“Araw! Jien Alla tal-Mirakli”
Il-mirakli, is-sinjali, u l-għeġubijiet huma bil-bosta fost id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu llum, kemm f’ħajjitkom kif ukoll f’ħajti.
Għeżież ħuti, xi privileġġ li ninsab wieqaf hawn quddiemkom illum. Flimkien ma’ dawk li diġà indirizzaw din il-konferenza, jiena nixhed magħkom li Ġesù Kristu jgħix. Huwa jmexxi l-Knisja tiegħu; Hu jkellem lill-profeta tiegħu l-President Russell M. Nelson, u Huwa jħobb lill-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet.
F’dan Ħadd il-Għid aħna qed nikkommemoraw il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna,1 Alla s-Setgħan, il-Prinċep tal-Paċi.2 L-Espjazzjoni tiegħu, li laħqet il-qofol tagħha bil-Qawmien tiegħu mill-Imwiet wara tlett ijiem f’qabar misluf, hija l-akbar miraklu fl-istorja umana. “Għax araw,” iddikjara Hu, “Jien Alla; u jien Alla tal-mirakli.”3
“Waqfu l-mirakli għaliex Kristu tela’ fis-smewwiet, u poġġa bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla?”4 jistaqsi l-profeta Mormon fil-Ktieb ta’ Mormon. Huwa jwieġeb, “Le; lanqas l-anġli ma waqfu jimministraw lill-ulied il-bnedmin.”5
Wara li ġie msallab fuq is-salib, anġlu tal-Mulej deher lil Marija, u lil ftit nisa oħra, li kienu marru fil-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù. L-anġlu qal:
“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”6
“Mhuwiex hawn, imma qam.”7
Abinadi, il-profeta tal-Ktieb ta’ Mormon, dwar dak il-miraklu ddikjara:
“Kieku Kristu ma qamx mill-mewt, … ma kien ikun hawn l-ebda qawmien mill-imwiet.
“Iżda hawn fil-fatt qawmien mill-imwiet, għalhekk m’hemm l-ebda vittorja fil-qabar, u nbelgħet in-niggieża tal-mewt fi Kristu.”8
L-atti mirakolużi ta’ Ġesù Kristu wasslu biex id-dixxipli tal-qedem jiddikjaraw: Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar, u huma jisimgħu minnu.”9
Hekk kif l-Appostli tal-qedem imxew wara Ġesù Kristu u semgħuh jgħallem l-evanġelju, huma raw b’għajnejhom bosta mirakli. Huma raw “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-evanġelju jixxandar lill-foqra.”10
Il-mirakli, is-sinjali, u l-għeġubijiet huma bil-bosta fost id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu llum, kemm f’ħajjitkom kif ukoll f’ħajti. Il-mirakli huma atti, manifestazzjonijiet, u espressjonijiet divini tal-qawwa bla limitu ta’ Alla u affermazzjoni li Hu “li kien, fl-imgħoddi, issa, u għal dejjem.”11 Ġesù Kristu, li ħoloq l-ibħra, jista’ jikkalmahom; Hu li ta d-dawl lill-għomja jista’ jgħolli ħarsitna lejn is-smewwiet; Hu li naddaf lil-lebbrużi jista’ jfejjaq il-mard tagħna; Hu li fejjaq lir-raġel mifluġ jista’ jitlobna biex inqumu permezz ta’ “Ejja u imxi warajja.”12
Ħafna minnkom rajtu b’għajnejkom mirakli, ferm aktar milli tirrealizzaw. Huma jafu jidhru żgħar meta mqabbla ma’ Ġesù jqajjem lill-mejtin. Iżda l-kobor ma jiddistingwix il-miraklu, ħlief li dan kien wieħed ġej minn Alla. Xi wħud jissuġġerixxu li l-mirakli huma sempliċiment koinċidenzi jew xorti kbira. Iżda l-profeta Nefi kkundanna lil dawk li “jinjoraw il-qawwa u l-mirakli ta’ Alla, u jiftaħru bl-għerf u bit-tagħlim tagħhom stess, biex jagħmlu gwadann.”13
Il-mirakli jseħħu permezz ta’ qawwa divina minn Dak li hu “qawwi biex jgħin.”14 Il-mirakli huma estensjoni tal-pjan etern ta’ Alla; il-mirakli jsostnu l-ħajja mis-sema sal-art.
Fil-ħarifa tas-sena l-oħra jien u Sister Rasband konna fi triqitna lejn Goshen, Utah, għal avveniment dinji Wiċċ imb Wiċċ li kien se jiġi mxandar ma’ ’l fuq minn 600,000 persuna f’16-il lingwa differenti.16 Il-programm kellu jiffoka fuq l-avvenimenti tal-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu b’mistoqsijiet mibgħuta minn adulti żgħażagħ minn madwar id-dinja. Jien u Sister Rasband tajna ħarsa flimkien lejn il-mistoqsijiet; huma tawna l-opportunità li nixhdu dwar Joseph Smith bħala profeta ta’ Alla, dwar il-qawwa tar-rivelazzjoni f’ħajjitna, dwar ir-Restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, u dwar il-veritajiet u l-kmandamenti li aħna ngħożżu. Ħafna minnkom li qed tisimgħuni llum kontu parti minn dak l-avveniment mirakoluż.
Inizjalment ix-xandira kellha ssir fil-Masġar Sagru fit-tramuntana ta’ New York, fejn Joseph Smith xehed: “Jiena rajt żewġ Personaġġi weqfin fuqi fl-arja, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ ismi u, filwaqt li wera b’idu lill-ieħor qal—Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”16 Dak, ħuti, kien miraklu.
Il-pandemija dinjija ġegħlitna minflok inxandru minn Goshen, Utah, fejn il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ħolqot mill-ġdid, għall-iffilmjar, parti minn Ġerusalemm tal-qedem. Dik il-lejla tal-Ħadd jien u Sister Rasband konna ninsabu ftit mili biss ’il bogħod minn Goshen meta rajna foga kbira ta’ duħħan ġejja mid-direzzjoni tad-destinazzjoni tagħna. Nirien mill-aktar qawwija kien qed jaqbdu f’dawk l-inħawi, u konna qed ninkwetaw li x-xandira kienet f’riskju. Fil-fatt, 20 minuta qabel is-sitta, il-ħin tax-xandira tagħna, inqata’ d-dawl fil-kumpless kollu. Spiċċajna bla dawl! Ix-xandira ma setgħetx issir. Kien hemm ġeneratur li xi wħud ħasbu li stajna nużawh biex nibdew inxandru, iżda ma kien l-ebda garanzija li kien jiflaħ l-apparat sofistikat li kien hemm.
Ilkoll kemm aħna fil-programm, inkluż in-narraturi, il-mużiċisti, u n-nies tekniċi—fosthom 20 membru mill-istess familja estiża tagħna lkoll adulti żgħażagħ—tgħidx kemm domna nippreparaw għal dak li kien se jseħħ. Jiena tbegħedt ftit mil-biki u l-konfużjoni u mort nitlob lill-Mulej għal xi miraklu. “Missier fis-Smewwiet,” tlabtu jien, “jien rari tlabtek għal xi miraklu, iżda issa qed nitolbok għal wieħed. Hemm bżonn li ssir din il-laqgħa għall-adulti żgħażagħ kollha madwar id-dinja. Għandna bżonn id-dawl biex inxandru dejjem jekk hi r-rieda tiegħek.”
Seba’ minuti wara s-sitta, bl-istess mod li bih id-dawl kien telaq, issa reġa’ ġie. Kollox beda jaħdem, mill-mużika u l-mikrofoni sal-vidjos u l-apparat kollu tat-trasmissjoni. Aħna konna lesti biex nibdew. Aħna esperjenzajna miraklu.
Hekk kif aktar tard dik il-lejla jien u Sister Rasband konna fil-karozza sejrin lura d-dar, irċevejna dan il-messaġġ mill-President u Sister Nelson: “Ron, nixtiqukom tkunu tafu li hekk kif smajna li nqata’ d-dawl, aħna tlabna li jseħħ miraklu.”
Fl-iskrittura tal-aħħar żmien hemm miktub, “Għax jien, il-Mulej, nestendi jdejja biex insejjaħ il-qawwiet tas-smewwiet; ma tistgħux taraw b’għajnejkom bħalissa, iżda ftit ieħor tkunu tistgħu taraw, u tkunu tafu li jien hu, u li se niġi u nsaltan mal-poplu tiegħi.”17
Dan hu eżattament dak li ġara. Il-Mulej estenda jdejh u d-dawl ġie.
Il-mirakli jiġu fis-seħħ permezz tal-qawwa tal-fidi, kif għallimna b’tant qawwa l-President Nelson fl-aħħar sessjoni. Il-profeta Moroni ħeġġeġ lin-nies: “Jekk ma jkunx hemm fidi fost ulied il-bnedmin Alla ma jista’ jwettaq l-ebda miraklu fosthom; għalhekk, hu ma weriex lilu nnifsu qabel ma huma wrew il-fidi tagħhom.”
Huwa kompla:
“Araw, kienet il-fidi ta’ Alma u Amuleki li wasslet biex jaqgħu l-ħitan tal-ħabs.
“Araw, kienet il-fidi ta’ Nefi u Leħi li wasslet għall-bidla fil-Lamaniti, li huma tgħammdu bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu.
“Araw, kienet il-fidi ta’ Għammon u ta’ ħutu li wasslet biex iseħħ miraklu daqshekk kbir fost il-Lamaniti. …
“U fl-ebda żmien ħadd qatt ma esperjenza l-mirakli jekk l-ewwel ma wrewx il-fidi tagħhom; għalhekk huma l-ewwel emmnu fl-Iben ta’ Alla.”18
Jiena nista’ nżid ma dik is-sekwenza ta’ skrittura, “Kienet il-fidi tal-artisti adulti żgħażagħ, tal-professjonisti tax-xandir, tal-mexxejja u l-membri tal-Knisja, ta’ appostlu, u ta’ profeta ta’ Alla li lkoll talbu b’mod ferventi biex iseħħ miraklu daqstant kbir li d-dawl jiġi rrestawrat ġo set tal-films rimot f’Goshen, Utah.”
Il-mirakli jistgħu jseħħu bi tweġiba għal talbna. Huma mhux dejjem jaslu skont dak li nitolbu għalih jew li nistennew, iżda meta nafdaw fil-Mulej, Huwa jkun hemm, u jkun jaf x’għandu jagħmel. Hu jfassal il-miraklu skont il-bżonn tagħna f’dak il-mument.
Il-Mulej iwettaq il-mirakli biex ifakkarna fil-qawwa tiegħu, fl-imħabba tiegħu għalina, fl-influwenza tiegħu fl-esperjenza mortali tagħna, u fix-xewqa tiegħu li jgħallimna dak li hu l-aktar ta’ valur. “Dak li għandu l-fidi fija li jfiq,” Huwa qal lill-Qaddisin fl-1831, u l-wegħda għadha tapplika llum, “u ma wasallux il-ħin tal-mewt, jiġi mfejjaq.”19 Hemm ċerti liġijiet iddikjarati fis-smewwiet, li aħna rridu dejjem nobduhom.
Hemm żminijiet li nittamaw li jseħħ miraklu biex jitfejqu xi maħbubin tagħna, tissewwa xi inġustizzja, jew li tirtab il-qalb ta’ xi ħadd imdejjaq jew disilluż. Waqt li nħarsu lejn l-affarijiet minn għajnejn mortali, aħna nkunu rridu lill-Mulej biex jintervjeni, biex isewwi dak li hu miksur. Permezz tal-fidi, iseħħu l-mirakli, għalkemm mhux neċessarjament skont l-orarju tagħna jew bir-reżoluzzjoni li nixtiequ. Dan ifisser li aħna anqas fidili jew li ma nimmeritawx l-intervent tiegħu? Le. Aħna l-maħbubin tal-Mulej. Hu ta ħajtu għalina, u l-Espjazzjoni tiegħu tkompli teħlisna mit-tagħbija u mid-dnub hekk kif nindmu u nersqu viċin tiegħu.
Il-Mulej fakkarna, “Lanqas triqatkom m’huma t-triqat tiegħi.”20 Hu joffrilna, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nagħtikom is-serħan”21—serħan mill-inkwiet, mid-diżappunt, mill-biża’, mid-diżubbidjenza, mit-tħassib dwar il-maħbubin tagħkom, mill-ħolm li tar mar-riħ. Li nħossu l-paċi f’ħin ta’ konfużjoni jew ta’ niket huwa miraklu. Ftakru kliem il-Mulej: ““Ma wassaltlekx jiena l-paċi f’moħħok dwar din il-ħaġa? Jista’ jkollok xhieda akbar mix-xhieda t’Alla?”22 Il-miraklu hu li Ġesù Kristu, il-Kbir Jaħweh, Bin l-Għoli, qiegħed iwasslilna l-paċi.
L-istess meta deher lil Marija fil-ġnien, fejn sejħilha b’isimha, Huwa jsejjaħ lilna biex neżerċitaw il-fidi tagħna. Marija kienet qed tara kif se sservih u tieħdu ħsiebu. Il-Qawmien tiegħu mill-Imwiet ma kienx dak li hi bdiet tistenna, iżda dan seħħ skont il-pjan kbir ta’ ferħ.
“Inżel minn fuq is-salib,”23 għajtet fuq il-Kalvarju l-folla li ma temminx. Hu seta’ wettaq dak il-miraklu. Iżda Hu kien jaf it-tmiem mill-bidu, u Hu ried li jibqa’ fidil lejn il-pjan ta’ Missieru. Jeħtieġ li aħna lkoll nifhmu dak l-eżempju.
Fi żminijiet ta’ sfida Huwa qalilna “Ara l-ġrieħi li nifdu ġenbejja, u wkoll il-marki tal-imsiemer f’idejja u f’riġlejja; ibqa’ fidil, żomm il-kmandamenti tiegħi, u inti għandek tiret is-saltna tas-smewwiet.”24 Dak, ħuti, huwa l-miraklu imwiegħed lilna lkoll.
F’dan Ħadd il-Għid hekk kif aħna niċċelebraw il-miraklu tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Sidna l-Mulej, bħala Appostlu ta’ Ġesù Kristu, jiena nitlob li intom tħossu l-qawwa tal-Feddej f’ħajjitkom, li t-talb tagħkom lil Missierna fis-Smewwiet jiġi mismugħ b’imħabba u bl-impenn li Ġesù Kristu wera tul il-ministeru tiegħu. Nitlob li tkunu tistgħu tibqgħu sodi u fidili f’dak kollu li se tesperjenzaw. U nberikkom li taraw il-mirakli f’ħajjitkom kif esperjenzajna ġewwa Goshen—jekk dejjem tkun ir-rieda tal-Mulej. Fittxu li taraw dawn il-barkiet mibgħuta mis-smewwiet f’ħajjitkom hekk kif “tfittxu lil dan Ġesù li dwaru kitbu l-profeti u l-appostli, li l-grazzja ta’ Alla l-Missier, kif ukoll tal-Mulej Ġesù Kristu, u tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti xhieda tagħhom, tkun magħkom u tgħammar fikom għal dejjem.”25 F’isem Ġesù Kristu, amen.