Konferenza Ġenerali
Tama fi Kristu
konferenza ġenerali April 2021


Tama fi Kristu

Aħna nixtiequ ngħinu lil dawk kollha li jħossuhom weħidhom jew li ma jappartjenux. Ippermettuli nsemmi, b’mod partikolari, lil dawk li bħalissa huma single.

Ħuti, f’dan iż-żmien tal-Għid aħna niffokaw fuq il-Qawmien mill-Imwiet glorjuż tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Aħna niftakru l-istedina kollha mħabba tiegħu: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”1

L-istedina tas-Salvatur biex immorru għandu hija stedina għalina lkoll mhux biss biex immorru għandu iżda wkoll li nappartjenu lill-Knisja tiegħu.

Fil-vers li jiġi qabel din l-istedina ta’ mħabba, Ġesù jgħallem kif nistgħu nagħmlu dan billi nfittxu li nimxu warajh. Huwa ddikjara, “Ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.”2

Ġesù jridna nkunu nafu li Alla hu Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna.

Li nkunu nafu li Missierna fis-Smewwiet iħobbna jgħinna nkunu nafu min aħna u li aħna nappartjenu għall-familja eterna kbira tiegħu.

M’ilux il-Mayo Clinic innotaw: “Li jkollok sens ta’ appartenenza huwa verament importanti. … Kważi kull aspett ta’ ħajjitna hu organizzat madwar l-appartenenza tagħna lejn xi ħaġa.” Dan ir-rapport ikompli jgħid, “Aħna ma nistgħux nisseparaw l-importanza tas-sens tal-appartenenza mis-saħħa fiżika u mentali tagħna”3—u jiena nżid ukoll is-saħħa spiritwali tagħna.

Fil-lejla ta’ qabel is-sofferenza tiegħu fil-Ġetsemani u l-mewt tiegħu fuq is-salib, is-Salvatur iltaqa’ mad-dixxipli tiegħu għall-Aħħar Ikla. Huwa qalilhom, “Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja.”4 L-għada qabel inżul ix-xemx, Ġesù Kristu bata u “miet fuq is-salib għal dnubietna.”5

Min jaf kemm ħassewhom weħidhom ġewwa Ġerusalemm in-nisa u l-irġiel fidili li mxew warajh hekk kif niżlet ix-xemx u nħakmu minn dalma u biża’.6

Bħal dawn id-dixxipli tal-qedem kważi 2,000 sena ilu, ħafna minnkom tafu wkoll tħossukom weħidkom minn żmien għall-ieħor. Jiena esperjenzajt din is-solitudni minn meta mietet il-mara prezzjuża tiegħi, Barbara, ftit aktar minn sentejn u nofs ilu. Jiena naf x’jiġifieri li tkun imdawwar bil-membri tal-familja, bil-ħbieb, u l-kollegi iżda xorta waħda tħossok waħdek—għaliex l-imħabba ta’ ħajti m’għadhiex hawn ħdejja.

Ħafna oħrajn ħassew ferm aktar dan is-sens ta’ solitudni minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, minkejja l-isfidi li niffaċċjaw fil-ħajja, aħna nistgħu, bħal dik l-ewwel għodwa tal-Għid, nistenbħu għal ħajja ġdida fi Kristu b’possibiltajiet ġodda u meraviljużi u realtajiet ġodda hekk kif induru fuq il-Mulej għat-tama u l-appartenenza.

Jien personalment nista’ nħoss l-uġigħ li jħossu dawk li huma neqsin mill-appartenenza. Hekk kif nsegwi l-aħbarijiet minn madwar id-dinja, nara ħafna li jidhru li qed jesperjenzaw din is-solitudni. Ir-raġuni ta’ dan naħseb li hi għaliex huma ma jafux li Missierna fis-Smewwiet iħobbhom u aħna lkoll nappartjenu għall-familja eterna tiegħu. Li nemmnu li Alla jħobbna u li aħna wliedu hi ħaġa konfortanti u li tagħtina ċerta assigurazzjoni.

Peress li aħna l-ulied spirtu ta’ Alla, kulħadd għandu oriġni u potenzjal divin u natura divina. Ilkoll kemm aħna “iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet.”7 Din hi l-identità tagħna! Din hi dak li verament aħna!

L-identità spiritwali tagħna tissaħħaħ hekk kif aħna nifhmu l-ħafna identitajiet mortali tagħna, inkluż il-wirt etniku, kulturali, jew nazzjonali.

Dan is-sens ta’ identità, ta’ mħabba, u ta’ appartenenza spiritwali u kulturali jista’ jispira fina t-tama u l-imħabba għal Ġesù Kristu.

Nitkellem dwar it-tama fi Kristu mhux sempliċiment bħala xi ħaġa li nixtieqha. Pjuttost, nitkellem dwar tama bħal stennija li għad tiġi fis-seħħ. Din it-tip ta’ tama hija essenzjali biex negħlbu l-avversità, inrawmu r-reżiljenza u l-qawwa spiritwali, u biex insiru nafu li l-Missier Etern tagħna jħobbna u li aħna wliedu li nappartjenu għall-familja tiegħu.

Meta nittamaw fi Kristu, aħna nsiru nafu li hekk kif jeħtieġ li aħna nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri, l-akbar xewqat u ħolm tagħna jistgħu jiġu fis-seħħ permezz tiegħu.

Il-membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ddiskutew flimkien fi spirtu ta’ talb u b’xewqa li jifhmu kif huma jistgħu jgħinu lil dawk kollha li jħossuhom weħidhom jew li ma jappartjenux. Aħna nixtiequ ngħinu lil dawk kollha li jħossuhom hekk. Ippermettuli nsemmi, b’mod partikolari, lil dawk li bħalissa huma single.

Ħuti, aktar minn nofs l-adulti fil-Knisja llum jew huma romol, jew iddivorzjati, jew għadhom ma żżewġux. Xi wħud jafu jiddubitaw x’opportunitajiet u x’post huma għandhom fil-pjan ta’ Alla u fil-Knisja. Jeħtieġ li nifhmu li l-ħajja eterna mhijiex sempliċiment kwistjoni ta’ stat ċivili iżda ta’ dixxipulat u li persuna tkun “qalbiena fit-testimonjanza tagħha ta’ Ġesù.”8 It-tama ta’ dawk kollha li huma single hi l-istess bħal tal-membri kollha tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej—aċċess għall-grazzja ta’ Kristu permezz tal-“ubbidjenza lejn il-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju.”9

Nissuġġerixxi li hemm ċerti prinċipji importanti li jeħtieġ li nifhmu.

L-ewwel, l-iskrittura u l-profeti tal-aħħar żmien jikkonfermaw li dawk kollha li huma fidili fiż-żamma tal-patti tal-evanġelju se jkollhom l-opportunità tal-eżaltazzjoni. Il-President Russell M. Nelson għallem: “Bil-mod u fil-ħin li jiddeċiedi l-Mulej, l-ebda barka mhi se tinżamm mill-Qaddisin fidili tiegħu. Il-Mulej se jiġġudika u jippremja lil kull individwu skont ix-xewqa ta’ qalbu kif ukoll skont għemilu.”10

It-tieni, il-ħin u l-mod preċiż dwar meta u kif il-barkiet tal-eżaltazzjoni se jingħataw għadhom ma ġewx żvelati għal kollox, iżda madankollu m’hemmx dubju minnhom.11 Il-President Dallin H. Oaks spjega li xi wħud miċ-ċirkustanzi “tal-mortalità se nifhmuhom għal kollox fil-Millennju, li huwa ż-żmien li fih jitwettaq dak kollu li mhuwiex komplut fil-pjan kbir ta’ ferħ għall-ulied denji kollha ta’ Missierna.”12

Dan ma jfissirx li kull barka se tiġi differita sakemm jasal il-Millennju; xi barkiet diġà ngħataw u oħrajn se nkomplu nirċevuhom sa dak inhar.13

It-tielet, li nistennew mill-Mulej jimplika li nkomplu nobduh u nkomplu dejjem resqin spiritwalment lejh. Li nibqgħu nistennew mill-Mulej ma jimplikax li noqogħdu jdejna fuq żaqqna. Qatt m’għandkom tħossukom qiskom qegħdin tistennew f’xi kamra.

Li nistennew mill-Mulej jimplika li nagħmlu xi ħaġa. Tul is-snin tgħallimt li t-tama tagħna fi Kristu tikber meta aħna nservu lil ħaddieħor. Meta nservu kif serva Ġesù, aħna nkabbru b’mod naturali t-tama tagħna fih.

It-tkabbir personali li wieħed jista’ jikseb f’din il-ħajja waqt li jistenna mingħand il-Mulej u l-wegħdiet tiegħu huwa element imprezzabbli u sagru għal kull wieħed u waħda minna. Il-kontribut li wieħed jista’ jagħmel f’din il-ħajja biex jgħin fil-bini tal-Knisja fid-dinja, u jiġbor flimkien lil Iżrael huwa mill-aktar meħtieġ. L-istat ċivili m’għandu x’jaqsam xejn mal-kapaċità li wieħed iservi. Il-Mulej jonora lil dawk li jservuh u li jistennew mingħandu bil-paċenzja u l-fidi.14

Ir-raba’, Alla joffri l-ħajja eterna lil uliedu kollha. Dawk kollha li jaċċettaw ir-rigal grazzjuż tal-indiema mingħand is-Salvatur u jgħixu l-kmandamenti tiegħu sejrin jirċievu l-ħajja eterna, minkejja li huma ma jilħqux il-karatteristiċi kollha u l-milja tal-perfezzjoni fil-mortalità. Dawk li jindmu se jesperjenzaw id-desponibilità tal-Mulej li jaħfer kif assigurana Hu: “Iva, u kemm-il darba n-nies jindmu jiena naħfrilhom il-ħtijiet tagħhom lejja.”15

Fl-analiżi finali, il-kapaċità, ix-xewqat, u l-opportunitajiet ta’ persuna fejn tidħol il-volontà u l-għażla, inkluż il-kwalifikazzjoni għall-barkiet eterni, huma affarijiet li l-Mulej biss jista’ jiġġudika.

Il-ħames, il-kunfidenza tagħna f’dawn l-assigurazzjonijiet għandha l-għeruq tagħha fil-fidi tagħna f’Ġesù Kristu li bil-grazzja tiegħu aħna għad nifhmu kull ħaġa relatata mal-mortalità.16 Il-barkiet imwiegħda kollha jsiru possibbli permezz ta’ Dak li, permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, “iċċekken aktar minn kollox”17 u “rebaħ lid-dinja.”18 Hu “poġġa bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla, biex jikseb mingħand il-Missier id-drittijiet tiegħu tal-ħniena li għandu għal ulied il-bnedmin … ; għalhekk huwa jiddefendi l-kawża ta’ wlied il-bnedmin.”19 Finalment, “il-qaddisin sa jimtlew bil-glorja tiegħu, u jirċievu l-wirt tagħhom”20 bħala “werrieta ma’ Kristu.”21

Ix-xewqa tagħna hi li dawn il-prinċipji jgħinu lil kull bniedem biex ikollu tama akbar fi Kristu u jħoss sens ta’ appartenenza.

Qatt tinsew li intom ulied Alla, il-Missier Etern tagħna, issa u għal dejjem. Huwa jħobbkom, u l-Knisja tridkom u għandha bżonnkom. Iva, aħna għandna bżonnkom! Aħna neħtieġu l-ilħna, it-talenti, il-ħiliet, u t-tjubija tagħkom.

Għal bosta snin, aħna tkellimna dwar “adulti żgħażagħ single,” “adulti single,” u “adulti.” Dawn id-deskrizzjonijiet jistgħu jkunu xi kultant ta’ għajnuna f’affarijiet amministrattivi iżda jistgħu involontarjament jibdlu l-mod kif inħarsu lejn ħaddieħor.

Hemm xi mod kif nistgħu nevitaw din it-tendenza umana li tista’ tisseparana minn xulxin?

Il-President Nelson talab li aħna nirreferu għalina nfusna bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Naħseb li dan biżżejjed biex ikopri lilna lkoll, mhux hekk?

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu għandu l-qawwa li jgħaqqadna. Ultimament hemm aktar affarijiet li huma komuni bejnietna milli differenti. Bħala membri tal-familja ta’ Alla, aħna verament aħwa. Pawlu ddikjara, “Minn bniedem wieħed Alla għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha.”22

Lilkom il-presidenti tal-wited, l-isqfijiet, u l-mexxejja tal-kworum u tan-nisa, nitlobkom tikkunsidraw lill-membri kollha tal-wited, tal-qasam, tal-kworum, jew tal-organizzazzjoni tagħkom bħala membri li jistgħu jikkontribwixxu u jservu fis-sejħiet u jipparteċipaw f’diversi modi.

Il-membri kollha tal-kworums, tal-organizzazzjonijiet, tal-oqsma, u tal-utied tagħkom għandhom ċerti doni u talenti mogħtija minn Alla li jistgħu jgħinu biex tinbena s-saltna tiegħu f’dawn iż-żminijiet.

Ejjew insejħu lill-membri tagħna kollha li huma single biex iservu, jelevaw, u jgħallmu lil ħaddieħor. Ejjew ninsew ċerti kunċetti u ideat li xi kultant bla ebda intenzjoni wasslu biex huma jħossuhom weħidhom u li ma jappartjenux jew ma jistgħux iservu.

F’din it-tmiem il-ġimgħa tal-Għid jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u t-tama eterna li Hu jagħti lili u lil dawk li jemmnu f’ismu. U b’umiltà naqsam magħkom din it-testimonjanza fl-isem sagru tiegħu, l-istess Ġesù Kristu, amen.