seħħew u li qed iseħħu fi żmienna. Iżrael se jinġabar flimkien. Il-poplu tal-Mulej se jkun preparat għat-Tieni Miġja glorjuża tiegħu. Ir-restawrazzjoni se tkompli. Il-Mulej se jiżvela aktar mir-rieda tiegħu lill-profeti tiegħu u lill-qaddejja tiegħu.

Intom tafu tħossukom żgħar imqabbla mat-tibdil importanti li se jwettaq il-Mulej. Jekk jiġri dan, nistedinkom biex bl-għajnuna tat-talb tistaqsu kif iħares lejkom il-Mulej. Hu jafkom personalment, Hu kkonferixxa s-saċerdozju fuqkom, u li intom tqumu u tkabbru s-saċerdozju ifisser ħafna għalih għaliex Huwa jħobbkom u għandu fiduċja li intom se tbierku lin-nies li Huwa jħobb f’ismu.

Issa jiena inberikkom biex tkunu kapaċi tħossu l-imħabba u l-fiduċja tiegħu f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.