Konferenza Ġenerali
Alla Jħobb lil Uliedu
konferenza ġenerali April 2021


Alla Jħobb lil Uliedu

Nixtieq naqsam magħkom tliet modi speċifiċi kif Missierna fis-Smewwiet juri mħabbtu lejna, li aħna wliedu.

Ħuti, jiena nifraħ magħkom fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jiena nwasslilkom l-imħabba tal-membri reżiljenti fil-Filippini u ngħidilkom, f’isimhom, Mabuhay!

F’din l-għodwa tal-Għid, jiena nixhed dwar Kristu l-ħaj, li Hu qam mill-mewt u li mħabbtu għalina u għal Missierna fis-Smewwiet hi safja u eterna. Illum, jien nixtieq niffoka fuq l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għalina lkoll, li nistgħu narawha permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġwanni 3:16).

Meta l-profeta Nefi ġie mistoqsi minn anġlu dwar x’kien jaf dwar Alla, Nefi sempliċiment wieġeb, “Jiena naf li hu jħobb lil uliedu” (ara 1 Nephi 11:16–17).

Vers li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu jiddeskrivi b’qawwa l-imħabba perfetta tas-Salvatur: “U n-nies tad-dinja, minħabba l-ħażen tagħhom, sa jiġġudikawh qisu mhu xejn; … isawtuh bil-frosta, … jagħtuh bil-ħarta, … jobżqulu, u hu joqgħod għaliha, minħabba t-tjubija u l-imħabba tiegħu u s-sabar tiegħu lejn ulied il-bnedmin” (1 Nephi 19:9). L-imħabba universali tas-Salvatur hija l-forza motivanti f’dak kollu li Hu jagħmel. Aħna nafu li hi dik l-istess imħabba li Missierna fis-Smewwiet għandu għalina, għaliex is-Salvatur għallem b’umiltà li Hu u l-Missier “ħaġa waħda” (ara Ġwanni 10:30; 17:20–23).

Kif, mela, nistgħu nirreċiprokaw u nuru l-gratitudni tagħna għall-imħabba universali tagħhom? Is-Salvatur għallimna permezz ta’ din l-istedina sempliċi u universali: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġwanni 14:15).

Il-President Dallin H. Oaks għallem, “L-imħabba universali u perfetta ta’ Alla narawha fil-barkiet kollha tal-pjan tal-evanġelju tiegħu, inkluż il-fatt li l-akbar barkiet tiegħu huma riservati għal dawk li jobdu l-liġijiet tiegħu.”1

Nixtieq naqsam magħkom tliet modi speċifiċi kif Missierna fis-Smewwiet juri mħabbtu lejna, li aħna wliedu.

L-Ewwel, ir-Relazzjonijiet ma’ Alla u mal-Familja Huma Turija ta’ Mħabbtu

L-aktar relazzjonijiet prezzjużi tagħna huma dawk li għandna mal-Missier u mal-Iben u mal-istess familji tagħna, għaliex ir-rabta li għandna magħhom hi waħda eterna. Il-pjan kbir ta’ ferħ hu turija meraviljuża tal-imħabba ta’ Alla għalina. B’għajnejna fissi fuq il-pjan ta’ Alla, aħna nagħżlu minn jeddna li nneħħu minn taħt saqajna l-ħamrija u ż-żrar li jissapportjaw ix-xewqat egoisti tagħna u nieqfu minflok fuq pedamenti li fuqhom nibnu relazzjonijiet eterni. F’ċertu sens, dan nistgħu nsejħulu “skavar spiritwali.” Biex inwettqu l-iskavar spiritwali, jeħtieġ li l-ewwel infittxu lil Alla u nsejħulu (ara Ġeremija 29:12–13).

Li nfittxuh u nsejħulu huwa l-bidu tal-proċess u jipprovdilna spazju fejn nibnu u nsaħħu r-relazzjonijiet eterni tagħna. Dan ikabbar il-panorama spiritwali tagħna u jgħinna niffokaw fuq it-tibdil li nistgħu nikkontrollaw, minflok fuq il-biżgħat li m’għandniex kontroll fuqhom. Li nistudjaw il-ħajja u l-ministeru tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, iwassalna biex inħarsu lejn l-affarijiet l-oħra li jkunu qed jinkwetawna minn perspettiva eterna.

Id-distrazzjoni kultant tista’ żżommna milli nesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla fir-relazzjonijiet u l-attivitajiet tal-familja tagħna. Waħda omm, li bdiet tħoss li ċerti gadgets bdew ifixklu r-relazzjonijiet fil-familja tagħha, ħarġet b’soluzzjoni. Waqt l-ikla tal-familja u f’ħinijiet oħra mal-familja, hija tgħid, “Neħħu l-mowbajls; issa ħin il-‘face time’.” Hi tgħid li din saret ħaġa normali fil-familja tagħhom u wasslet biex issaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom bħala familja meta jesperjenzaw il-‘face time’ flimkien, fil-veru sens tal-kelma. Issa huma jgawdu diskussjonijiet ta’ kwalità dwar Come, Follow Me flimkien bħala familja.

It-Tieni, Hu Juri Mħabbtu lejn Uliedu billi Jsejjaħ lill-Profeti

Id-dinja kurrenti tagħna tinsab mgħarrqa fi “gwerra ta’ kliem u konfużjoni ta’ opinjonijiet” (Joseph Smith—History 1:10). Pawlu jfakkarna li “hemm … bosta ilħna fid-dinja” (1 Korintin 14:10). Liema fost l-ilħna kollha jinstama’ l-aktar ċar u l-aktar sinifikanti? Huwa l-leħen tal-profeti, tal-veġġenti, u tar-rivelaturi ta’ Alla.

Niftakar b’mod ċar li, wara li kont għamilt operazzjoni fl-2018 u erġajt lura għax-xogħol, kont qiegħed fil-garaxx tal-parkeġġ tal-kwartieri ewlenin tal-Knisja. F’daqqa waħda, smajt leħen il-President Russell M. Nelson isejjaħli, “Taniela, Taniela.” Jien ġrejt għal ħdejh, u hu staqsieni kif jien.

Jien għidtlu, “Qed nirkupra sew, President Nelson.”

Hu tani parir u tgħannieqa. Jien ħassejt verament il-ministeru personali ta’ profeta lill-“wieħed.”

Il-President Nelson żar bosta pajjiżi fid-dinja. F’moħħi, hu mhux sempliċiment jimministra lill-eluf, iżda hu qed jimministra lil eluf ta’ “waħdiet.” Waqt li jagħmel dan, hu qed jaqsam magħhom l-imħabba li Alla għandu lejn uliedu kollha.

M’ilux, kliem il-President Nelson kien sors ta’ qawwa u ispirazzjoni għan-nies tal-Filippini. Bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja, fis-sena 2020 il-Filippini ġie milqut bil-kbir mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll intlaqat minn vulkan li żbroffa, terrimoti, tifuni mill-aktar b’saħħithom, kif ukoll għargħar devastanti.

Iżda, bħal kolonna ta’ dawl tiddi qalb is-sħab mudlam tal-biża’, tas-solitudni, u tad-disperazzjoni feġġ il-kliem tal-profeta. Kien jinkludi s-sejħa għas-sawm u t-talb kif ukoll il-parir li nibqgħu mexjin ’il quddiem minkejja l-pandemija. Hu stedinna biex nagħmlu minn djarna santwarji personali ta’ fidi. Hu sejjaħ lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kollha biex nirrispettaw lill-ulied kollha ta’ Alla u nħallu lil Alla jiddomina ħajjitna.2

Ta’ ispirazzjoni wkoll kienu t-testimonjanza riċenti tal-President Nelson permezz tal-vidjo dwar il-qawwa tal-gratitudni, u t-talba tal-għeluq tiegħu li laqtu bosta nies madwar il-Filippini.3 Fil-provinċja ta’ Leyte, il-vidjo ġie muri waqt avveniment għal nies ta’ twemmin differenti, u ssemma wkoll f’omelija li għamel qassis ta’ denominazzjoni differenti. Il-Filippini, flimkien mad-dinja kollha, huma verament imberkin li jistgħu jħossu l-imħabba ta’ Alla permezz tal-kliem tal-profeta magħżul tiegħu.

It-Tielet, it-Twiddib Jista’ Jkun Turija tal-Imħabba ta’ Alla Lejn Uliedu

Xi kultant Alla juri mħabbtu billi jwiddibna. Hu mod kif Hu jfakkarna li jħobbna u li jaf min aħna. Il-barka mwiegħda tiegħu ta’ paċi hi għal dawk kollha li jimxu b’kuraġġ fit-triq tal-patt tiegħu u li huma lesti jirċievu l-korrezzjoni.

Meta aħna nagħrfu t-twiddib u nkunu lesti nilqgħuh, dan isir għalina bħal operazzjoni spiritwali. Hawn xi ħadd iħobb jgħaddi minn xi operazzjoni? Iżda dawk li għandhom bżonnha u huma lesti li jgħaddu minnha, taf issalvalhom ħajjithom. Il-Mulej iwiddeb lil dawk li jħobb. Hekk tgħidilna l-iskrittura (ara Lhud 12:5–11; Helaman 12:3; Doctrine and Covenants 1:27; 95:1). Dik it-twiddiba, jew l-operazzjoni spiritwali, iġġibilna l-bidla meħtieġa f’ħajjitna. Aħna nirrealizzaw, ħuti, li hi twassal biex tirfina u ssaffi l-ġewwieni tagħna.

Joseph Smith, il-Profeta tar-Restawrazzjoni, kien ġie mwiddeb. Wara Joseph tilef il-116-il paġna tal-manuskritt tal-Ktieb ta’ Mormon, il-Mulej ikkoreġieh kif ukoll wera mħabbtu lejh billi qallu: “Int ma missekx bżajt aktar mill-bniedem milli minn Alla. … Missek kont aktar fidil. … Ara, inti Joseph, u int ġejt magħżul. … Ftakar, Alla hu ħanin; għalhekk, indem” (Doctrine and Covenants 3:7–10).

Fl-2016, waqt li kont qed inservi missjoni ġewwa Little Rock, Arkansas, jien staqsejt lil Brother Cava biex iwassalli pakkett għand oħti l-kbira, li kienet toqgħod fi gżira fil-Fiji. It-tweġiba tiegħu ma kenitx xi ħaġa li kont qed nistenna. “President Wakolo,” qalli ftit imħawwad, “oħtok mietet u ndifnet 10 ijiem ilu.” Jiena bdejt nitħassar lili nnifsi u saħansitra ħassejtni ftit irrabjat li l-familja tiegħi lanqas biss indenjaw ruħhom jgħiduli.

L-għada, waqt li marti kienet qed tgħallem lill-missjunarji, dan il-ħsieb ħassejtu jippenetra ruħi: “Taniela, dawn l-esperjenzi kollha huma għall-aħjar tiegħek biex tiżviluppa aktar. Inti ilek tgħallem u taqsam it-testimonjanza tiegħek dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu; issa għix skont dik it-testimonjanza.” Jien ġejt imfakkar li “hieni tassew il-bniedem li Alla jwiddbu: ma nistmerrux, mela … il-kastig mingħand is-Setgħan” (Ġob 5:17). Għalija din kienet operazzjoni spiritwali, u r-riżultat tagħha deher b’mod immedjat.

Hekk kif jien kont qed nikkontempla dwar din l-esperjenza, jien ġejt imsejjaħ biex ngħid il-ħsibijiet tiegħi ta’ tmiem id-diskussjoni. Fost affarijiet oħra, jiena qsamt magħhom il-lezzjonijiet li kont għadni kif tgħallimt: l-ewwel, li jien kont għadni kif ġejt imwiddeb mill-Ispirtu s-Santu u kont ferħan b’dan għaliex jien kont l-unika wieħed li smajt dak it-twiddib; it-tieni, minħabba s-sagrifiċċju u l-prezz li ħallas is-Salvatur, jien mhux se nirreferi aktar għall-isfidi tiegħi bħala tbatija u għawġ, iżda bħala esperjenzi ta’ tagħlim; u t-tielet, minħabba l-ħajja perfetta u mingħajr dnub ta’ Kristu jien mhux se nirreferi aktar għan-nuqqasijiet tiegħi u n-nuqqas ta’ abbiltajiet tiegħi bħala dgħjufijiet iżda pjuttost bħala opportunitajiet ta’ żvilupp tiegħi. Din l-esperjenza għenitni nkun naf li Alla jwiddibna għaliex iħobbna.

Issa se nikkonkludi. Il-Missier Etern tagħna u Ibnu, Ġesù Kristu, juru mħabbithom billi jagħmluha possibbli għalina li jkollna relazzjonijiet eterni magħhom u mal-membri tal-familja tagħna, billi jsejjaħ profeti ta’ żmienna biex jgħallmuna u jimministrawlna, u jwiddbuna biex jgħinuna nitgħallmu u nikbru. “Nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal inkomparabbli ta’ Ibnu d-divin,”4 il-Mulej tagħna mqajjem mill-imwiet, l-istess Kristu l-ħaj. F’isem Ġesù Kristu, amen.