Konferenza Ġenerali
Is-Salvatur Personali Tagħna
konferenza ġenerali April 2021


Is-Salvatur Personali Tagħna

Minħabba s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu, is-Salvatur għandu l-qawwa li jnaddafna, ifejjaqna, u jqawwina, wieħed, wieħed.

Jiena grat li ninsab magħkom f’din l-għodwa mill-isbaħ tal-Għid. Meta naħseb fl-Għid, inħobb intenni f’moħħi l-kliem li l-anġli qalu lil dawk li kienu ħdejn il-Qabar tal-Ġnien: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam.”1 Jiena nixhed li Ġesù ta’ Nazaret qam mill-imwiet u Huwa jgħix.

Intom x’Jidhrilkom Dwar Kristu?

Erba’ u tletin sena ilu, jien u l-kollega missjunarju tiegħi ltqajna ma’ raġel, kittieb mill-aktar intelletwali li kien jikkontribwixxi f’gazzetta lokali fil-Belt ta’ Davao, il-Filippini, u bdejna ngħallmuh. Ħadna ferm gost ngħallmuh għaliex hu kellu bosta mistoqsijiet u kien jirrispetta ħafna t-twemmin tagħna. L-aktar mistoqsija memorabbli li huwa staqsa kienet “Intom x’jidhrilkom dwar Kristu?”2 M’għandniex xi ngħidu, aħna qsamna miegħu b’ferħ is-sentimenti tagħna u t-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù Kristu. Aktar tard huwa ppubblika artiklu dwar l-istess suġġett li kien fih kliem u frażijiet meraviljużi dwar is-Salvatur. Niftakar li ħassejtni impressjonat iżda mhux neċessarjament kommoss. Kien fih informazzjoni tajba iżda ma ħassejt xejn partikolari ġewwa fija u kien nieqes mill-qawwa spiritwali.

Insiru Nafuh Aktar

“Intom x’jidhrilkom dwar Kristu?” Qed nirrealizza li kemm jien naf intimament lis-Salvatur jinfluwenza b’mod mill-aktar sinifikanti l-abbiltà tiegħi li nisimgħu kif ukoll kif nirrispondi għal li jgħidli. Ftit tas-snin ilu, il-Presbiteru David A. Bednar staqsa l-mistoqsijiet li ġejjin bħala parti mir-rimarki tiegħu: “Aħna sempliċiment nafu dwar is-Salvatur, jew inkella qed nippruvaw insiru verament nafuh? Kif nistgħu nsiru nafu lill-Mulej?”3

Hekk kif jiena studjajt u xtarrejt, jiena wasalt għall-konklużjoni ċara li dak li kont naf dwar is-Salvatur kien ferm aktar minn kemm kont nafu personalment. Jiena ddeċidejt dak il-ħin li nagħmel aktar sforz biex insir nafu. Jiena grat għall-iskrittura u t-testimonjanzi ta’ dixxipli rġiel u nisa ta’ Ġesù Kristu mill-aktar fidili. Il-vjaġġ tiegħi f’dawn l-aħħar ftit snin ħadni f’bosta toroq ta’ studju u skopertà. Jien nitlob li l-Ispirtu s-Santu jwasslilkom illum messaġġ ferm akbar mill-kliem inadegwat li jiena ktibt.

L-ewwel, jeħtieġ li nagħrfu illi li aħna nsiru nafu lis-Salvatur hija l-aktar tfittxija importanti f’ħajjitna. Għandha tieħu prijorità fuq kull ħaġa oħra.

“Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”4

“Wieġbu Ġesù, Jiena hu t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”5

“Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”6

It-tieni, hekk kif insiru nafu aktar lis-Salvatur, il-passaġġi mill-iskrittura u l-kliem tal-profeti isiru verament u intimament sinifikanti għalina tant li jsiru l-istess kliem tagħna. Aktar milli nikkopjaw il-kliem, is-sentimenti, u l-esperjenzi ta’ ħaddieħor, dan ifisser li nsiru nafu għalina nfusna, bil-mod uniku tagħna, billi nesperimentaw bil-kelma tiegħu7 u billi nirċievu xhieda mingħand l-Ispirtu s-Santu. Kif iddikjara l-profeta Alma:

“Intom taħsbu li lili ħadd m’għallimni dawn il-ħwejjeġ? Araw, jiena nixhed magħkom li jien naf li dawn il-ħwejjeġ li tkellimt dwarhom huma vera. “U kif taħsbu li jiena naf dan b’ċertezza?

“Araw, ngħidilkom li ġew żvelati lili permezz tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Araw, jiena somt u tlabt bosta jiem sabiex inkun naf dawn il-ħwejjeġ għalija nnifsi. U issa jiena naf għalija nnifsi li huma vera; għaliex il-Mulej Alla wrieni dan permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu; u dan hu l-ispirtu tar-rivelazzjoni li jinsab fija.”8

It-tielet, għarfien dejjem jikber li l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tapplika għalina b’mod personali u individwali jgħinna biex insiru nafuh. Bosta drabi hu aktar faċli għalina li naħsbu u nitkellmu dwar l-Espjazzjoni ta’ Kristu b’mod ġenerali milli nagħrfu s-sinifikat personali tagħha f’ħajjitna. L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hi infinita u eterna u universali fil-profondità u l-kobor tagħha iżda mill-aktar personali u individwali fl-effett tagħha. Minħabba s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu, is-Salvatur għandu l-qawwa li jnaddafna, ifejjaqna, u jqawwina, wieħed wieħed.

L-unika xewqa tas-Salvatur, l-uniku għan tiegħu mill-bidu nett, kienet li jagħmel ir-rieda tal-Missier. Ir-rieda tal-Missier kienet li Hu jassisti f’“li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem”9 billi jsir “id-difensur tagħna quddiem il-Missier.”10 Għalhekk, “minkejja li kien Iben, madankollu hu tgħallem l-ubbidjenza permezz tal-affarijiet li huwa sofra, u peress li kien perfett, huwa sar l-awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.”11

“U hu għandu jmur, isofri kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tentazzjoni. …

“U huwa jieħu fuqu l-mewt, sabiex ikun jista’ jkisser l-irbit tal-mewt … u huwa jieħu fuqu s-sofferenza tagħhom, sabiex jimtela bil-ħniena … ħalli huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu waqt is-sofferenza tagħhom.

“… Bin Alla sofra skont il-ġisem sabiex ikun jista’ jieħu fuqu d-dnubiet tal-bnedmin, sabiex huwa jkun jista’ jnaddafhom mill-ħtijiet tagħhom skont il-qawwa tal-ħelsien tiegħu.”12

Nixtieq naqsam magħkom esperjenza sempliċi li turi t-taqbida li xi kultant ikollna biex inħaddnu n-natura personali tal-Espjazzjoni tal-Mulej.

Snin ilu, fuq stedina tas-superjur tiegħi, jiena qrajt il-Ktieb ta’ Mormon minn qoxra sa qoxra u mmarkajt il-versi li kienu jirreferu għall-Espjazzjoni tal-Mulej. Il-mexxej tiegħi stedinni wkoll biex nipprepara summarju tul ta’ paġna dwar dak li tgħallimt. Jien għidt lili nnifsi, “Paġna waħda biss? Mela le, faċli ħafna.” B’sorpriża għalija, madankollu, jien sibt din il-ħaġa verament diffiċli, u ma rnexxilix.

Minn dak inhar irrealizzajt li jien ma rnexxilix għaliex ma fhimtx sew x’kien mitlub minni u assumejt b’mod żbaljat. L-ewwel, jiena stennejt li s-summarju jkun xi ħaġa li tispira lil kulħadd. Is-summarju kien intenzjonat għalija u għal ħadd aktar. L-għan kien li nirreġistra s-sentimenti u l-emozzjonijiet tiegħi dwar is-Salvatur u dak li Huwa għamel għalija ħalli kull darba li naqrah, ifakkarni mill-ewwel f’esperjenzi spiritwali mill-aktar meraviljużi u personali li jqanqluni.

It-tieni, jiena stennejt li s-summarju jkun xi ħaġa grandjuża u elaborata mimlija kliem u frażijiet importanti. L-għan ma kienx li jkun fih kliem importanti. L-għan kien li jkun dikjarazzjoni ċara u sempliċi ta’ konvinzjoni. “Għax ruħi tifraħ fis-sempliċità; għaliex hu b’dan il-mod li l-Mulej jaħdem fost ulied il-bnedmin. Għax il-Mulej Alla jagħtihom id-dawl biex jifhmu.”13

It-tielet, jien stennejtu jkun perfett, l-akbar fost is-summarji —summarju finali li ħadd ma jista’ jew m’għandu jżid miegħu—minflok xi xogħol mhux komplut li miegħu nista’ nżid xi kelma jew frażi ’l hawn u ’l hemm hekk kif jien nikber fl-għarfien tiegħi dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Testimonjanza u Stedina

Meta kont għadni żagħżugħ, jien tgħallimt ħafna mill-konverżazzjonijiet li kelli mal-isqof tiegħi. Tul dawk is-snin ta’ żgħożiti, jien tgħallimt inħobb dan il-kliem li ġej minn għanja mill-aktar għal qalbna:

Nistagħġeb bl-imħabba illi joffrili Ġesù,

Inħossni nitħawwad bil-grazzja li jtini hu.

Nitriegħed għax naf li għalija fuq salib miet,

U demmu hu xerred għalija, għal tant dnubiet.

O, x’ġest veru sabiħ li lili jsalva ried

Għalhekk għalija miet!

O, x’ ġest veru sabiħ, hu għalija miet!14

Il-profeta Moroni għamlilna din l-istedina: “U issa, nitlobkom biex tfittxu lil dan Ġesù li dwaru kitbu l-profeti u l-appostli.”15

Il-President Russell M. Nelson wiegħed li “jekk aħna nippruvaw nitgħallmu dak kollu li nistgħu dwar Ġesù Kristu, … l-abbiltà tagħna li niċħdu d-dnub tikber. Tikber ukoll ix-xewqa tagħna li nħarsu l-kmandamenti.”16

F’dan Ħadd il-Għid, bl-istess mod kif is-Salvatur ħareġ ’il barra mill-qabar tal-ġebel tiegħu, jalla aħna nqumu mir-raqda spiritwali tagħna u nitilgħu ’l fuq mis-sħab tad-dubju, mill-biża’ li żżomna milli navvanzaw, mill-kburija intossikanti, u mill-ħajra għall-kompjaċenza. Ġesù Kristu u Missierna fis-Smewwiet jgħixu. Jiena nixhed dwar l-imħabba perfetta tagħhom għalina. F’isem Ġesù Kristu, amen.