Ngħallmu kif Jgħallem is-Salvatur
Ir-responsabbiltà tinsab kollha fuq kull wieħed u waħda minna li nimxu wara l-eżempju tal-Imgħallem u ngħallmu kif jgħallem Hu.
Għalliema Eċċezzjonali
Ftit tax-xhur ilu, ħabib li kien fil-klassi tiegħi li ġej bħali mill-belt ta’ Overton, Nevada, issuġġerixxa li nippreparaw rigal tal-Milied għall-għalliema maħbuba li kellna fil-kinder, li riċentiment kienet għadha kif għalqet 98 sena. Hi għallmitna biex inkunu ta’ qalb tajba, dwar l-importanza li norqdu sew, dwar il-ferħ li jġibu f’ħajjitna l-ħalib u l-gallettini, u li għandna nħobbu lil xulxin. Grazzi, Sister Davis, talli kont għalliema mill-aktar meraviljuża.
Jiena kelli wkoll għalliem ieħor eċċezzjonali meta kont qed nattendi l-Kulleġġ ta’ Ricks bosta snin ilu. Kont qed nipprepara biex inservi missjoni u ħsibt li kien jiswieli li kieku nattendi klassi għat-tħejjija tal-missjunarji. Dak li esperjenzajt bidilli ħajti.
Mill-ewwel jum tal-klassi, jiena rrealizzajt li kont ninsab fil-preżenza ta’ għalliem prim. L-għalliem kien Brother F. Melvin Hammond. Kont naf li Brother Hammond kien iħobb lill-Mulej u kien iħobb lili wkoll. Stajt nara dan fuq id-dehra ta’ wiċċu u nisma’ dan f’leħnu. Meta hu kien jgħallem, l-Ispirtu kien idawwalli moħħi. Hu għallem id-duttrina, iżda stedinni wkoll biex nitgħallimha waħdi. Dik l-istedina għenitni nagħraf b’mod ċar ir-responsabbiltà tiegħi li nitgħallem jiena stess id-duttrina tal-Mulej. Dik l-esperjenza bidlitni għal dejjem. Grazzi, Brother Hammond, talli għallimtni kif jgħallem il-Mulej.
Ħuti, kulħadd jixtraqlu li jkollu din it-tip ta’ esperjenza ta’ tagħlim kemm fid-dar kif ukoll fil-knisja.
L-introduzzjoni għal Come, Follow Me tagħtina viżjoni ta’ kif nistgħu ngħallmu kif irid Kristu. “L-għan tat-tagħlim kollu tal-evanġelju,” tgħidilna, “hu li jkabbar il-konverżjoni tagħna għal Ġesù Kristu u tgħinna nsiru aktar bħalu. … It-tip ta’ tagħlim tal-evanġelju li jsaħħaħ il-fidi tagħna u jwassal għall-miraklu tal-konverżjoni ma jseħħx f’daqqa. Jiġi estiż lil hinn mill-klassi għall-qalb u d-dar tal-individwu.”1
L-iskrittura tindika li l-ministeru tas-Salvatur fl-Amerka tal-qedem tant ħalla impatt warajh u nxtered ma’ nħawi li “il-poplu kollu madwar il-pajjiż kollu kkonverta fil-Mulej, kemm in-Nefiti kif ukoll il-Lamaniti, u ma kien hemm l-ebda tilwim u kwistjonijiet bejniethom, u l-bnedmin kollha mxew b’mod ġust ma’ xulxin.”2
It-tagħlim tagħna kif jista’ jkollu l-istess effett fuq dawk li aħna nħobbu? Kif nistgħu ngħallmu aktar bħas-Salvatur u ngħinu lil ħaddieħor jikkonverti b’aktar qawwa? Ippermettuli nagħtikom ftit suġġerimenti.
Nimitaw lis-Salvatur
L-ewwel nett, ipprova tgħallem dak kollu li tista’ dwar l-Għalliem Prim innifsu. Hu kif wera mħabbtu lejn ħaddieħor? Huwa kif għallem? Huwa x’għallem? Hu xi stenna minn dawk li għallem? Wara li tesplora mistoqsijiet bħal dawn, evalwa u aġġusta l-mod ta’ tagħlim tiegħek biex ikun jixbah aktar lil tiegħu.
Il-Knisja tipprovdi bosta riżorsi ta’ tagħlim fl-app tal-Librerija tal-Evanġelju u f’ChurchofJesusChrist.org. Wieħed minn dawn ir-riżorsi jismu Teaching in the Savior’s Way. Nistedinkom biex taqraw u tistudjaw kull kelma li fih. Il-prinċipji tiegħu jassistukom fl-isforzi tagħkom li tkunu tixbhu aktar lil Kristu fit-tagħlim tagħkom.
Uru l-Qawwa li Tinsab fil-Familji
It-tieni suġġeriment tiegħi nista’ nispjegah permezz ta’ esperjenza li kelli ftit xhur ilu meta mort inżur lil ħabib għażiż tiegħi. Jien stajt nisma’ lil martu fl-isfond titkellem ma’ xi ħadd; għalhekk jien fil-pront skużajt ruħi ħalli hu jkun jista’ jkompli mal-familja tiegħu.
Xi siegħa wara jien irċevejt dan il-messaġġi mingħand it-twajba martu: “Brother Newman, grazzi talli ġejt. Missna stedinniek biex tidħol, iżda nixtieq naqsam miegħek x’konna qed nagħmlu. Minn meta bdiet il-pandemija kull nhar ta’ Ħadd aħna bdejna niddiskutu Come, Follow Me mat-tfal adulti tagħna permezz ta’ Zoom. Rajtna b’għajnejna letteralment il-mirakli jseħħu. Naħseb li hi l-ewwel darba li t-tifla tagħna qrat il-Ktieb ta’ Mormon waħedha. Illum kienet l-aħħar lezzjoni dwar il-Ktieb ta’ Mormon, u meta ġejt int konna qed intemmu l-lezzjoni. … Naħseb li jinteressak tisma’ kif Come, Follow Me, Zoom, u pandemija pprovdew l-opportunità fil-ħin opportun biex isseħħ bidla f’qalb persuna. … Dan iwassalni biex nieqaf u naħseb dwar kemm il-miraklu żgħir seħħ waqt dan iż-żmien mill-aktar partikolari.”
Għalija dan qisu t-twettiq ta’ wegħda li għamel il-President Russell M. Nelson f’Ottubru 2018. Hu qal li tagħlim tal-Evanġelju ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja “għandu l-potenzjal li juri l-qawwa li tinsab fil-familji, hekk kif il-membri ta’ kull familja jagħmlu l-almu tagħhom li jaġixxu kontinwament b’responsabbiltà u bir-reqqa ħalli jittrasformaw darhom f’santwarju ta’ fidi. Jiena nwegħidkom li hekk kif intom, b’diliġenza, taħdmu biex timmudellaw mill-ġdid id-dar tagħkom f’ċentru tat-tagħlim tal-evanġelju, maż-żmien il-jiem tagħkom ta’ Jum il-Mulej isiru verament l-għaxqa tagħkom. It-Tfaltagħkom ikollhom ħerqa kbira biex jitgħallmu u jgħixu t-tagħlim tas-Salvatur. … It-tibdil li jseħħ fil-familja tagħkom ikun wieħed drammatiku u li jsostnikom.”3 X’wegħda mill-isbaħ!
Biex verament tibdlilna ħajjitna, il-konverżjoni tagħna lejn Ġesù Kristu għandha tinvolvi ruħna kollha u tippenetra kull aspett ta’ ħajjitna. Hu għalhekk li għandha tiffoka fuq iċ-ċentru ta’ ħajjitna—il-famlija u d-dar tagħna.
Ftakru li l-Konverżjoni Hi Ħaġa Personali
L-aħħar suġġeriment tiegħi hu biex tiftakru li l-konverżjoni għandha tiġi minn ġewwa fina. Kif naraw fil-parabbola tal-għaxar xebbiet verġni, aħna ma nistgħux nagħtu lil ħaddieħor iż-żejt tal-konverżjoni tagħna, minkejja li nkunu rridu nagħmlu dan. Kif għallem il-Presbiteru David A. Bednar: “Dan iż-żejt prezzjuż niksbuh qatra qatra … bil-paċenzja u l-persistenza. M’hemmx mod ħafif kif nistgħu niksbuh; mhux possibbli li nippreparaw xi ħaġa fl-aħħar ħin.”4
Come, Follow Me hu bbażat fuq dik il-verità. Dan inqabblu mal-anġlu li għen lil Nefi jitgħallem dwar Ġesù Kristu billi qallu, “Ħares!”5 Bħal dak l-anġlu, Come, Follow Me jistedinna biex inħarsu fl-iskrittura u fil-kliem tal-profeti ta’ żmienna sabiex insibu lis-Salvatur u nisimgħuh. Bħal Nefi, aħna niġu mgħallmin personalment mill-Ispirtu waqt li naqraw u nixtarru l-kelma ta’ Alla. Come, Follow Me hu dak li jgħinna lkoll biex nfittxu u nistudjaw bir-reqqa fl-ilma ħaj tad-duttrina ta’ Kristu.
Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija simili f’diversi modi. It-tfal jirtu bosta affarijiet mingħand il-ġenituri tagħhom, iżda testimonjanza mhijiex waħda minnhom. Aħna ma nistgħux nagħtu lil uliedna testimonjanza daqs kemm ma nistgħux inġiegħlu żerriegħa tikber. Iżda aħna nistgħu nipprovdu ambjent nutrittiv, b’ħamrija tajba, ħielsa mix-xewk li jwassal biex “joħnoq il-kelma.” Aħna nistgħu nagħmlu l-almu tagħna biex noħolqu kundizzjonijiet ideali ħalli wliedna—u oħrajn li nħobbu—ikunu jistgħu jsibu post għaż-żerriegħa, “[jisimgħu] il-kelma, u [jifhmuha]”6 u jsiru jafu għalihom infushom “li ż-żerriegħa hija tajba.”7
Bosta snin ilu, jien u ibni Jack kellna l-opportunità li nilagħbu l-golf fl-Old Course ta’ St. Andrews fl-Iskozja, fejn bdiet il-logħba tal-golf. Kienet esperjenza tal-għaġeb! Meta ġejt lura ppruvajt niddeskrivi lil ħaddieħor il-kobor ta’ dik l-esperjenza. Iżda ma stajtx. Ir-ritratti, il-vidjos, u l-aqwa deskrizzjoni tiegħi kienu kollha inadegwati. Fl-aħħar irrealizzajt li l-uniku mod kif wieħed jista’ jkun jaf il-kobor ta’ St. Andrews hu billi jesperjenzah huwa stess—li jara l-kanali mill-aktar vasti, igawdi l-arja tal-post, iħoss ir-riħ ma’ wiċċu, u jilgħab ftit golf qalb il-bankers fuq l-għerien u qalb l-arbixelli mill-aktar densi, li aħna għamilna b’effiċjenza kbira.
L-istess bil-kelma ta’ Alla. Aħna nistgħu ngħallmuha, nistgħu nxandruha, nistgħu nispjegawha. Nistgħu nitkellmu dwarha, nistgħu niddeskrivuha, anke nistgħu nixhdu dwarha. Iżda sakemm persuna ma tħossx il-kelma sagra ta’ Alla nieżla fuq ruħha bħan-nida mis-sema permezz tal-qawwa tal-Ispirtu,8 tkun qisha qed tħares lejn xi kartolina jew lejn xi ritratti ta’ ġita ta’ ħaddieħor. Jeħtieġ li tmur hemm inti stess. Il-konverżjoni hija vjaġġ personali—vjaġġ ta’ ġabra.
Kull min jgħallem fid-dar jew fil-knisja, jista’ joffri lil ħaddieħor l-opportunità li jkollu l-esperjenzi spiritwali tiegħu. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, huma jsiru “jafu l-verità ta’ kull ħaġa” għalihom infushom.9 Il-President Nelson għallem, “Jekk għandek xi mistoqsijiet sinċiera dwar l-evanġelju jew il-Knisja, jekk tħalli lil Alla jiddominak, inti tiġi mmexxi biex issib u tifhem il-veritajiet assoluti u eterni li jiggwidaw ħajtek u jgħinuk tibqa’ sod fit-triq tal-patt.”10
Tejbu Drammatikament it-Tagħlim
Nistieden lill-mexxejja u lill-għalliema f’kull organizzazzjoni tal-Knisja biex tiddiskutu flimkien mal-ġenituri u ż-żgħażagħ sabiex ittejbu drammatikament it-tagħlim f’kull livell—fil-wited, fl-oqsma, u fid-djar. Dan nistgħu niksbuh billi ngħallmu d-duttrina u nistiednu diskussjoni mimlija Spirtu dwar il-veritajiet li l-Ispirtu s-Santu għallimna fil-mumenti siekta tal-istudju personali tagħna.
Għeżież ħbieb tiegħi fi Kristu, ir-responsabbiltà tinsab kollha fuq kull wieħed u waħda minna li nimxu wara l-eżempju tal-Imgħallem u ngħallmu kif jgħallem Hu. Il-mod kif jgħallem Hu hu l-mod veru! Hekk kif nimxu warajh “meta huwa se jidher aħna se nkunu bħalu, għaliex se narawh kif verament hu; ħalli jkollna din it-tama; ħalli nippurifikaw ruħna sewwasew kif inhu ppurifikat hu.”11 F’isem Dak illi qam mill-imwiet, l-Għalliem Prim Innifsu, Ġesù Kistu, amen.