Konverżazzjonijiet Essenzjali
Aħna ma nistgħux noqogħdu nistennew li t-tfal tagħna sempliċiment jikkonvertu. Il-konverżjoni aċċidentali mhijiex prinċipju tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Ġieli ħsibtu għalfejn il-Primarja nsejħulha “Primarja”? Filwaqt li l-isem jirreferi għat-tagħlim spiritwali li t-tfal jirċievu fl-ewwel snin ta’ ħajjithom, għalija l-frażi tfakkarna wkoll f’verità mill-aktar importanti. Għal Missierna fis-Smewwiet, it-tfal qatt ma kienu sekondarji—kienu dejjem “primarji.”1
Hu għandu fiduċja fina li aħna sejrin napprezzawhom, nirrispettawhom, u nipproteġuhom bħala wlied Alla. Dan ifisser li aħna qatt m’aħna b’xi mod se nweġġgħuhom fiżikament, verbalment, jew emozzjonalment, anke meta nħossu ċerta tenzjoni u nkunu taħt pressjoni. Minflok għandna napprezzaw lit-tfal u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nikkumbattu l-ħażen tal-abbuż. Li nieħdu ħsiebhom hi ħaġa mill-aktar primarja għalina—kif inhi għalih.2
Koppja żagħżugħa poġġew bilqiegħda madwar il-mejda tal-kċina jitkellmu dwar l-affarijiet tal-jum. F’ħin minnhom semgħu ħoss ġew mill-kuritur. “Dan x’kien?” staqsiet l-omm.
Imbagħad huma semgħu lit-tifel tagħhom ta’ erba’ snin jibki bil-mod fil-kamra tas-sodda tiegħu. Huma telqu b’ġirja fil-kuritur. Sabuh mal-art ħdejn is-sodda tiegħu. L-omm refgħet lit-tifel ċkejken u staqsietu x’kien ġara.
Huwa qalilha, “Waqajt mis-sodda.”
Hija qalet, “Għalfejn waqajt mis-sodda?”
Waqt li għolla spalltu qal, “Ma nafx. Naħseb li ma kontx biżżejjed ’il ġewwa.”
Hu sewwasew dwar din li “ma nkunux biżżejjed ’il ġewwa” li nixtieq inkellimkom dalgħodu. Hu l-privileġġ u r-responsabbiltà tagħna li ngħinu lit-tfal “ikunu biżżejjed ’il ġewwa” fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. U qatt mhu kmieni wisq biex nibdew.
Hemm żmien unikament speċjali fil-ħajja tat-tfal meta huma jkunu protetti mill-influwenza ta’ Satana. Hu ż-żmien meta fih huma jkunu innoċenti u ħielsa mid-dnub.3 Hu żmien sagru għall-ġenituri u l-ulied. It-tfal jiġi mgħallmin, bil-kelma u bl-eżempju, qabel u wara li huma jkunu “waslu fis-snin tal-kontabilità quddiem Alla.”4
Il-President Henry B. Eyring għallem: “Aħna għandna l-akbar opportunità fejn jidħlu t-tfal. L-aqwa żmien biex ngħallmuhom huwa fl-ewwel snin, meta t-tfal ikunu għadhom mhumiex suġġett għat-tentazzjoni tal-għadu mortali, u żmien sew qabel ikun aktar diffiċli għalihom li jisimgħu l-kliem tal-verità qalb l-istorbju tat-taqbid personali tagħhom.”5 Dan it-tagħlim jgħinhom jagħrfu l-identità divina tagħhom, l-għan tagħhom, u l-barkiet meraviljużi li hemm jistennewhom hekk kif jagħmlu ċerti patti sagri u jirċievu l-ordinanzi tul it-triq tal-patt.
Aħna ma nistgħux noqogħdu nistennew li t-tfal tagħna sempliċiment jikkonvertu. Il-konverżjoni aċċidentali mhijiex prinċipju tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Li nsiru bħas-Salvatur tagħna mhux xi ħaġa li ssir b’mod każwali. Li intenzjonalment aħna nħobbu u ngħallmu lil uliedna u naqsmu x-xhieda tagħna magħhom jista’ jgħinhom minn età żgħira jħossu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu hu essenzjali għat-testimonjanza u l-konverżjoni f’Ġesù Kristu ta’ wliedna; aħna nixtiquhom biex “dejjem jiftakru fih, ħalli jkunu jistgħu jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom.”6
Ikkunsidraw il-valur tal-konverżazzjonijiet fil-familja dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, konverżazzjonijiet essenzjali, li jistgħu jistiednu l-Ispirtu. Meta aħna jkollna dawn it-tip ta’ konverżazzjonijiet ma’ wliedna, aħna ngħinuhom joħolqu pedament, “pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jistgħux jikkrollaw.”7 Meta aħna nsaħħu t-tfal, aħna nsaħħu l-familja.
Dawn id-diskussjonijiet importanti jistgħu jwasslu lit-tfal biex:
-
Jifhmu d-duttrina tal-indiema.
-
Ikollhom il-fidi fi Kristu, Iben Alla l-ħaj.
-
Jagħżlu l-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu meta jkollhom tmien snin.8
-
U jitolbu u “jimxu bla ħtija quddiem il-Mulej.”9
Is-Salvatur talabna, “Għalhekk jien nagħtikom kmandament, biex tgħallmu dawn l-affarijiet minn jeddkom lil uliedkom.”10 U xi jridna ngħallmu daqstant minn jeddna?
-
Il- Waqgħa ta’ Adam
-
L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu
-
L-importanza li nitwieldu mill-ġdid11
Il-Presbiteru D. Todd Christofferson qal, “Ċertament l-avversarju jieħu gost meta l-ġenituri jittraskuraw milli jgħallmu u jħarrġu lil uliedhom sabiex ikollhom il-fidi fi Kristu u jerġgħu jitwieldu spiritwalment mill-ġdid.”12
B’kuntrast għal dan, is-Salvatur iridna li ngħinu lit-tfal “jafdaw f’dak l-Ispirtu li jwassalhom biex jagħmlu t-tajjeb.”13 Biex nagħmlu dan, aħna nistgħu nassistu lit-tfal ħalli huma jagħrfu meta jkunu qed iħossu l-Ispirtu kif ukoll liema huma l-affarijiet li jwassalu biex l-Ispirtu ma jibqax magħhom. B’hekk huma jitgħallmu jindmu u jerġgħu lura għad-dawl permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Din l-għajnuna tinkoraġġixxi r-reżiljenza spiritwali.
Aħna nistgħu nieħdu gost ngħinu lil uliedna jibnu r-reżiljenza spiritwali, hi x’inhi l-età tagħhom. Mhemmx għalfejn tkun xi ħaġa ikkumplikata jew li tieħu ħafna ħin. Ċerti konverżazzjonijiet sempliċi u ta’ mħabba jistgħu jwasslu lit-tfal biex ikunu jafu mhux biss x’inhu dak li jemmnu, iżda fuq kollox, għaliex jemmnu dan. Konverżazzjonijiet ta’ mħabba, li jseħħu b’mod naturali u konsistenti, jistgħu jwasslu għal għarfien u tweġibiet aħjar. Ejjew ma nħallux il-konvenjenza tal-apparat elettroniku żżommna milli ngħallmu u nisimgħu lil uliedna u li nħarsu dritt f’għajnejhom.
Opportunitajiet oħra biex ikollna konverżazzjonijiet essenzjali jistgħu jseħħu billi nirreċtaw xi episodju li nkunu esperjenzajna. Il-membri tal-familja jistgħu jirreċtaw xi sitwazzjonijiet ta’ meta ffaċċjaw ċerta tentazzjoni jew pressjoni biex jagħmlu għażla ħażina. Din it-tip ta’ attività tista’ tiffortifika lit-tfal biex ikunu preparati b’sitwazzjonijiet diffiċli. Per eżempju, aħna nistgħu nirreċtaw is-sitwazzjoni u wara niddiskutuha flimkien hekk kif nistaqsu lit-tfal x’jagħmlu:
-
Jekk iħossu t-tentazzjoni li jiksru l-Kelma tal-Għerf.
-
Jekk ikunu esposti għall-pornografija.
-
Jekk iħossu t-tentazzjoni li jigdbu, jisirqu, jew iqarrqu.
-
Jekk jisimgħu xi ħaġa minn xi ħabib jew għalliem fl-iskola li tmur kontra t-twemmin jew il-valuri tagħhom.
Hekk kif huma jirreċtaw din is-sitwazzjoni u jiddiskutuha, minflok ma jinqabdu mhux preparati f’ambjent ostili fost sħahom, it-tfal jistgħu jkunu armati permezz tat-“tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażen.”14
Ħabib personali tagħna tgħallem din il-lezzjoni kruċjali meta hu kien għadu żagħżugħ ta’ 18-il sena. Huwa nkiteb fil-militar tal-Istati Uniti waqt il-kunflitt bejn l-Istati Uniti u l-Vjetnam. Bagħtuh jagħmel taħriġ bażiku fl-infanterija biex isir suldat. Hu spjega li t-taħriġ kien mill-aktar diffiċli. Hu ddeskriva l-għalliem tiegħu bħala bnieden krudili u inuman.
Jum fost l-oħrajn hu u l-iskwadra tiegħu kienu lebsin bl-ilbies komplut għall-battalja, u bdew mexjin fi sħana qawwija. F’daqqa waħda l-għalliem talabhom b’vuċi għolja biex jinxteħtu mal-art u ma jiċċaqalqux. L-għalliem qagħad attent jilmaħx l-iċken mossa. Kwalunkwe moviment kien jirriżulta f’konsegwenzi serji aktar tard. Il-membri tal-iskwadra sofrew għal aktar minn sagħtejn fis-sħana mimlijin rabja u riżentiment lejn il-mexxej tagħhom.
Bosta xhur wara, il-ħabib tagħna spiċċa jmexxi l-iskwadra tiegħu qalb il-ġungla tal-Vjetnam. Issa kienet realtà mhux sempliċiment taħriġ. Diversi tiri bdew jiġu sparati mil-għoli qalb is-siġar ta’ madwarhom. Il-membri kollha tal-iskwadra f’daqqa waħda nxteħtu mal-art.
X’beda jfittex li jara l-għadu? Xi moviment. Kwalunkwe mossa kienet twassal biex jinfetaħ in-nar fuqhom. Sieħbi qal li hekk kif kien mixħut mimli għaraq bla ma jitħarrek mal-art tal-ġungla, jistenna għal sigħat sħaħ li jidlam, beda jirrifletti f’moħħu dwar it-taħriġ bażiku li kellu. Hu ftakar kemm ma kienx jista’ għall-għalliem li kellu. Issa ħass fih gratitudni intensa—għal dak li kien għallmu u l-mod kif kien ippreparah għal din is-sitwazzjoni kritika. L-għalliem tas-suldati b’mod għaqli pprepara lill-ħabib tagħna u l-iskwadra tiegħu bl-abbiltà li jkunu jafu x’għandhom jagħmlu meta l-battalja tiqliel. Huwa, fil-fatt, salva l-ħajja tal-ħabib tagħna.
Kif nistgħu nagħmlu l-istess għal uliedna spiritwalment? Ħafna qabel jidħlu fil-kamp tal-battalja tal-ħajja, aħna kif nistgħu nagħmlu l-almu tagħna biex ngħallmuhom, niffortifikawhom, u nippreparawhom?15 Kif nistgħu nistednuhom biex “ikunu biżżejjed ’il ġewwa”? Ma nippreferux aħna li nħalluhom “jimtlew kollhom għaraq” f’ambjent sigur tat-tagħlim tad-dar milli jċarċru demmhom fil-kamp tal-battalja tal-ħajja?
Hekk kif inħares lura, kien hemm żminijiet meta jien u r-raġel ħassejna li konna qisna l-għalliema tas-suldati fil-ħerqa li kellna biex ngħinu lil uliedna jgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-profeta Ġakobb jidher li ried jgħaddilna dawn l-istess sentimenti meta qal: “Jien ninkwieta ħafna għall-benesseri ta’ ruħkom. Iva, verament anzjuż għalikom; u intom stess tafu li jien minn dejjem hekk kont.”16
Hekk kif it-tfal jitgħallmu u javvanzaw, it-twemmin tagħhom se jiġi sfidat. Iżda hekk kif ikunu armati b’mod xieraq, huma jistgħu jikbru fil-fidi, fil-kuraġġ, u l-kunfidenza, anke qalb oppożizzjoni kbira.
Alma għallimna biex “inħejju moħħ it-tfal.”17 Aħna qed inħejju lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa biex ikunu d-difensuri futuri tal-fidi, biex jifhmu “li huma ħielsa li jaġixxu għalihom infushom—li jagħżlu t-triq tal-mewt ta’ dejjem jew it-triq tal-ħajja eterna.”18 It-tfal jistħoqqilhom li jifhmu din il-verità importanti: żgur li mhux tajjeb li nkunu żbaljati dwar l-eternità.
Jalla l-konverżazzjonijiet sempliċi minkejja li essenzjali tagħna ma’ wliedna jgħinuhom biex bħalissa “igawdu l-kliem tal-ħajja eterna,” ħalli jkunu jistgħu jgawdu “l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss, sewwasew il-glorja immortali.”19
Hekk kif aħna nrawmu u nħejju lil uliedna, aħna nagħtuhom id-dritt għall-volontà tagħhom, aħna nħobbuhom b’qalbna kollha, aħna ngħallmuhom il-kmandamenti ta’ Alla u d-don tiegħu tal-indiema, u qatt u qatt, ma naqtgħu qalbna minnhom. Wara kollox, mhux dan il-mod kif il-Mulej jimxi magħna lkoll?
Ejjew “nibqgħu mexjin ’il quddiem b’sodezza fi Kristu,” fejn nafu li jista’ jkollna “dija perfetta ta’ tama”20 permezz tas-Salvatur tagħna kollu mħabba.
Jiena nixhed li Huwa dejjem it-tweġiba tagħna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.