Konferenza Ġenerali
Alla Fostna
konferenza ġenerali April 2021


Alla Fostna

Alla jinsab fostna—u hu involut personalment f’ħajjitna u jinsab jiggwida b’mod attiv lil uliedu.

Tul iż-żminijiet, Alla tkellem permezz tal-qaddejja tiegħu, il-profeti.1 Dalgħodu, aħna kellna l-privileġġ li nisimgħu lill-profeta ta’ Alla jkellem lid-dinja kollha. Aħna nħobbuk, President Nelson, u nħeġġeġ lil kulħadd ma’ kullimkien biex jistudja u jagħti widen ta’ kliemek.

Qabel jien għalaqt it-12-il sena, il-familja tagħna darbtejn ġejna mġiegħla nitilqu minn darna u nerġgħu nibdew mill-ġdid qalb il-kaos, il-biża’, u l-inċertezza riżultat tal-gwerra u tad-diviżjoni politika. Kien żmien mill-aktar diffiċli għalija, iżda m’hemmx dubju li kien żmien terribbli għall-ġenituri għeżież tiegħi.

Ommi u missieri ppruvaw ma tantx jitfgħu din it-tagħbija fuqna, l-erbat itfal li konna. Huma ġarrew it-tensjoni u t-tbatija bl-aħjar mod li setgħu. M’hemmx dubju li l-biża’ kienet mill-aktar oppressiva, li kkonsmat ħinhom u ħalliethom bla tama.

Dan iż-żmien mudlam ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija ħalla marka fuq id-dinja. Żgur li ħalla marka fuqi.

F’dawk iż-żminijiet, fis-solitudni tal-aktar sigħat diffiċli tiegħi, jiena ġieli għidt lili nnifsi, “Għad baqa’ tama fid-dinja?”

Anġli Fostna

Hekk kif kont qed nixtarr din il-mistoqsija, ġew f’moħħi l-missjunarji Amerikani żgħażagħ tagħna li servew fostna f’dawk is-snin. Huma ħallew warajhom is-sigurtà ta’ darhom fin-naħa l-oħra tad-dinja u ġew il-Ġermanja—il-pajjiż tal-aktar għedewwa riċenti tagħhom—biex joffru tama divina lin-nies tagħna. Huma ġew mhux biex jagħtuna tort, jgħidulna x’għandna nagħmlu, jew jistħuna. Minn jeddhom huma offrew il-ħajja żagħżugħa tagħhom mingħajr xi ħsieb li jiksbu xi ġid materjali, filwaqt li riedu biss li jgħinu lil ħaddieħor isib il-ferħ u l-paċi li huma kienu esperjenzaw.

Għalija, dawn iż-żgħażagħ kienu perfetti. M’hemmx dubju li kellhom id-difetti tagħhom, iżda mhux għalija. Dejjem inħares lejhom bħala nies b’kwalitajiet impressjonanti—anġli tad-dawl u l-glorja, ministri tal-kompassjoni, tat-tjubija, u l-verità.

Filwaqt li d-dinja kienet qed tegħreq fiċ-ċiniżmu, fl-imrar, fil-mibegħda, u fil-biża’, l-eżempju u t-tagħlim ta’ dawn iż-żgħażagħ imlieni bit-tama. Il-messaġġ tal-evanġelju li huma offrew kien imur lil hinn mill-politika, mill-istorja, mill-mibegħda, mill-ilmenti, u l-aġendi personali. Offrielna tweġibiet divini għal mistoqsijiet importanti li kellna waqt dawn iż-żminijiet diffiċli.

Il-messaġġ kien li Alla jgħix u jimpurtah minna, anke f’dan iż-żmien ta’ inkwiet, konfużjoni, u taħwid. Li Hu fil-fatt deher fi żmienna biex jirrestawra l-verità u d-dawl—l-evanġelju tiegħu u l-Knisja tiegħu. Li hu reġa’ qed ikellem lill-profeti; li Alla jinsab fostna—u li Hu involut personalment f’ħajjitna u jiggwida b’mod attiv lil uliedu.

Hi ħaġa tal-għaġeb x’nistgħu nitgħallmu meta nħarsu aktar mill-viċin lejn il-pjan ta’ salvazzjoni u eżaltazzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet, il-pjan ta’ ferħ, għal uliedu. Meta nħossuna insinifikanti, imwarrbin, jew minsijin, aħna nitgħallmu li nistgħu nserrħu rasna li Alla żgur ma nesiniex—fil-fatt, li Hu offra lil uliedu kollha xi ħaġa inimmaġinabbli: li nsiru “werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu.”2

Dan xi jfisser?

Li aħna ngħixu għal dejjem, nirċievu milja ta’ ferħ,3 u jkollna l-potenzjal li “nirtu tronijiet, saltniet, prinċipalitajiet, u qawwiet”.4

X’umiltà għandna nħossu minħabba l-għarfien li dan il-futur meraviljuż u divin huwa possibbli—mhux minħabba aħna min aħna iżda minħabba dak li hu Alla.

B’dan l-għarfien, kif qatt nistgħu ngergru jew nibqgħu bil-geddum? Kif qatt nistgħu nżommu ħarsitna ’l isfel meta s-Sultan tas-slaten qed jistedinna biex nibqgħu tilgħin lejn futur inimmaġinabbli ta’ ferħ divin?5

Is-Salvazzjoni Fostna

Minħabba l-imħabba perfetta ta’ Alla għalina u s-sagrifiċċju etern ta’ Ġesù Kristu, dnubietna—kemm jekk kbar jew żgħar—jistgħu jinħafru u jintesew għal dejjem .6 Aħna nistgħu nieqfu safja, denji, u mqaddsa quddiemu.

Inħoss qalbi mimlija gratitudni lejn Missieri fis-Smewwiet. Jien nirrealizza li Hu ma jippermettix li wliedu jiżbaljaw f’din il-ħajja mortali mingħajr it-tama għal futur sabiħ u etern. Huwa pprovdielna struzzjonijiet li juruna kif nistgħu nerġgħu lura għandu. U fiċ-ċentru ta’ dan kollu hemm l-Iben il-Maħbub Tiegħu, Ġesù Kristu,7 u s-sagrifiċċju tiegħu għalina.

L-Espjazzjoni infinita tas-Salvatur tibdel kompletament il-mod kif inħarsu lejn il-ħtija u l-imperfezzjoni tagħna. Minflok ma nibqgħu ankrati magħhom u nħossuna irredemibbli jew bla tama, aħna nistgħu nitgħallmu minnhom u nimtlew fit-tama.8 Ir-rigal li jnaddafna tal-indiema jagħtina ċ-ċans li ninħelsu minn dnubietna u nsiru ħlejjaq ġodda.9

Grazzi għal Ġesù Kristu, il-falliment tagħna m’għandux għalfejn ikun dak li jiddefinixxina. Iżda jista’ jirraffinana.

Bħal mużiċist jipprattika l-iskali, aħna nistgħu nħarsu lejn il-passi żbaljati, id-dgħjufijiet, u d-dnubiet tagħna bħala opportunitajiet ħalli nkunu aktar konxji tagħna nfusna, ikollna mħabba akbar u aktar profonda għal ħaddieħor, u nirraffinaw ruħna permezz tal-indiema.

Jekk nindmu, l-iżbalji ma jiskwalifikawniex. Huma parti mill-progress tagħna.

Aħna lkoll għadna tfal żgħar imqabblin mal-esseri ta’ glorja u grandjożità li maħluqin biex insiru. L-ebda bniedem ma jieqaf jitkaxar biex jgħaddi biex jimxi, u fl-aħħar biex jiġri mingħajr ma jitfixkel spiss, jaqa’, u jitbenġel. Aħna hekk nitgħallmu.

Jekk aħna nkomplu nipprattikaw bil-ħerqa, dejjem nagħmlu li nistgħu biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla, u nikkommettu ruħna li nindmu, nibqgħu nissaportu, u napplikaw dak li nitgħallmu, linja wara linja, aħna niksbu aktar dawl ġewwa ruħna.10 U minkejja li bħalissa nafu ma nagħrfux għal kollox il-potenzjal sħiħ tagħna, “aħna nkunu nafu, li meta jżurna s-Salvatur,” aħna nkunu nistgħu naraw wiċċu quddiemna, u “narawh kif inhu.”11

X’wegħda glorjuża!

Iva, id-dinja tinsab f’inkwiet kbir. U iva, aħna nies dgħajfin. Iżda m’hemmx għalfejn ngħaddsu rasna ’l isfel f’disperazzjoni, għax nistgħu nafdaw f’Alla, nistgħu nafdaw f’Ibnu, Ġesù Kristu, u nistgħu naċċettaw ir-rigal tal-Ispirtu li jiggwidana f’din it-triq lejn ħajja mimlija ferħ u hena divina.12

Ġesù Fostna

Jien spiss ngħid lili nnifsi, X’kien jgħallem u jagħmel Ġesù kieku kien fostna llum?

Wara l-Qawmien mill-Imwiet, Ġesù Kristu ġab fis-seħħ il-wegħda tiegħu li jżur lin-“nagħaġ oħra” tiegħu.13

Il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu jitkellem dwar din id-dehra fost il-poplu fil-kontinent Amerikan. Aħna għandna dawn l-annali prezzjużi bħala xhieda tanġibbli tal-ħidma tas-Salvatur.

In-nies tal-Ktieb ta’ Mormon kienu jgħixu fin-naħa l-oħra tad-dinja—l-istejjer, il-kulturi, u s-sitwazzjoni politika tagħhom kienu għal kollox diversi min-nies li Ġesù għallem waqt il-ministeru mortali tiegħu. Madankollu Hu għallimhom l-istess affarijiet li għallem fl-Art Imqaddsa.

Għalfejn Hu għamel dan?

Is-Salvatur dejjem jgħallem veritajiet eterni. Huma japplikaw għal nies ta’ kull żmien u f’kwalunkwe ċirkustanza.

Il-messaġġ tiegħu kien u għadu messaġġ ta’ tama u appartenenza—testimonjanza li Alla Missierna fis-Smewwiet lil uliedu ma abbandunahomx.

Li Alla jinsab fostna!

Mitejn sena ilu, is-Salvatur reġa’ lura f’din id-dinja. Flimkien ma’ Alla l-Missier, Huwa deher lil Joseph Smith, tfajjel ta’ 14-il sena, u ta bidu għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Minn dak il-jum ’il quddiem, is-smewwiet infetħu, u messaġġiera mis-smewwiet niżlu fostna mis-swali ta’ glorja immortali. Dawl u għarfien mit-tron ċelestjali niżel fuq id-dinja.

Il-Mulej Ġesù Kristu kellem lid-dinja għal darb’oħra.

Huwa x’qal?

Hi barka kbira għalina li ħafna minn kliemu jinsab dokumentat fid-Duttrina u Patti—disponibbli għal kull min fid-dinja jixtieq jaqrah u jistudjah. Kemm hu imprezzabbli dan il-kliem għalina llum!

U m’għandniex nissorprendu ruħna li naraw li s-Salvatur qed jerġa’ jgħallem il-messaġġ ewlieni tal-evanġelju tiegħu: “Intom għandkom tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, b’qalbkom kollha, b’saħħitkom kollha, b’moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha; u għandkom taqduh f’isem Ġesù Kristu.”14 Hu jispirana biex infittxu lil Alla15 u ngħixu skont it-tagħlim li Huwa żvela lill-qaddejja tiegħu, il-profeti.16

Hu jgħallimna biex inħobbu lil xulxin17 u nkunu “mimlija karità lejn il-bnedmin kollha.”18

Hu jistedinna biex aħna nkunu jdejh, li mmorru nagħmlu t-tajjeb.19 “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem … imma bl-għemil u bis-sewwa.”20

Huwa talabna biex nagħtu widen għall-istedina importanti tiegħu: li nħobbu u nistiednu lil ħaddieħor u nxandru ma’ kulħadd l-evanġelju tiegħu u l-Knisja tiegħu.21

Hu jitlobna biex nibnu tempji mqaddsa u li mmorru u nservu fihom.22

Hu jgħallimna biex insiru dixxipli tiegħu—li qalbna m’għandniex tixxennaq għal xi qawwa, ġid, approvazzjoni, jew pożizzjoni personali. Hu jgħallimna biex “inwarrbu fil-ġenb il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u nfittxu ħwejjeġ li jappartjenu għal dinja aħjar.”23

Hu jitlobna sabiex infittxu l-ferħ, id-dawl, il-paċi, il-verità, u l-hena,24 u l-wegħda tal-immortalità u l-ħajja eterna.25

Ejjew immorru pass ieħor. Ejjew ngħidu li llum Ġesù jiġi jżur il-qasam, il-fergħa, jew id-dar tagħkom. X’ taħsbu dwar dan?

Hu jħares dritt f’qalbkom. Id-dehra minn barra ma tibqax aktar importanti. Hu jsir jafkom kif intom verament. Hu jsir jaf ix-xewqat ta’ qalbkom.

Lil min hu umli u ta’ qalb ħelwa Huwa jerfa’ ’l fuq.

Lill-morda huwa jfejjaq.

Lil min għandu d-dubju jimlieh bil-fidi u l-kuraġġ biex jemmen.

Huwa jgħallimna biex niftħu qlubna għal Alla u nilħqu lil ħaddieħor.

Huwa jagħraf u jonora l-onestà, l-umiltà, l-integrità, il-fedeltà, il-kompassjoni, u l-karità.

Ħarsa waħda f’għajnejh u aħna ma nibqgħux li nkunu. Aħna ninbidlu għal dejjem. Niġu ttrasformati bl-għarfien profond li, verament, Alla jinsab fostna.

X’Għandna Nagħmlu?26

Inħares lura b’sens ta’ tjubija lejn iż-żagħżugħ li jiena kont fiż-żogħżija tiegħi. Jekk nista’ nerġa’ lura fiż-żmien, nipprova nfarrġu u ngħidlu biex jibqa’ għaddej fit-triq it-tajba u jkompli jfittex. U nitolbu biex jistieden lil Ġesù Kristu f’ħajtu, għax Alla jinsab fostna!

Lilkom, għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, u lil dawk kollha li qed tfittxu risposta għall-mistoqsijiet tagħkom, u tfittxu l-verità, u l-ferħ, jien nagħtikom l-istess parir: komplu fittxu bil-fidi u l-paċenzja.27

Staqsu, u tirċievu. Ħabbtu, u jiftħulkom.28 Afdaw fil-Mulej.29

Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum hu l-kompitu kbir u l-opportunità imbierka tagħna li nsiru nafu lil Alla.

Hekk kif inpoġġu fil-ġenb is-sens ta’ kburija tagħna u nersqu lejn it-tron tiegħu b’qalb niedma u spirtu sogħbien,30 Huwa jersaq lejna.31

Hekk kif infittxu li nimxu wara Ġesù Kristu u nimxu fit-triq tad-dixxipulat, linja wara linja, għad jasal il-jum li aħna nesperjenzaw dak ir-rigal inimmaġinabbli li nirċievu l-milja ta’ ferħ.

Għeżież ħbieb tiegħi, Missierkom fis-Smewwiet iħobbkom b’imħabba perfetta. Huwa ta prova ta’ mħabbtu b’diversi modi, iżda fuq kollox billi offra lill-Iben Waħdieni tiegħu bħala sagrifiċċju u bħala rigal lil uliedu biex ir-ritorn tagħhom għand il-ġenituri tagħhom tas-smewwiet isir realtà.

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li Missierna fis-Smewwiet jgħix, li Ġesù Kristu jmexxi l-Knisja tiegħu, li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta tiegħu.

Nagħtikom l-imħabba u l-barka tiegħi f’dan iż-żmien ferrieħi tal-Għid. Iftħu qalbkom għas-Salvatur u l-Feddej tagħna, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi, l-isfidi, it-tbatijiet, jew l-iżbalji tagħkom; intom tistgħu tkunu tafu li Hu jgħix, li Hu jħobbkom, u grazzi għalih, intom qatt mhu se tkunu weħidkom.

Alla jinsab fostna

Ta’ dan jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.