Intom Tistgħu Tiġbru Flimkien lil Iżrael!
Jien assolutament ċert li intom iż-żgħażagħ tistgħu tagħmlu dan minħabba xi ħaġa li tirrigwarda l-identità tagħkom u qawwa enormi li tinsab fikom.
Għaddew kważi tliet snin minn meta l-President Russell M. Nelson stieden liż-żgħażagħ kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien “biex jinkitbu fil-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej ħalli jgħinu jiġbru flimkien lil Iżrael” fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Huwa qal, “Din il-ġabra hija l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja.”1 Jien assolutament ċert li intom iż-żgħażagħ tistgħu tagħmlu dan—u b’mod verament tajjeb—minħabba (1) xi ħaġa li tirrigwarda l-identità tagħkom u (2) qawwa enormi li tinsab fikom.
Wieħed u erbgħin sena ilu, żewġ missjunarji mill-Knisja tagħna ħassew li kellhom imorru jħabbtu l-bieb ta’ dar fi New Jersey fl-Istati Uniti. Maż-żmien, b’mod mirakoluż, iż-żewġ ġenituri u l-10 itfal tagħhom kollha spiċċaw tgħammdu. Fi kliem il-profeta, huma “ħallew lil Alla jiddomina”2 f’ħajjithom. Jew aħjar “f’ħajjitna.” Jien kont it-tielet wieħed fost it-tfal. Kelli 17-il sena meta ddeċidejt li nagħmel patt permanenti li nimxi wara Ġesù Kristu. Iżda tafu x’iddeċidejt ukoll? Li ma nservix missjoni full-time. Kien se jkun wisq għalija. U ħadd ma stenna dan minni, hux hekk? Jien kont għadni membru ġdid tal-Knisja. Ma kellix flus. Barra minn hekk, minkejja li kont għadni kif iggradwajt mill-aktar skola sekondarja diffiċli fil-Punent ta’ Philadelphia u fejn iffaċċjajt ċerti sfidi perikolużi, bla ma jaf ħadd jien kont verament imbeżża’ li nitlaq għal sentejn mid-dar.
L-Identità Vera Tagħkom
Iżda kont għadni kif tgħallimt li jien u l-umanità kollha konna ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet bħala l-ulied spirtu tiegħu qabel twelidna. Kien hemm bżonn li oħrajn ikunu jafu bħali li Hu kien jixtieq li wliedu kollha jgawdu l-ħajja eterna miegħu. Għalhekk, qabel il-bniedem ġie f’din id-dinja, Huwa ppreżentalna lkoll il-pjan perfett tiegħu ta’ salvazzjoni u ferħ, b’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna. Traġikament, Satana oppona l-pjan ta’ Alla.3 Skont il-ktieb tal-Apokalissi, “qamet gwerra fis-sema”!4 B’mod makkakk Satana qarraq b’terz tal-ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet li ħallew lilu jiddomina minflok lil Alla.5 Iżda mhux intom! L-Appostlu Ġwanni ra illi intom għelibtu lil Satana “permezz tal-kelma tat-testimonjanza tagħkom.”6
L-għarfien li ksibt dwar l-identità vera tiegħi, megħjun mill-barka patrijarkali tiegħi, tani l-kuraġġ u l-fidi li naċċetta l-istedina tal-President Spencer W. Kimball li ngħin fil-ġabra ta’ Iżrael.7 L-istess nista’ ngħid għalikom, għeżież ħbieb tiegħi. L-għarfien li għandkom li qabel intom kontu għelibtu lil Satana permezz tal-kelma tat-testimonjanza tagħkom jgħinkom tħobbu, taqsmu, u tistiednu8 issa u dejjem—li tistiednu lil ħaddieħor biex jiġi u jara, jiġi u jgħin, u jiġi u jappartjeni, hekk kif dik l-istess gwerra għall-erwieħ ta’ wlied Alla għadha għaddejja.
Il-Fidi Qawwija li hemm Fikom
Xi ngħidu dwar il-qawwa enormi li hemm fikom? Aħsbu ftit dwar dan: intom għajjattu bil-ferħ9 li kontu se tiġu f’dinja mitlufa fejn ilkoll kellna niffaċċjaw il-mewt fiżika u spiritwali. Aħna ma konniex se nkunu nistgħu negħlbu l-ebda waħda minnhom weħidna. Aħna mhux biss konna se nbatu minħabba dnubietna iżda wkoll minħabba dnubiet ħaddieħor. L-umanità kienet se tesperjenza virtwalment kull tip immaġinabbli ta’ fraġilità u diżappunt10—dan kollu filwaqt li velu jgħattilna l-memorja ta’ moħħna u l-akbar għadu tad-dinja jkompli jaqbad magħna u jġarrabna. It-tama kollha li nerġgħu lura mqajmin mill-imwiet u ndaf fil-preżenza mqaddsa ta’ Alla kienet tiddependi kompletament fuq Esseru wieħed li jżomm il-wegħda tiegħu.11
X’kienet il-qawwa li wasslitkom biex xorta waħda aċċettajtu li tiġu fid-dinja? Il-President Henry B. Eyring għallem, “Kien jeħtieġ li jkollkom fidi f’Ġesù Kristu biex issostnu l-pjan ta’ ferħ u l-irwol ta’ Ġesù Kristu f’dan il-pjan meta ftit li xejn kontu tafu dwar l-isfidi li kontu se tiffaċċjaw fil-mortalità.”12 Meta Ġesù Kristu wiegħed li kien se jiġi fil-mortalità u jagħti ħajtu biex jiġborna flimkien13 u jsalvana lkoll, intom mhux biss emmintuh. Intom “l-ispirti nobbli”14 kellkom “fidi mill-aktar kbira” li kontu ċerti mill-wegħda tiegħu.15 Hu ma setax jigdeb, għalhekk intom rajtuh bħallikieku diġà kien xerred demmu għalikom, żmien twil qabel twieled.16
Skont il-kliem simboliku ta’ Ġwanni, intom “għelibtu lil Satana permezz ta’ demm il-Ħaruf.”17 Il-President Dallin H. Oaks għallem li f’dik id-dinja “intom rajtu t-tmiem mill-bidu.”18
Immaġinaw li xi darba qabel titilqu għall-iskola xi ħadd mill-ġenituri tagħkom jagħmel wegħda vera li intom jista’ jkollkom l-aktar ikel favorit tagħkom meta terġgħu lura d-dar! Tħossukom verament ferħanin! Waqt li tkunu l-iskola intom timmaġinawkom qed tieklu dak l-ikel, u bħallikieku diġà doqtuh. Naturalment, intom taqsmu din l-aħbar tajba ma’ ħaddieħor. Li qed tfittxu li tmorru lura d-dar jimliekom b’tant ferħ li t-testijiet u l-isfidi tal-iskola jkunu jidhru ħfief. Xejn ma jista’ jisirqilkom il-ferħ li tħossu jew li jwassalkom biex tiddubitaw għax il-wegħda hi verament waħda ċerta! Bl-istess mod, qabel ma intom “l-ispirti nobbli” twelidtu, intom tgħallimtu biex tħarsu lejn il-wegħdiet ta’ Kristu b’dan il-mod ċert, u intom doqtu mis-salvazzjoni tiegħu.19 Il-fidi kbira tagħkom hi bħal muskoli li jsiru aktar b’saħħithom u akbar aktar ma tħaddmuhom, iżda huma diġà jinsabu f’ġisimkom.
Kif tistgħu tqajmu l-fidi ġganteska tagħkom fi Kristu u tużawha biex issa tiġbru flimkien lil Iżrael u terġgħu tirbħu lil Satana? Billi llum terġgħu titgħallmu tħarsu ’l quddiem u bl-istess ċertezza lejn il-wegħda tal-Mulej li jiġborna flimkien u jsalvana. Hu normalment juża l-Ktieb ta’ Mormon u lill-profeti tiegħu biex jgħallimna kif. Żmien twil qabel Kristu, “il-profeti, u … l-qassisin, u … l-għalliema Nefiti … ipperswadew lin-nies biex iħarsu ’l quddiem lejn il-Messija, u jemmnu fih li għandu jiġi daqslikieku diġà ġie.”20 Il-profeta Abinadi għallem, “U issa jekk Kristu ma ġiex fid-dinja, nitkellmu dwar l-affarijiet li għad iridu jseħħu daqslikieku diġà seħħew, ma kien ikun hawn l-ebda fidwa.”21 Bħal Alma, Abinadi “ħares ’il quddiem b’għajn ta’ fidi”22 u ra l-wegħda ċerta tas-salvazzjoni ta’ Alla bħallikieku diġà ġiet fis-seħħ. Huma “għelbu lil Satana permezz ta’ demm il-Ħaruf u … l-kelma tat-testimonjanza tagħhom” żmien twil qabel twieled Kristu, kif għamiltu intom. U l-Mulej tahom il-qawwa li jistiednu u jiġbru flimkien lil Iżrael. Hu se jagħmel l-istess għalikom hekk kif tħarsu ’l quddiem b’fidi, taraw lil Iżrael jinġabar flimkien—globalment u fl-istess “ċrieki” tagħkom23—u tistiednu lil kulħadd!
Mijiet ta’ missjunarji komplew jibnu fuq il-fidi primortali mill-aktar b’saħħitha tagħhom fi Kristu billi mmaġinaw lil dawk li ġew f’kuntatt magħhom jew li huma għallmu libsin l-ilbies tal-magħmudija u tat-tempju. F’diskors li jġib l-isem “Nibdew bl-Għan Aħħari f’Moħħna,”24 il-President Nelson tkellem dwar eżempju personali kif nistgħu nagħmlu dan u talab lill-mexxejja tal-missjoni biex jgħallmu lill-missjunarji jagħmlu l-istess. L-għarfien tagħhom li huma eżerċitaw din il-fidi kbira f’Ġesù Kristu fid-dinja primortali għen immens biex l-għeżież missjunarji tagħna “jisimgħuh”25 u jattivaw il-fidi enormi tagħhom li jiġbru flimkien lil Iżrael kif wiegħed il-Mulej.
Bla dubju, li timmaġina l-gideb idgħajjef il-fidi.26 Ħbieb tiegħi, li intenzjonalment timmaġinaw jew tħarsu lejn affarijiet li huma f’kunflitt ma’ dak li intom verament, speċjalment il-pornografija, iwassal biex il-fidi tagħkom fi Kristu tiddgħajjef u mingħajr indiema tistgħu teqirduha. Jekk jogħġobkom użaw l-immaġinazzjoni tagħkom biex tkabbru l-fidi fi Kristu, mhux biex teqirduha.
Il-Programm Tfal u Żgħażagħ
Il-programm Tfal u Żgħażagħ hu għodda profetika biex tgħin lilkom iż-żgħażagħ issaħħu l-fidi kbira tagħkom. Il-President Oaks għallem, “Dan il-programm hu mfassal biex jgħinkom issiru aktar bħas-Salvatur f’erba’ oqsma: spiritwali, soċjali, fiżiċi, u intelletwali.”27 Hekk kif intom iż-żgħażagħ tmexxu—tmexxu—lill-ħaddieħor fl-evanġelju, tieħdu ħsieb ħaddieħor, tistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju, u torganizzaw attivitajiet divertenti,28 il-fidi kbira fi Kristu li kellkom fil-ħajja primortali terġa’ tfeġġ u tqawwikom biex twettqu l-ħidma tiegħu f’din il-ħajja!
Barra minn hekk, l-għanijiet personali, “speċjalment l-għanijiet għall-immedjat,”29 jgħinukom terġgħu tqajmu mill-ġdid il-fidi b’saħħitha tagħkom. Meta intom tfasslu għan tajjeb, intom tkunu qed tħarsu ’l quddiem, kif għamiltu qabel, u taraw dak li Missierkom fis-Smewwiet irid li intom jew ħaddieħor issiru.30 Imbagħad tippjanaw u taħdmu bla heda biex twettquh. Il-Presbiteru Quentin L. Cook għallem, “Qatt tissottovalutaw l-importanza li tippjanaw u tfasslu għanijiet … , u tistiednu lil ħaddieħor—dejjem permezz tal-għajn tal-fidi.”31
L-għażla f’idejkom! Dwarkom il-Mulej qal, “Il-qawwa li jagħżlu tinsab fihom.”32 Il-Presbiteru Neil L. Andersen spjega, “Il-fidi tagħkom tikber mhux b’kumbinazzjoni iżda b’għażla.”33 Huwa qal ukoll, “Kwalunkwe mistoqsijiet onesti li jista’ jkollkom … se jiġu mwieġba bil-paċenzja u bl-għajn tal-fidi.”34
Jiena nixhed li (1) l-vera identità tagħkom u (2) l-qawwa enormi ta’ fidi fi Kristu li hemm fikom se jwasslukom biex “tgħinnu fit-tħejjija tad-dinja għar-ritorn tas-Salvatur, billi tistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu u jirċievi l-barkiet tal-Espjazzjoni Tiegħu.”35 Jalla aħna lkoll naqsmu l-ferħ tal-wegħda ċerta tal-Ktieb ta’ Mormon:
“It-twajbin li jagħtu widen tal- … profeti, u … jħarsu ’l quddiem lejn Kristu b’sodezza … minkejja kull tip ta’ persekuzzjoni … mhumiex se jinqerdu.
“Iżda [Kristu] … se jfejjaqhom, u huma se jkunu fil-paċi miegħu.”36
F’isem Ġesù Kristu, amen.