Konferenza Ġenerali
Għalfejn it-Triq tal-Patt
konferenza ġenerali April 2021


Għalfejn it-Triq tal-Patt

Id-differenza tat-triq tal-patt hija unikament u eternament sinifikanti.

Tul il-ministeru tiegħu, il-President Russell M. Nelson studja u għallem dwar il-patti ta’ Alla ma’ wliedu. Hu nnifsu huwa xempju ta’ bniedem li jimxi fit-triq tal-patt. Fl-ewwel messaġġ tiegħu bħala l-President tal-Knisja, il-President Nelson iddikjara:

L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti miegħu u mbagħad iżżommu dawn il-patti jwassal biex jinfetaħ il-bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli għall-irġiel, għan-nisa, u għat-tfal kollha madwar id-dinja.”

“… L-ordinanzi tat-tempju u l-patti li intom tagħmlu hemmhekk huma essenzjali biex isaħħu l-ħajja tagħkom, iż-żwieġ u l-familja tagħkom, u l-abbiltà tagħkom li tirreżistu l-attakki tal-avversarju. Il-qima tagħkom fit-tempju u s-servizz tagħkom hemm f’isem l-antenati tagħkom iberkukom b’aktar rivelazzjoni personali u b’aktar paċi u jiffortifikaw l-impenn tagħkom li tibqgħu fit-triq tal-patt.”1

X’inhi t-triq tal-patt? Hija dik it-triq li twassalna għas-saltna ċelestjali ta’ Alla. Il-mixja tagħna fit-triq nibdewha fix-xatba tal-magħmudija u mbagħad nibqgħu “mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu, b’dija perfetta ta’ tama u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha [iż-żewġ kmandamenti l-kbar] … sal-aħħar.”2 Tul it-triq tal-patt (li, bilħaqq, tibqa’ sejra lil hinn mill-mortalità), aħna nirċievu l-ordinanzi u l-patti kollha li jappartjenu għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni.

L-impenn ġenerali tal-patt tagħna hu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla “u nkunu ubbidjenti lejn il-kmandamenti tiegħu f’dak kollu li hu jitlob minna.”3 Li jum wara jum aħna nimxu mal-prinċipji u l-kmandamenti tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu l-aktar ħaġa ta’ ferħ u ta’ insegwiment sodisfaċenti fil-ħajja. Biss biss, persuna tevita numru kbir ta’ problemi u dispjaċiri. Ippermettuli nuża analoġija sportiva. Fit-tennis, hemm xi ħaġa msejħa żbalji mhux sfurzati. Eżempju ta’ dan hu meta plejer jitfa’ ballun, li jkun jista’ jibqa’ jintlagħab, fix-xibka, jew jagħmel żball doppju meta jkun qed jagħti s-‘service.’ Żbalji mhux sfurzati huma meqjusa bħala żbalji min-naħa ta’ plejer innifsu aktar minn xi mossa tajba mill-avversarju.

Ħafna drabi l-problemi jew l-isfidi tagħna huma kkaġunati minna stess, riżultat ta’ għażliet ħżiena, jew, nistgħu ngħidu, riżultat ta’ “żbalji mhux sfurzati.” Meta aħna nkunu mexjin b’diliġenza fit-triq tal-patt, hi ħaġa naturali li aħna nevitaw bosta “żbalji mhux sfurzati.” Aħna nitbiegħdu minn diversi vizzji differenti. Aħna ma naqgħux fil-ħandaq tal-imġieba diżonesta. Aħna naqsmu minn fuq l-abbiss tal-immoralità u l-infedeltà. Aħna nevitaw lin-nies u l-affarijiet li, anke jekk popolari, jipperikolaw il-benesseri fiżiku u spiritwali tagħna. Aħna nevitaw dawk l-għażliet li jagħmlu ħsara jew jiżvantaġġaw lil ħaddieħor u minflok nrawmu fina d-drawwiet tal-awtodixxiplina u s-servizz.4

Il-Presbiteru J. Golden Kimball allegatament qal, “Jista’ jkun li mhux dejjem imxejt tul it-triq stretta u dejqa, iżda jien nipprova naqsam min-naħa għall-oħra tagħha kemm jista jkun possibbli.”5 Fuq nota aktar serja, jiena ċert li Brother Kimball jaqbel miegħi li, li persuna tibqa’ fit-triq tal-patt, mhux sempliċiment taqsam min-naħa għall-oħra tagħha, hi l-akbar tama biex minn naħa nevitaw miżerja evitabbli u min-naħa l-oħra niffaċċjaw b’suċċess l-inkwiet inevitabbli tal-ħajja.

Xi wħud jafu jgħidu, “Jien nista’ nagħmel għażliet tajbin, nitgħammed jew ma nitgħammidx; m’għandi bżonn l-ebda patti biex inkun persuna onorabbli u nirnexxi.” M’hemmx dubju li hawn ħafna li, filwaqt li huma stess ma jinsabux fit-triq tal-patt, huma jaġixxu b’mod li jirrifletti l-għażliet u l-kontribut ta’ dawk li jinsabu fit-triq. Tista’ tgħid li qed igawdu l-barkiet talli jinsabu mexjin fi triq “konsistenti mal-patt.” Għalhekk, x’inhi d-differenza tat-triq tal-patt?

Fil-fatt, id-differenza hi xi ħaġa unikament u eternament sinifikanti. Tinkludi n-natura tal-ubbidjenza tagħna, il-karattru tal-impenn ta’ Alla lejna, l-għajnuna divina li nirċievu l-barkiet relatati mal-ġabra bħala poplu tal-patt, u l-aktar importanti, li nirċievu l-wirt etern tagħna.

Ubbidjenza b’Impenn

L-ewwel hija n-natura tal-ubbidjenza tagħna lejn Alla. Aktar milli sempliċiment ikollna intenzjoni tajba, aħna nikkommettu ruħna b’mod solenni li ngħixu permezz ta’ kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. F’dan, aħna nimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, li, peress li tgħammed, “hu wera lil ulied il-bnedmin li, skont il-ġisem huwa ċekken lilu nnifsu quddiem il-Missier, u wera lill-Missier li hu kien se jkun ubbidjenti lejh fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħu.”6

Permezz tal-patti, aħna nippruvaw mhux biss li nevitaw l-iżbalji jew inkunu prudenti fid-deċiżjonijiet tagħna. Aħna nħossuna kontabbli lejn Alla għall-għażliet tagħna u għal ħajjitna. Aħna nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu. Aħna niffokaw fuq Kristu—li nkunu qalbiena fit-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù u billi niżviluppaw il-karattru ta’ Kristu.

Permezz tal-patti, l-ubbidjenza lejn il-prinċipji tal-evanġelju tiġi msejsa fil-qalba ta’ ruħna. Jiena naf koppja li, li meta żżewġu, il-mara ma kenitx attiva fil-Knisja u r-raġel qatt ma kien membru tal-Knisja. Jien se nirreferi għalihom bħala Mary u John, li mhuwiex l-isem veru tagħhom. Hekk kif beda jkollhom it-tfal, Mary ħasset verament il-bżonn li trabbihom, kif tgħid l-iskrittura, “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.”7 John kien jappoġġjaha. Mary għamlet ċerti sagrifiċċji importanti biex tkun preżenti fid-dar ħalli tgħallem l-evanġelju b’mod konsistenti. Hija rat kif għamlet biex il-familja tkun qed tieħu vantaġġ sħiħ mill-qima u l-attività tal-Knisja. Mary u John saru ġenituri eżemplari, u wliedhom (kollha subien mimlijin enerġija) kibru fil-fidi u d-devozzjoni lejn il-prinċipji u l-istandards tal-evanġelju.

Il-ġenituri ta’ John, in-nanniet tat-tfal, kienu kuntenti bil-ħajja tajba u l-kisbiet tan-neputijiet tagħhom, iżda minħabba ċertu antagoniżmu lejn il-Knisja, huma riedu jattribwixxu dan is-suċċess esklussivament għall-ħiliet ta’ John u Mary bħala ġenituri. John, minkejja li ma kienx membru tal-Knisja, ma baqax b’ħalqu magħluq. Huwa insista li huma kienu qed igawdu l-frott tat-tagħlim tal-evanġelju—dak li wliedu kienu qed jesperjenzaw fil-knisja kif ukoll dak li kien qed jiġri fid-dar.

John innifsu kien qed jiġi influwenzat mill-Ispirtu, mill-imħabba u l-eżempju ta’ martu, u mill-atteġġjament ta’ wliedu. Maż-żmien, huwa tgħammed, fost il-ferħ tal-membri u l-ħbieb tal-qasam.

Filwaqt li l-ħajja ma kenitx nieqsa mill-isfidi, kemm għalihom kif ukoll għal uliedhom, Mary u John affermaw b’qalbhom kollha li r-raġuni tal-barkiet kollha tagħhom, kienet fil-fatt il-patt tal-evanġelju. Huma raw il-kliem li l-Mulej qal lil Ġeremija jiġi fis-seħħ fil-ħajja ta’ wliedhom kif ukoll fl-istess ħajjithom: “Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.”8

Marbutin ma’ Alla

It-tieni aspett uniku tat-triq tal-patt hija r-relazzjoni tagħna mad-Divinità. Il-patti li Alla joffri lilna, uliedu, mhux biss jiggwidawna. Huma jgħaqqduna miegħu, u, magħqudin miegħu, aħna nistgħu negħlbu kollox.9

Darba qrajt artiklu ta’ ġurnalist ta’ gazzetta, li ftit li xejn kien infurmat, li spjega li l-mod kif aħna nwettqu l-magħmudija għall-mejtin hu billi ngħaddsu r-rombli tal-mikrofilm fl-ilma. Imbagħad dawk kollha li isimhom jidher fuq il-mikrofilm jiġu kkunsidrati mgħammdin. Dak il-metodu żgur li jkun effiċjenti, iżda hu jinjora l-valur infinit ta’ kull ruħ u l-importanza kritika ta’ patt personali ma’ Alla.

“[Ġesù] qal … : Għaddu mix-xatba s-stretta; għax stretta x-xatba u dejqa t-triq li twassal għall-ħajja, u ftit huma li se jsibuha.”10 B’mod figurattiv, din ix-xatba tant hija dejqa li persuna waħda biss tista’ tgħaddi minnha fl-istess ħin. Kull persuna tagħmel wegħda individwali ma’ Alla u ta’ dan tirċievi lura mingħandu patt personali, speċifikament għaliha, li tista’ tiddependi fuqu f’din il-ħajja u fl-eternità. Bl-ordinanzi u l-patti, “il-qawwa tad-divinità tkun tista’ tidher” f’ħajjitna.11

Għajnuna Divina

Dan iwassalna biex nikkunsidraw it-tielet barka speċjali tat-triq tal-patt. Alla jipprovdi don kważi inkomprensibbli biex jgħin lil dawk li jagħmlu l-patti biex isiru dawk li jżommu l-patti: id-don tal-Ispirtu s-Santu. Dan id-don huwa d-dritt tas-sħubija kostanti, tal-protezzjoni, u tal-gwida tal-Ispirtu s-Santu.12 Magħruf ukoll bħala l-Farrâġ, l-Ispirtu s-Santu hu “mimli tama u mħabba perfetta.”13 Huwa “jaf kollox, u jagħti xhieda tal-Missier u tal-Iben,”14 li taghom nippruvaw inkunu xhieda.15

Fit-triq tal-patt aħna nsibu wkoll il-barkiet essenzjali tal-maħfra u t-tindif mid-dnub. Din hi għajnuna li nistgħu niskbuha biss permezz tal-grazzja divina, amministrata mill-Ispirtu s-Santu. “Issa dan huwa l-kmandament,” jgħid il-Mulej, “Indmu, intom kollha minn truf id-dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ismi, ħalli titqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu, sabiex intom tieqfu mingħajr tebgħa quddiemi fl-aħħar jum.”16

Inġabru Flimkien mal-Poplu tal-Patt

Ir-raba’, dawk li jinsabu mexjin fit-triq tal-patt isibu wkoll bosta barkiet speċjali meta jinġabru ma’ ħaddieħor f’diversi laqgħat maħtura b’mod divin. Il-profeziji dwar il-ġabra litterali tat-tribujiet ta’ Iżrael, li ilhom żmien twil imxerrdin, fl-artijiet ta’ wirthom insibuhom mal-iskrittura kollha.17 It-twettiq ta’ dawk il-profeziji u l-wegħdiet issa qed jiġi fis-seħħ bil-ġabra tal-poplu tal-patt fil-Knisja, is-saltna ta’ Alla fid-dinja. Il-President Nelson spjega: “Meta aħna nitkellmu dwar il- ġabra, aħna sempliċiment inkunu qed intennu din il-verità fundamentali: l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet … jistħoqqilhom li jisimgħu l-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.”18

Il-Mulej talab lill-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien: “Qumu u iddu, sabiex id-dawl tagħkom ikun standard għall-ġnus; … li l-ġabra flimkien fl-art ta’ Sijon, u fl-utied tagħha, tkun bħala difiża u bħala refuġju mill-maltemp, u mill-korla meta titferragħ safja mal-art kollha.”19

Hemm ukoll ġabra ta’ kull ġimgħa għall-poplu tal-patt fid-dar tat-talb f’jum il-Mulej, biex aħna nkunu nistgħu “inżommu aktar lilna nfusna ’l bogħod mit-tniġġis tad-dinja.”20 Hija l-ġabra biex nieklu mill-ħobż u nixorbu mill-ilma tas-sagrament b’tifkira tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u hi ħin li fih “insumu u nitolbu u nitkellmu bejnietna dwar il-ġid ta’ ruħna.”21 Meta kont għadni żagħżugħ, jiena kont l-uniku membru tal-Knisja fil-klassi tiegħi fl-iskola sekondarja. Jiena kont nieħu gost mal-ħafna ħbieb twajbin li kelli fl-iskola, madankollu kont sibt li kont niddependi ferm fuq din il-ġabra ta’ Jum il-Mulej biex kull ġimgħa niffriska u nġedded lili nnifsi spiritwalment, u anke fiżikament. Kemm ħassejna n-nuqqas ta’ din il-ġabra regolari tal-patt waqt il-pandemija ta’ bħalissa, u kemm qed nistennew bil-ħerqa ż-żmien li fih inkunu nistgħu nerġgħu niltaqgħu flimkien bħal qabel.

In-nies tal-patt jinġabru wkoll fit-tempju, id-dar tal-Mulej, biex jiksbu l-ordinanzi, il-barkiet, u r-rivelazzjoni li nistgħu niksbuha biss hemmhekk. Il-Profeta Joseph Smith għallem: “X’kien l-iskop tal-ġabra tal- … poplu ta’ Alla f’kwalunkwe żmien tad-dinja? … L-iskop ewlieni kien “biex nibnu għall-Mulej dar li fiha Hu jkun jista’ jiżvela lill-poplu tiegħu l-ordinanzi tad-dar tiegħu u l-glorji tas-saltna tiegħu, u jgħallem lill-poplu t-triq tas-salvazzjoni; għaliex hemm ċerti ordinanzi u prinċipji li, meta jiġu mgħallmin u pprattikati, jeħtieġ li jiġu amministrati f’post, jew dar, li hu mibni għal dak il-għan.”22

Irtu l-Wegħdiet tal-Patt

Finalment, huwa biss meta nimxu fit-triq tal-patt li aħna nirtu l-barkiet ta’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb, l-akbar barkiet tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni li Alla biss jista’ jagħti.23

Ir-referenzi fl-iskrittura għall-poplu tal-patt ħafna drabi jirreferu għad-dixxendenti litterali ta’ Abraham jew tad-“dar ta’ Iżrael.” Iżda l-poplu tal-patt jinkludi wkoll lil dawk kollha li jirċievu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.24 Pawlu spjega:

“Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu. …

Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skont il-wegħda.”25

Dawk li huma leali lejn il-patti tagħhom “se jqumu fil-qawmien mill-imwiet tal-ġusti.”26 Huma “se jiksbu l-perfezzjoni permezz ta’ Ġesù l-medjatur tal-patt il-ġdid. … Huma dawk li għandhom ġisem ċelestjali, li l-glorja tagħhom tixbah lil dik tax-xemx, sewwasew il-glorja ta’ Alla, l-ogħla fosthom kollha.”27 “Għalhekk, kollox tagħhom, fil-ħajja u fil-mewt, kemm l-affarijiet preżenti, kif ukoll l-affarijiet li għad irid jiġu, kollox hu tagħhom u huma ta’ Kristu, u Kristu u ta’ Alla.”28

Ejjew nagħtu widen tas-sejħa tal-profeta biex nibqgħu fit-triq tal-patt. Nefi ra lilna u ra żmienna u kiteb, “Jiena, Nefi, rajt il-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, li kien mifrux fuq wiċċ l-art; u kien armat permezz tas-sewwa u permezz tal-qawwa ta’ Alla fl-ogħla glorja.”29

Bħal Nefi, “ruħi tifraħ fil-patti tal-Mulej.”30 F’dan Ħadd il-Għid, jiena naqsam magħkom it-testimonjanza li għandi ta’ Ġesù Kristu, li l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu hu t-tama tagħna u l-assigurazzjoni ta’ dak kollu mwiegħed fit-triq tal-patt u fi tmiemha. F’isem Ġesù Kristu, amen.