Konferenza Ġenerali
Kristu Qam; Il-Fidi Fih Twarrab il-Muntanji
konferenza ġenerali April 2021


Kristu Qam; Il-Fidi Fih Twarrab il-Muntanji

Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-akbar qawwa disponibbli għalina f’din il-ħajja. Kollox hu possibbli għal dawk li jemmnu.

Għeżież ħuti, jiena grat għall-privileġġ li għandi li nkellimkom f’dan Ħadd il-Għid.1 Is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu biddlu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna għal dejjem. Aħna nħobbuh u bi gratitudni nqimu lilu u lil Missierna fis-Smewwiet.

Matul dawn l-aħħar sitt xhur, komplejna niffaċċjaw pandemija globali. Nimmeravilja ruħi bir-reżiljenza u s-saħħa spiritwali tagħkom quddiem il-mard, it-telfien, u l-iżolament. Nitlob kontinwament biex, minkejja dan kollu, intom tħossu l-imħabba kostanti tal-Mulej għalikom. Jekk weġibtu għall-isfidi tagħkom billi ssaħħaħtu fid-dixxipulat tagħkom, din is-sena li għaddiet żgur li ma kenitx għalxejn.

Dalgħodu, aħna smajna mingħand mexxejja tal-Knisja li ġejjin minn kull kontinent abitat fid-dinja. Verament, il-barkiet tal-evanġelju huma għal kull razza, ilsien, u poplu. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija knisja globali . Ġesù Kristu huwa l-mexxej tagħna.

Fortunatament, laqas pandemija ma rnexxielha tnaqqas it-tkabbir kontinwu tal-verità tiegħu. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa eżattament dak li hemm bżonn f’din id-dinja konfuża, kontenzjuża, u għajjiena.

Ulied Alla kollha jixirqilhom l-opportunità li jisimgħu u jaċċettaw il-messaġġ ta’ fejqan u ta’ fidwa ta’ Ġesù Kristu. L-ebda messaġġ ieħor mhu aktar importanti għall-ferħ tagħna—issa u għal dejjem.2 L-ebda messaġġ ieħor ma fih daqstant tama. L-ebda messaġġ ieħor ma jista’ jelimina t-tilwim fis-soċjetà tagħna.

Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-pedament ta’ kull twemmin u hi l-passaġġ tal-qawwa divina. Skont l-Appostlu Pawlu, “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”3

Kull ħaġa tajba fil-ħajja—kull barka potenzjali ta’ sinifikat etern—tibda bil-fidi. Biex inħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna jeħtieġ li nibdew billi jkollna l-fidi li Huwa lest li jiggwidana. L-indiema vera tibda bil-fidi li Ġesù Kristu għandu l-qawwa li jnaddafna, ifejjaqna, u jsaħħaħna.4

“Tiċħdux il-qawwa ta’ Alla,” iddikjara l-profeta Moroni, “għax hu jaħdem permezz tal-qawwa, skont il-fidi ta’ wlied il-bnedmin.”5 Hija l-fidi tagħna li tgħinna naċċessaw il-qawwa ta’ Alla fil-ħajja tagħna .

U madankollu, li neżerċitaw il-fidi tista’ tidher bħala xi ħaġa verament diffiċli. Kultant nafu nistaqsu lilna nfusna jekk hux possibbli li jkollna daqstant fidi biex nirċievu l-barkiet li aħna tant neħtieġu. Madankollu, il-Mulej talabna biex ma nibżgħux permezz tal-kliem tal-profeta Alma fil-Ktieb ta’ Mormon.

Żerriegħa tal-mustarda

Alma sempliċiment jitlobna biex nesperimentaw permezz tal-kelma ta’ Alla u “neżerċitaw farka fidi, anke jekk kull ma għandna hi biss ix-xewqa li nemmnu.”6 Il-frażi “farka fidi” tfakkarni fil-wegħda bibblika tal-Mulej li kieku aħna jkollna “fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda,” konna nkunu kapaċi “ngħidu lil din il-muntanja, Warrab minn hawn u mur hemm, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalina li ma jistax isir.”7

Għasfur qalb iż-żerriegħa tal-mustarda

Il-Mulej jifhem id-dgħjufija mortali tagħna. Kultant aħna nħossuna dgħajfin. Iżda Huwa jaf ukoll dwar il-potenzjal kbir tagħna. Iż-żerriegħa tal-mustarda tibda żgħira iżda mbagħad tikber u ssir siġra kbira biżżejjed biex l-għasafar ibejtu fil-fergħat tagħha. Iż-żerriegħa tal-mustarda tirrappreżenta fidi li minkejja li hi żgħira qiegħda dejjem tikber .8

Il-Mulej ma jeħtieġx fidi perfetta biex aħna jkollna aċċess għall-qawwa perfetta tiegħu. Iżda li jitlob minna hu li nemmnu.

Għeżież ħuti, f’din l-għodwa tal-Għid qed insejħilkom biex tibdew mil-lum tkabbru l-fidi tagħkom. Permezz tal-fidi tagħkom, Ġesù Kristu jkabbar l-abbiltà tagħkom li twarrbu l-muntanji f’ħajjitkom,9 avolja l-isfidi personali tagħkom jafu jkunu kbar daqs il-Muntanja Everest.

Il-muntanji tagħkom jistgħu jkunu s-solitudni, id-dubju, il-mard, jew problemi personali oħra. Il-muntanji tagħkom ivarjaw, u madankollu t-tweġiba għal kull waħda mill-isfidi tagħkom hija li tkabbru l-fidi tagħkom. Dan jirrikjedi daqxejn ta’ sforz. Studenti għażżiena u dixxipli laxki dejjem se jitħabtu biex jipproduċu saħansitra dik il-farka fidi.

Biex tagħmlu xi ħaġa sew hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Li ssiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu mhix eċċezzjoni. Biex tkabbru l-fidi u l-fiduċja tagħkom fih hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Ippermettuli nagħtikom ħames suġġerimenti li jgħinukom tiżviluppaw dik il-fidi u l-fiduċja.

L-ewwel, studjaw. Siru studenti attivi. Għaddsu raskom fl-iskrittura biex tifhmu aħjar il-missjoni u l-ministeru ta’ Kristu. Kun afu d-duttrina ta’ Kristu biex tifhmu l-qawwa tagħha għal ħajjitkom. Assimilaw il-verità li l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tapplika għalikom. Huwa ħa fuqu nnifsu l-miżerja tagħkom , l-iżbalji tagħkom , id-dgħjufija tagħkom , u d-dnubiet tagħkom . Hu ħallas il-prezz kumpensatorju u pprovdielkom il-qawwa biex twarrbu kull muntanja li jista’ qatt ikollkom quddiemkom. Intom tiksbu dik il-qawwa permezz tal-fidi, tal-fiduċja, u tar-rieda tagħkom li timxu warajh.

Biex twarrbu l-muntanji jaf ikollkom bżonn ta’ miraklu. Tgħallmu dwar il-mirakli. Il-mirakli tiksbuhom permezz tal-fidi tagħkom fil-Mulej. Ċentrali għal dik il-fidi hu li tafdaw fir-rieda u l-orarju tiegħu—kif u meta Hu sejjer iberikkom bl-għajnuna mirakoluża li tixtiequ. Hu biss in- nuqqas ta’ fidi tagħkomli jżomm lil Alla milli jberikkom b’mirakli li twarrbu l-muntanji li hemm fil-ħajja tagħkom .10

Aktar ma titgħallmu dwar is-Salvatur, aktar issibuha faċli li tafdaw fil-ħniena tiegħu, fl-imħabba infinita tiegħu, u fil-qawwa tiegħu li ssaħħaħna, tfejjaqna, u tifdina. Is-Salvatur qatt ma jkun eqreb minnkom daqs meta tkunu qed tiffaċċjaw, jew tkunu tilgħin, xi muntanja bil-fidi.

It-tieni, agħżlu li temmnu f’Ġesù Kristu. Jekk għandkom xi dubji dwar Alla l-Missier u Ibnu l-Għażiż, jew dwar il-validità tar-Restawrazzjoni jew il-verità tas-sejħa divina ta’ Joseph Smith bħala profeta, agħżlu li temmnu11 u li tibqgħu fidili. Morru bil-mistoqsijiet tagħkom għand il-Mulej u f’sorsi fidili oħra. Studjaw bix-xewqa li temmnu aktar milli bit-tama li ssibu xi difett fin-nisġa tal-ħajja ta’ profeta jew xi diskrepanza fl-iskrittura. Tkomplux tkabbru d-dubji tagħkom billi toqogħdu ssemmuhom ma’ oħrajn li għandhom id-dubji tagħhom. Ħallu lill-Mulej imexxikom fil-vjaġġ ta’ skopertà spiritwali tagħkom.

It-tielet, aġixxu bil-fidi. X’tagħmlu kieku kellkom aktar fidi? Aħsbu ftit dwar dan. Iktbu xi ħaġa dwar dan. Imbagħad iksbu aktar fidi billi tagħmlu xi ħaġa li teħtieġ aktar fidi.

Ir-raba’, ħudu sehem f’ordinanzi sagri b’mod den. L-ordinanzi jagħtukom aċċess għall-qawwa ta’ Alla f’ħajjitkom.12

U l-ħames, itolbu lil Missierkom fis-Smewwiet, f’isem Ġesù Kristu, għall-għajnuna.

Il-fidi teħtieġ li naħdmu għaliha. Jeħtieġ li naħdmu biex nirċievu r-rivelazzjoni. Iżda “kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.”13 Alla jaf x’jista’ jgħin lill-fidi tagħkom tikber. Itolbu, u mbagħad erġgħu itolbu.

Wieħed li ma jemminx jaf jgħid li l-fidi hi għad-dgħajfin. Iżda din id-dikjarazzjoni tinjora l-qawwa tal-fidi. Tgħid l-Appostli tas-Salvatur kienu jkomplu jgħallmu d-duttrina tiegħu wara l-mewt tiegħu, b’periklu għal ħajjithom, li kieku ddubitawh?14 Tgħid Joseph u Hyrum Smith kienu jmutu martri jiddefendu r-Restawrazzjoni tal-Knisja tal-Mulej jekk huma ma kellhomx xhieda ċerta li kienet vera? Tgħid kienu jmutu kważi 2,000 Qaddis tul it-trejqa tal-pijunieri15 jekk ma kellhomx il-fidi li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kien ġie rrestawrat? Verament, il-fidi hija l-qawwa li tippermetti lill-improbabbli li jwettaq l-impossibbli.

Tissottovalutawx il-fidi li diġà għandkom. Jeħtieġ il-fidi biex tingħaqad mal-Knisja u tibqa’ fidil. Jeħtieġ il-fidi biex timxi wara l-profeti aktar milli wara l-esperti u l-opinjoni popolari. Jeħtieġ il-fidi biex isservi missjoni waqt pandemija. Jeħtieġ il-fidi biex tgħix ħajja safja meta d-dinja qed tgħidilna b’vuċi għolja li l-liġi tal-kastità ta’ Alla m’għadux żmienha. Jeħtieġ il-fidi biex tgħallem l-evanġelju lit-tfal f’dinja sekulari. Jeħtieġ il-fidi biex titlob għall-ħajja tal-maħbubin tiegħek, u saħansitra jeħtieġ fidi akbar biex taċċetta tweġiba diżappuntanti.

Sentejn ilu, jien u Sister Nelson morna nżuru s-Samoa, it-Tonga, il-Fiji, u Tahiti. Kull waħda minn dawk il-gżejjer indipendenti esperjenzaw jiem sħaħ ta’ xita qalila. Il-membri bdew isumu u jitolbu biex il-laqgħat tagħhom fl-apert ikunu protetti mix-xita.

Fis-Samoa, fil-Fiji, u f’Tahiti, hekk kif bdew il-laqgħat, ix-xita waqfet. Iżda fit-Tonga, ix-xita ma waqfitx. Madankollu 13,000 Qaddis fidil ġew fil-post minn sigħat qabel biex isibu siġġu, fejn qagħdu jistennew bil-paċenzja f’xita kontinwa, u mbagħad baqgħu hemm bilqiegħda fix-xita għal laqgħa sħiħa ta’ sagħtejn.

Qaddisin fit-Tonga fix-xita

Aħna rajna fidi mill-aktar vibranti taħdem fost kull wieħed u waħda minn dawk in-nies tal-ġżejjer—fidi biżżejjed biex twaqqaf ix-xita, u fidi biex jibqgħu jippersistu meta x-xita ma waqfitx.

Il-muntanji f’ħajjitna mhux dejjem jiċċaqalqu kif jew meta aħna nixtiequ. Iżda l-fidi tagħna dejjem tmexxina ’l quddiem. Il-fidi dejjem tkabbar l-aċċess tagħna għall-qawwa divina.

Jekk jogħġobkom kunu afu dan: jekk kull ħaġa u kull bniedem fid-dinja li intom tafdaw fihom ifallu, Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu mhuma se jfallu qatt . Il-Mulej la qatt jongħos, u lanqas jorqod .16 Hu “l-istess il-bieraħ, illum, u [għada].”17 Hu mhux se jabbanduna l-patti tiegħu,18 il-wegħdiet tiegħu, jew l-imħabba li għandu lejn il-poplu tiegħu. Huwa jwettaq il-mirakli llum u Hu jwettaq il-mirakli għada.19

Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-akbar qawwa disponibbli għalina f’din il-ħajja. Kollox hu possibbli għal dawk li jemmnu.20

Il-fidi tagħkom li qiegħda tikber fih se twarrab il-muntanji—mhux il-muntanji tal-blat li jsebbħu lid-dinja iżda l-muntanji tal-miżerja f’ħajjitkom. Il-fidi li qed tiffjorixxi tagħkom tgħinkom tibdlu l-isfidi fi tkabbir u opportunità bla paragun.

F’dan Ħadd il-Għid, b’sentimenti mill-aktar profondi ta’ mħabba u gratitudni, jiena niddikjara x-xhieda tiegħi li Ġesù Kristu qam verament. Huwa qam biex imexxi lill-Knisja tiegħu. Huwa qam biex ibierek il-ħajja tal-ulied kollha ta’ Alla, huma minn fejn huma. B’fidi fih, aħna nistgħu nwarrbu l-muntanji f’ħajjitna. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. F’xi partijiet tad-dinja, in-nies jużaw mod uniku u speċjali kif fl-għodwa tal-Għid isellmu lil xulxin! Bil-lingwa ta’ fejn joqogħdu, min ikun qed jagħti l-awgurju jgħid, “Kristu qam!” Il-persuna li tirċievi l-awgurju twieġeb, “Verament! Huwa Qam!” Per eżempju, il-mod kif jgħaddu t-tislijiet tagħhom lil xulxin fi żmien l-Għid min jitkellem bir-Russu jibda permezz ta’ “Христос воскрес” (Kristu qam [imqajjem mill-imwiet]!), u r-risposta tkun “Воистину! воскрес!” (Verament! Huwa Qam!).

  2. Ara Mosiah 2:41.

  3. Lhud 11:6. Lectures on Faith tiddikjara li l-fidi “hija l-ewwel prinċipju kbir ta’ tmexxija li għandu setgħa, dominju, u awtorità fuq kull ħaġa oħra” ([1985], 5).

  4. Ara Mattew 11:28–30; Alma 7:12–13; Ether 12:27.

  5. Moroni 10:7; enfażi miżjuda.

  6. Alma 32:27; enfażi miżjuda.

  7. Mattew 17:20, enfażi miżjuda; ara wkoll Helaman 12:9, 13.

  8. Ara Doctrine and Covenants 78:17–18. Il-premju talli tneħħi minn fuqek il-bniedem naturali hu li ssir “qaddis permezz tal-espjazzjoni tal-Kristu l-Mulej” (Mosiah 3:19).

  9. Ara 1 Nephi 7:12.

  10. Ara Mormon 9:19–21; Ether 12:30.

  11. Ara 2 Nephi 33:10–11.

  12. Ara Doctrine and Covenants 84:20.

  13. Mattew 7:8.

  14. Mingħajr il-qawwa tal-fidi, seta’ Abinadi jgħaddi mill-mewt permezz tan-nar talli rrifjuta li jiċħad dak li kien jaf li kien veru? (ara Mosiah 17:7–20). Mingħajr dik il-qawwa, seta’ Għeter imur jistaħba ġo għar (ara Ether 13:13–14) u seta’ Moroni jibqa’ jissapporti snin sħaħ ta’ solitudni (ara Moroni 1:1–3), meta ħajjithom setgħet kienet ferm aktar komda li kieku huma ċaħdu dak li kienu jemmnu fih?

  15. Ara Melvin L. Bashore, H. Dennis Tolley, and the BYU Pioneer Mortality Team, “Mortality on the Mormon Trail, 1847–1868,” BYU Studies, vol. 53, no. 4 (2014), 115.

  16. Ara Salm 121:4.

  17. Mormon 9:9.

  18. Ara Isaija 54:10; 3 Nephi 22:10.

  19. Ara Mormon 9:10–11, 15.

  20. Ara Mark 9:23.