Konferenza Ġenerali
Ftakru Triqitkom Lura
konferenza ġenerali April 2021


Ftakru Triqitkom Lura

Aħna għandna l-eżempju perfett ta’ Ġesù Kristu biex nimxu warajh, u l-vjaġġ lejn id-dar eterna tagħna hu possibbli biss minħabba t-tagħlim tiegħu, il-ħajja tiegħu, u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu.

Fl-1946, Arthur Hasler, riċerkatur żagħżugħ, kien miexi ħdejn xmajra li kien hemm qalb il-muntanji ħdejn id-dar fejn kien trabba meta esperjenza xi ħaġa li wasslet għal skopertà importanti dwar kif il-ħut isib triqtu lura lejn ix-xmajra li fiha jkun twieled.

Hekk kif Hassler beda tiela’ l-muntanja, f’post li minnu ma setax jara l-kaskata li kienet l-aktar waħda favorita tiegħu fi tfulitu, feġġet f’moħħu xi ħaġa li kien ilu żmien ma jaħseb dwarha. Huwa qal, “Hekk kif żiffa friska, li magħha ġabet riħa tfuħ ta’ ħażiż u kolumbina, inħasset madwar il-pilastru tal-blat, f’daqqa waħda stajt nara ċar f’moħħi d-dettalji ta’ din il-kaskata u l-post fejn kienet ma’ wiċċ il-muntanja.”1

Dik ir-riħa tfuħ reġgħet fakkritu fil-memorji ta’ tfulitu u fakkritu dwar id-dar fejn trabba.

Jekk ir-riħa wasslitu biex jiftakar f’dawk il-memorji, huwa rraġuna li probabbilment ir-riħa setgħet tkun daqstant evokattiva wkoll għas-salamun li, wara snin twal li jkun ilu f’oċean mill-aktar vast, jerġa’ lura fix-xmajra eżatta fejn ikun twieled biex ibid.

Bl-għajnuna ta’ din l-esperjenza, Hasler, flimkien ma’ riċerkaturi oħrajn, komplew biex taw prova li s-salamun jiftakar dik l-istess riħa li tgħinu jgħum eluf ta’ mili biex mill-baħar li jkun fih jerġa’ jsib triqtu lura lejn id-dar.

Dan ir-rakkont wassalni biex naħseb li waħda mill-aktar affarijiet importanti li nistgħu nagħmlu f’din il-ħajja hi li nagħrfu u niftakru triqitna lura lejn Missierna fis-Smewwiet u b’fedeltà u bil-ferħ nibqgħu nippersistu tul il-vjaġġ.

Jiena ħsibt dwar erba’ affarijiet li jfakkruna li, meta jużawhom u napplikawhom b’mod konsistenti f’ħajjitna, jistgħu jerġgħu jġeddu fina sentimenti li jfakkruna f’darna fis-smewwiet.

L-ewwel, Aħna Nistgħu Niftakru Li Aħna Wlied Alla

Aħna għandna wirt divin. Li nkunu nafu li aħna wlied Alla u li Hu jridna nerġgħu lura fil-preżenza tiegħu hu wieħed mill-ewwel passi fil-vjaġġ tagħna lura lejn darna fis-smewwiet.

Fakkru lilkom infuskom dwar dan il-wirt. Iddedikaw ħin regolarment biex issaħħu s-sistema immuni spiritwali tagħkom billi tiftakru fil-barkiet li rċevejtu mingħand il-Mulej. Afdaw fil-gwidi li Huwa takom, minflok ma tiddependu biss fuq id-dinja biex tkejlu l-valur personali tagħkom u ssibu triqitkom.

M’ilux jiena mort inżur membru għażiż tal-familja li kienet tinsab fl-isptar. Emozzjonata qaltli li waqt li kienet tinsab fis-sodda tal-isptar, l-unika xewqa li kellha kienet biex xi ħadd ikantalha l-għanja “Jiena Bint Alla.” Sempliċiment dak il-ħsieb, hija qaltli, ġabilha l-paċi li kellha bżonn f’dak il-mument ta’ tbatija.

Li tkunu tafu min intom jibdel dak li intom tħossu u tagħmlu.

Li tifhmu minn verament intom jippreparakom biex tagħrfu u tiftakru triqitkom lura lejn darkom fis-smewwiet u turu x-xewqa li tmorru hemm.

It-tieni, Aħna Nistgħu Niftakru fil-Pedament li Jipproteġina

Aħna niksbu l-qawwa meta nibqgħu twajbin, leali, u fidili lejn Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, anke meta ħaddieħor jinjora b’qawwa l-kmandamenti u l-prinċipji tas-salvazzjoni2.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, Ħelaman għallem lil uliedu biex jiftakru li huma għandhom jibnu l-pedament tagħhom fuq Ġesù Kristu sabiex ikollhom il-qawwa li jirreżistu t-tentazzjoni tal-avversarju. L-irjieħ setgħana u l-maltemp qawwi ta’ Satana jibdew iħabbtu fuqna, iżda huma ma jkollhomx il-qawwa li jkaxxkruna jekk nafdaw fl-aktar ħaġa sigura possibli —fil-Feddej tagħna.3

Jiena naf minn esperjenza personali li hekk kif nagħżlu li nisimgħu leħnu u nimxu warajh, aħna nirċievu l-għajnuna tiegħu. Aħna niksbu perspettiva aktar wiesgħa taċ-ċirkustanzi tagħna u għarfien akbar tal-għan tal-ħajja. Aħna nibdew inħossu fina t-tqanqil spiritwali li jiggwidana lura lejn darna fis-smewwiet.

It-Tielet, Aħna Nistgħu Niftakru li Nitolbu Dejjem

Aħna ngħixu fi żmien fejn jekk sempliċiment immisu waħda l-iskrin jew inlissnu xi kmand, aħna nkunu nistgħu nibdew infittxu t-tweġibiet tagħna kważi fuq kull suġġett fl-immensità ta’ dejta li hemm storjata u organizzata fil-network vast u kumpless tal-kompjuters.

Mill-banda l-oħra, aħna għandna s-sempliċità tal-istedina biex nibdew infittxu t-tweġibiet tagħna mis-smewwiet. “Itolbu dejjem, u jiena nixħet l-Ispirtu tiegħi fuqkom.” Imbagħad il-Mulej iwiegħed “U kbira se tkun il-barka tagħkom—iva, saħansitra akbar milli kieku tiksbu t-teżori tad-dinja.”4

Alla hu verament konxju ta’ kull wieħed u waħda minna u Hu lest li jisma’ talbna. Meta niftakru biex nitolbu, aħna nsibu l-imħabba tiegħu li ssostnina, u aktar ma nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet f’isem Kristu, aktar nistiednu lis-Salvatur f’ħajjitna u aktar nagħrfu aħjar it-triq lejn darna fis-smewwiet li Hu lestielna biex ngħaddu minnha.

Ir-Raba’, Aħna Nistgħu Niftakru biex Naqdu lil Ħaddieħor

Hekk kif nagħmlu li nistgħu biex nimxu wara Ġesù Kristu billi naqdu lil ħaddieħor u nuruh it-tjubija, aħna nagħmlu d-dinja post aħjar.

L-għemejjel tagħna jistgħu jbierku b’mod sinifikanti l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna kif ukoll l-istess ħajjitna. Is-servizz li noffru b’imħabba jżid is-sinifikat tal-ħajja kemm ta’ dak li jagħti kif ukoll ta’ dak li jirċievi.

Tissottovalutawx il-potenzjal li għandkom li tinfluwenzaw lil ħaddieħor għat-tajjeb, kemm permezz tas-servizz ta’ għemilkom kif ukoll tas-servizz tal-eżempju tagħkom.

Is-servizz mogħti b’imħabba lil ħaddieħor jiggwidana tul it-triq tagħna lejn darna fis-smewwiet—it-triq li nsiru bħas-Salvatur tagħna.

Fl-1975, riżultat ta’ gwerra ċivili, Arnaldo u Eugenia Teles Grilo u wliedhom kellhom iħallu warajhom kemm darhom kif ukoll dak kollu li bnew tul snin twal ta’ ħidma bla heda. Lura fil-pajjiż li kienu ġejjin minnu, il-Portugal, Brother u Sister Grilo ħabbtu wiċċhom mal-isfida li jerġgħu jibdew kollox mill-ġdid. Iżda snin wara, wara li ngħaqdu mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, huma qalu, “Aħna tlifna kulma kellna, iżda kien għall-aħjar tagħna għaliex wassalna biex nikkunsidraw l-importanza tal-barkiet eterni.”5

Huma tilfu d-dar tagħhom f’din id-dinja, iżda sabu triqithom lura lejn darhom fis-smewwiet.

Hu x’inhu dak li se jkollkom tħallu warajkom biex timxu fi triqitkom lejn darkom fis-smewwiet xi darba għad tħarsu lejh bħallikieku ma kien sagrifiċċju xejn.

Aħna għandna l-eżempju perfett ta’ Ġesù Kristu biex nimxu warajh, u l-vjaġġ lejn id-dar eterna tagħna hu possibbli biss minħabba t-tagħlim tiegħu, il-ħajja tiegħu, u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu—inkluż il-mewt tiegħu u l-Qawmien glorjuż tiegħu mill-Imwiet.

Nistedinkom biex tesperjenzaw il-ferħ li tiftakru li aħna wlied Alla u li Hu tant ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu6 biex jurina t-triq. Nistedinkom biex tiftakru sabiex tibqgħu fidili, biex iddawru ħajjitkom lejn is-Salvatur u tibnu l-pedament tagħkom fuqu. Ftakru biex fil-vjaġġ tagħkom titolbu dejjem u taqdu lil ħaddieħor tul it-triq.

Għeżież ħuti, f’dan Ħadd il-Għid, jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li Ġesù Kristu huwa l-Feddej u s-Salvatur tad-dinja. Huwa dak li jista’ jwassalna sal-mejda ta’ ħajja mimlija ferħ u jiggwidana fil-vjaġġ tagħna. Jalla aħna niftakru dan u nimxu warajh lejn id-dar. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Arthur Davis Hasler, f’Gene E. Likens, “Arthur Davis Hasler: 5 ta’ Jannar, 1908–March 23, 2001,” f’National Academy of Sciences, Biographical Memoirs, vol. 82 (2003), 174–75.

  2. Ara Book of Mormon Student Manual (2009), 268–73.

  3. Ara Ħelaman 5:6–12.

  4. Doctrine and Covenants 19:38.

  5. Ara Don L. Searle, “Discovering Gospel Riches in Portugal,” Ensign, Ott. 1987, 15.

  6. Ara Ġwanni 3:16.