Konferenza Ġenerali
L-Ebda Vittorja fil-Qabar
konferenza ġenerali April 2021


L-Ebda Vittorja fil-Qabar

Permezz tal-Espjazzjoni feddejja u l-Qawmien mill-Imwiet glorjuż ta’ Ġesù Kristu, il-qlub miksura jistgħu jitfejqu, in-niket jista’ jinbidel f’paċi, u t-tbatija tista’ tinbidel f’tama.

F’dan il-Ħadd il-Għid glorjuż, it-tfal tagħna jkantaw bil-ferħ, “F’żmien ir-rebbiegħa mill-isbaħ, Ġesù Kristu stenbaħ u ħareġ mill-qabar fejn tpoġġa; l-irbit tal-mewt hu kisser.”1

Aħna grati għall-għarfien tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. U madankollu f’xi żmien jew ieħor f’ħajjitna, aħna żgur li ħassejna qalbna tinqasam meta tlifna lil xi ħadd li verament inħobbu. Matul il-pandemija globali li għaddejjin minnha, ħafna minna tlifna lil xi ħadd għażiż għalina—xi membri tal-familja jew inkella xi ħbieb.2 Nitolbu għal dawk li jinsabu jibku dan it-telfien.

Il-President Russell M. Nelson qal:

“Irrispettivament l-età, aħna nibku għal dawk li ħabbejna u tlifna. In-niket hu wieħed mill-aktar espressjonijiet profondi ta’ mħabba safja. …

“Barra minn hekk, aħna ma nistgħux napprezzaw għal kollox ir-riunjoni li se jkollna aktar tard mingħajr is-separazzjoni ta’ niket li nesperjenzaw bħalissa. L-uniku mod kif nistgħu nneħħu n-niket mill-mewt hu billi nneħħu l-imħabba mill-ħajja.”3

Dixxipli nisa jibku lil Ġesù.

Nistgħu nimmaġinaw kif setgħu ħassewhom il-ħbieb ta’ Ġesù, li mxew warajh u lilu huma mministraw,4 meta rawh imut.5 Aħna nafu li “huma kienu qalbhom sewda u jibku.”6 Fil-jum li fih ġie Msallab fuq is-Salib, mingħajr ma kienu jafu x’kien se jiġri fil-jum tal-Ħadd, nistgħu nimmaġinaw kemm ħassewhom imnikktin, jistaqsu lilhom infushom kif setgħu jibqgħu mexjin mingħajr l-Imgħallem tagħhom. Madankollu, huma komplew jimministrawlu anke wara l-mewt tiegħu.

Ġużeppi ta’ Arimatija talab bil-ħerqa lil Pilatu biex jagħtih il-ġisem ta’ Ġesù. Hu niżżel il-ġisem tiegħu minn fuq is-salib, geżwru f’ liżar fin, poġġieh fil-qabar li kellu, u gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar.7

Nikodemu ġab miegħu taħlita ta’ mirra u sabbara. Huwa għen lil Ġużeppi jġorr il-ġisem u jgeżwru fil-liżar bil-ħwawar.8

Marija ta’ Magdala u xi nisa oħra mxew wara Ġużeppi u Nikodemu, raw fejn huma poġġew il-ġisem ta’ Ġesù, u ħejjew xi fwejjaħ u żejt biex jidilkuh bihom.9 Skont il-liġijiet stretti ta’ dak iż-żmien, huma kellhom joqogħdu jistennew biex setgħu jkomplu jħejju u jidilku lill-ġisem peress li s-Sibt kien Jum il-Mistrieħ.10 Imbagħad, kmieni fl-għodwa tal-Ħadd, huma marru ħdejn il-qabar. Meta rrealizzaw li l-ġisem tas-Salvatur ma kienx qiegħed hemm, huma marru jgħidu lid-dixxipli, li kienu l-Appostli ta’ Ġesù. L-Appostli marru magħhom ħdejn il-qabar u huma raw li kien vojt. Kollha telqu minn hemm ħlief għal Marija ta’ Magdala, li bdiet tistaqsi lilha nnifisha x’kien ġara mill-ġisem tas-Salvatur.11

Marija ta’ Magdala baqgħet ħdejn il-qabar weħidha. Kien biss ftit jiem qabel li hi rat b’għajnejha lill-ħabib u l-Imgħallem tagħha jinqatel b’mod traġiku. Issa l-qabar kien vojt, u hi ma kenitx taf fejn kien. Hi ma kenitx tiflaħ għal dan kollu, u nfaqgħet tibki. F’dak il-mument, dehrilha s-Salvatur imqajjem mill-imwiet u staqsieha għalfejn kienet qed tibki u lil min kienet qed tfittex. Peress li ħasbet li kien il-ġardinar li kellimha, hi staqsietu biex, jekk kien hu li ħa l-ġisem tal-Mulej, jgħidilha fejn kien poġġieh biex tkun tista’ tieħdu.12

Marija ta’ Magdala

Nimmaġina li l-Mulej ta ċans lil Marija ta’ Magdala biex tesprimi n-niket u l-uġigħ tagħha.13 Imbagħad sejħilha b’isimha, u hi daret lejh u għarfitu. Hi rat quddiemha lil Kristu mqajjem mill-mewt u kienet xhud tal-Qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet.14

Bħalkom, b’xi mod jiena nista’ nirrelata man-niket li ħassew Marija ta’ Magdala u sħabha hekk kif huma bdew jibku l-mewt ta’ Sidhom il-Mulej. Meta kelli disa’ snin, jiena tlift lil ħija akbar minni waqt terrimot mill-aktar qerriedi. Peress li kollox seħħ bla mistenni, domt mhux ħażin biex bdejt nemmen li dak li ġara kien veru. Qalbi ħassejtha tinqasam bin-niket, u kont nistaqsi lili nnifsi, “Xi ġralu ħija? Fejn hu? Fejn mar? Jien għad nerġa’ narah?”

Dak iż-żmien ma kontx għadni naf dwar il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla, u kelli x-xewqa li nkun naf minn fejn ġejna, x’kien l-iskop tal-ħajja, u x’se jiġri minna wara li mmutu. Mhux ilkoll kemm aħna jkollna dawk il-ħsibijiet meta nitilfu lil xi maħbubin tagħna jew meta ngħaddu minn xi żmien diffiċli f’ħajjitna?

Ftit tas-snin wara, jiena bdejt naħseb dwar ħija b’mod aktar speċifiku. Bdejt nimmaġinah iħabbat fuq il-bieb tagħna. Kont immur niftaħ il-bieb, hu kien ikun wieqaf hemm, u jgħidli, “Jiena mhux mejjet. Jiena ħaj. Ma stajtx niġi ħdejk qabel, iżda issa se nibqa’ miegħek u qatt ma nitilqek.” Dik l-immaġinazzjoni, kważi ħolma, għenitni nkampa mal-uġigħ li ħassejt minħabba t-telfa tiegħu. Il-ħsieb li kien se jkun miegħi kien iberren f’moħħi kontinwament. Xi kultant kont anke noqgħod niċċassa lejn il-bieb, nittama li hu jħabbat u jien nerġa’ narah.

Kważi 40 sena wara, fi żmien il-Għid, jiena kont qed nixtarr dwar il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu u bdejt naħseb dwar ħija. F’dak il-mument, feġġet xi ħaġa f’moħħi. Ftakart meta kont nimmaġinah jiġi jarani.

Dak inhar irrealizzajt li l-Ispirtu kien qed ifarraġni f’dak iż-żmien diffiċli. Jiena kont ksibt xhieda li l-ispirtu ta’ ħija mhuwiex mejjet; huwa ħaj. Huwa għadu qiegħed jgħix fl-eżistenza eterna tiegħu. Issa jiena naf li “ħija se jerġa’ jqum”15 f’dak il-mument manjifiku meta, grazzi għall-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu, aħna lkoll se nerġgħu nqumu. Barra minn hekk, Hu għamilha possibbli li aħna nerġgħu ningħaqdu mill-ġdid bħala familji u jkollna l-ferħ etern fil-preżenza ta’ Alla jekk nagħżlu li nagħmlu u nżommu l-patti sagri miegħu.

Il-President Nelson għallem:

“Il-mewt hija komponent neċessarju fl-eżistenza eterna tagħna. Ħadd ma jaf meta se tiġi, iżda hija essenzjali għall-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Alla. Grazzi għall-Espjazzjoni tal-Mulej, il-qawmien eventwali mill-imwiet hija realtà u l-ħajja eterna hija possibbiltà għall-umanità kollha. …

“… Għall-maħbubin li jibku t-telfa … l-uġigħ tan-niggieża tal-mewt jittaffa permezz tal-fidi soda fi Kristu, tad-dija perfetta ta’ tama, tal-imħabba ta’ Alla u mħabba lejn il-bnedmin kollha, u tax-xewqa kbira li naqduhom. Dik il-fidi, dik it-tama, dik l-imħabba tikkwalifikana biex immorru fil-preżenza mqaddsa ta’ Alla u, flimkien mal-konjugi eterni u l-familji tagħna, ngħammru ma’ Alla għal dejjem.”16

Qabar tal-Ġnien

Jiena nixhed li “kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, jew ma kissirx l-irbit tal-mewt biex ma jkun hemm l-ebda vittorja fil-qabar, u li kieku l-mewt m’għandhiex niggieża, kieku ma kien ikun hawn l-ebda qawmien mill-imwiet.

“Iżda hawn fil-fatt qawmien mill-imwiet, għalhekk m’hemm l-ebda vittorja fil-qabar, u nbelgħet in-niggieża tal-mewt fi Kristu.

“Huwa d-dawl u l-ħajja tad-dinja; iva, dawl li hu bla tmiem li qatt ma jista’ jintefa; iva, kif ukoll ħajja li hi bla tmiem, ħalli mewt aktar ma jkunx hemm.”17

Is-Salvatur imqajjem mill-imwiet

Ġesù Kristu nnifsu ddikjara, “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.”18

Jiena nixhed li permezz tal-Espjazzjoni feddejja u l-Qawmien mill-Imwiet glorjuż ta’ Ġesù Kristu, il-qlub miksura jistgħu jitfejqu, in-niket jista’ jinbidel f’paċi, u t-tbatija tista’ tinbidel f’tama. Hu jista’ jħaddan lil kull wieħed u waħda minna fid-dirgħajn tiegħu ta’ ħniena, ta’ faraġ, ta’ kuraġġ, u ta’ fejqan. F’isem Ġesù Kristu, amen.