X’Qed Nitgħallmu u Qatt M’Aħna Se Ninsew
Jekk tħarsu lejn ħajjitkom bl-għajnuna tat-talb, nemmen li intom taraw bosta modi li bihom il-Mulej kien qed jiggwidakom tul dan iż-żmien diffiċli.
Għeżież aħwa, jien ili nistenna b’antiċipazzjoni din il-laqgħa virtwali magħkom. L-aħħar darba li kellna sessjoni tas-saċerdozju waqt il-konferenza ġenerali kien f’April 2019. Ġraw bosta affarijiet f’dawn l-aħħar sentejn! Xi wħud minnkom tilfu lill-maħbubin tagħhom. Oħrajn tilfu l-impjiegi, l-għajxien, jew is-saħħa. U kien hemm oħrajn li tilfu s-sens ta’ paċi jew tama għall-futur. Jien verament inħoss għalikom ilkoll li sofrejtu xi waħda minn dawn jew xi telfa oħra. Nitlob kontinwament li l-Mulej ifarraġkom. Hekk kif tkomplu tħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitkom, jiena naf li Hu jinsab ottimist dwar il-futur tagħkom aktar minn qatt qabel.
F’nofs it- telfien li esperjenzajna, hemm ukoll xi affarijiet li aħna sibna. Xi wħud sabu fidi aktar profonda f’Missierna fis-Smewwiet u f’Ibnu, Ġesù Kristu. Ħafna sabu perspettiva aktar friska tal-ħajja—saħansitra perspettiva eterna. Jista’ jkun li sibtu relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-maħbubin tagħkom u mal-Mulej. Nittama li sibtu abbiltà akbar li tisimgħuh u li tirċievu r-rivelazzjoni personali. Ċerti sfidi diffiċli ħafna drabi jipprovdulna opportunitajiet biex nikbru li żgur ma stajniex niksbuhom b’modi oħra.
Aħsbu ftit dwar dawn l-aħħar sentejn. Tħossu li intom kbirtu? X’tgħallimtu? Jista’ jkun li għall-ewwel ħa tkunu tixtiequ terġgħu lura fl-2019 u tibqgħu hemm! Iżda jekk tħarsu lejn ħajjitkom bl-għajnuna tat-talb, nemmen li intom taraw bosta modi li bihom il-Mulej kien qed jiggwidakom tul dan iż-żmien diffiċli, jgħinkom issiru rġiel aktar devoti, aktar ikkonvertiti—irġiel vera ta’ Alla.
Jiena naf li l-Mulej għandu pjanijiet kbar u meraviljużi għalina—b’mod individwali u kollettiv. B’kompassjoni u bil-paċenzja, Hu jgħidilna:
“Intom għadkom tfal żgħar, u għadkom ma fhimtux x’barkiet kbar il-Missier … ħejja għalikom;
“U ma tistgħux tifhmu kollox bħalissa; madankollu, agħmlu l-qalb, għaliex jiena se nkun qed immexxikom.”1
Għeżież ħuti, jiena nixhed li Hu kien qiegħed imexxina u għadufil-fatt imexxina f’ħajjitna, hekk kif nippruvaw nisimgħuh. Hu jridna nikbru u nitgħallmu, anke fi żmien—anzi speċjalment fi żmien—ta’ avversità.
L-avversità hija għalliema tajba. X’tgħallimtu intom f’dawn l-aħħar sentejn li tixtiequ li qatt ma tinsew? It-tweġibiet tagħkom se jkunu speċifikament għalikom, iżda nissuġġerixxi erba’ lezzjonijiet li nittama li lkoll tgħallimna u li qatt ma ninsew.
L-1 Lezzjoni: Id-Dar Hija ċ-Ċentru tal-Fidi u l-Qima
Ħafna drabi meta l-Mulej iwissina dwar il-periklu tal-aħħar żminijiet, Hu jinkludi dan il-parir: “Ieqfu f’postijiet qaddisa, u titħarrkux.”2 Dawn il-“postijiet qaddisa” ċertament jinkludu t-tempji tal-Mulej u d-djar tal-laqgħat. Iżda hekk kif l-abbiltà tagħna li ninġabru f’dawn il-postijiet ġiet b’xi mod jew ieħor ristretta, aħna tgħallimna li wieħed mill-aktar postijiet qaddisa fid-dinja huwa d-dar —iva, sewwasew id-dar tagħkom .
L-aħwa, intom tħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla. “Id-drittijiet tas-saċerdozju huma magħqudin flimkien b’mod inseparabbli mal-qawwiet tas-smewwiet.”3 Intom u l-familja tagħkom irċevejtu ordinanzi tas-saċerdozju. Hi sewwasew “fl-ordinanzi tas-saċerdozju, li tidher il-qawwa tad-divinità.”4 Dik il-qawwa hi disponibbli għalikom u għall-familja tagħkom ġewwa darkom hekk kif intom iżżommu l-patti li għamiltu.5
Kien biss bħal-lum 185 sena, fit-3 ta’ April, 1836, meta Elija rrestawra l-Imfietaħ tas-saċerdozju li jippermettu li l-familji tagħna jiġu ssiġillati flimkien għal dejjem. Hu għalhekk li kien sentiment daqstant sabiħ li amministrajtu s-sagrament ġewwa darkom. Kif taħsbu li affettwa lill-membri tal-familja tagħkom li jaraw lilkom—missierhom, nannuhom, żewġhom, binhom, jew ħuhom—jamministra din l-ordinanza qaddisa? X’se tagħmlu biex iżżommu dak l-istess sentiment sagru fil-familja tagħkom?
Tafu tħossu li għad baqa’ aktar x’tagħmlu biex darkom issir verament santwarju ta’ fidi. Jekk hu hekk, araw li tagħmlu dan! Jekk intom miżżewġin, iddiskutu ma’ martkom bħala s-sieħba ndaqs tagħkom f’din il-ħidma kruċjali. Ftit huma l-affarijiet f’ħajjitkom li huma aktar importanti minn dan. Minn issa saż-żmien li fih jerġa’ jiġi l-Mulej, aħna lkoll neħtieġu li darna tkun post ta’ serenità u sigurtà.6
Dawk l-attitudni u l-għemejjel li jistiednu l-Ispirtu jkabbru l-qdusija fi djarkom. Daqstant ċert huwa l-fatt li l-qdusija tgħib jekk hemm xi ħaġa fl-imġieba tagħkom jew fl-ambjent ta’ madwarkom li toffendi lill-Ispirtu s-Santu, għax f’dak il-każ “il-qawwiet tas-smewwiet jirtiraw.”7
Ġieli staqsejtu lilkom infuskom għalfejn il-Mulej iridna nagħmlu darna ċ-ċentru ta’ tagħlim tal-evanġelju u ta’ ħajja mgħixa skont l-evanġelju? Mhuwiex sempliċiment biex jippreparana għall-pandemija u jgħinna nkampaw. Ir-restrizzjonijiet preżenti kif ninġabru flimkien eventwalment se jieqfu. Madankollu, l-impenn tagħkom li tagħmlu darkom is-santwarju primarju tal-fidi m’għandu jieqaf qatt . Hekk kif il-fidi u l-qdusija jonqsu f’din id-dinja mitlufa, il-bżonn tagħkom li tkunu f’postijiet qaddisa jikber. Nitlobkom biex tkomplu tagħmlu darkom post verament qaddis “u titħarrkux”8 minn dak l-għan essenzjali.
It-2 Lezzjoni: Aħna Għandna Bżonn lil Xulxin
Alla jridna naħdmu flimkien u ngħinu lil xulxin. Hu għalhekk jibgħatna f’din id-dinja bħala parti minn familja u jorganizzana f’oqsma u utied. Hu għalhekk jitlobna biex naqdu u nimministraw lil xulxin. Hu għalhekk jitlobna biex ngħixu fid- dinja iżda ma nkunux tad- dinja.9 Flimkien nistgħu nwettqu ferm aktar milli nistgħu nwettqu weħidna.10 Il-pjan ta’ ferħ ta’ Alla ma jkunx jista’ jaħdem jekk uliedu jibqgħu f’iżolament minn xulxin.
Il-pandemija riċenti kienet xi ħaġa unika fis-sens li affettwat lil kulħadd fid-dinja essenzjalment fl-istess ħin. Filwaqt li xi wħud batew aktar minn oħrajn, aħna lkoll iffaċċjajna xi sfida jew oħra. Minħabba f’hekk, l-isfida komuni tagħna għandha l-potenzjal li tgħin biex tgħaqqad flimkien lil ulied Alla aktar minn qatt qabel. Mela, jien nistaqsi, din l-isfida li esperjenzajna flimkien resqitkom aktar viċin ta’ għajrkom—ta’ ħutkom li joqogħdu quddiemkom jew madwar id-dinja?
F’dan ir-rigward, iż-żewġ kmandamenti l-kbar jistgħu jiggwidawna: l-ewwel, li nħobbu lil Alla u, it-tieni, li nħobbu lil għajrna.11 Aħna nuru mħabbitna billi nservu.
Jekk tafu b’xi ħadd li jinsab waħdu, agħmlu kuntatt miegħu—anke jekk intom tħossukom weħidkom ukoll! M’hemmx għalfejn ikollkom xi raġuni jew xi messaġġ jew xi ħaġa x’tiddiskutu. Sempliċiment araw kif inhu u uruh li tħobbuh. It-teknoloġija tista’ tgħinkom. Pandemija jew le, kull iben prezzjuż u bint prezzjuża ta’ Alla jeħtieġ ikunu jafu li hu ma jinsabx waħedhom!
It-3 Lezzjoni: L-Għan tal-Kworum Tagħkom tas-Saċerdozju hu Aktar minn li Sempliċiment Tattendu Laqgħa
Waqt il-pandemija, il-laqgħat tal-kworum tal-Ħadd ġew ikkanċellati għal xi żmien. Xi kworums issa qed ikunu jistgħu jiltaqgħu b’mod virtwali. Madankollu, il-ħidma li l-Mulej ta lill-kworums tas-saċerdozju qatt ma kienet intenzjonata biss għal xi laqgħa. Il-laqgħat huma biss parti żgħira għalfejn jeżisti kworum u x’jista’ jagħmel.
Ħuti tas-Saċerdozju ta’ Aron u tal-kworums tal-presbiteri, nixtieqkom tespandu l-viżjoni tagħkom għalfejn għandna l-kworums. Il-Mulej kif jixtieq li tużaw il-kworum tagħkom biex twettqu l-ħidma tiegħu—bħalissa? Fittxu r-rivelazzjoni mingħand il-Mulej. Ċekknu lilkom infuskom! Staqsu! Isimgħu! Jekk ġejtu msejħin biex tmexxu, iddiskutu bħala presidenza u mal-membri tal-kworum tagħkom. Hu x’inhu l-uffiċċju jew hi x’inhi s-sejħa tagħkom tas-saċerdozju, ħallu lil Alla jiddomina fl-impenn tagħkom bħala membru tal-kworum tagħkom u fis-servizz tagħkom. Esperjenzaw b’ferħ it-tajjeb kollu li tistgħu twettqu hekk kif tkunu “impenjati b’ħerqa f’kawża tajba.”12 Il-kworums jinsabu f’pożizzjoni unika li jaċċelleraw il-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu.
Ir-4 Lezzjoni: Aħna Nisimgħu lil Ġesù Kristu Aħjar Meta Nkunu Siekta
Aħna ngħixu fi żmien imbassar żmien twil ilu, meta “kollox se jkun f’konfużjoni; u bla dubju, il-bnedmin jibdew jaqtgħu qalbhom; għax biża’ se taħkem lill-popli kollha.”13 Dan kien minnu qabel il-pandemija, u se jkun minnu wara. Il-konfużjoni fid-dinja se tkompli tiżdied. B’kuntrast għal dan, leħen il-Mulej mhuwiex “xi leħen jgħajjat, iżda … huwa leħen sieket ta’ ħlewwa perfetta, qisu minn taħt l-ilsien, u jinfiltra saħansitra l-qalba tar-ruħ.”14 Sabiex tisimgħu dan il-leħen sieket, intom għandkom tkunu siekta wkoll!15
Għal xi żmien, il-pandemija ħassret l-attivitajiet li normalment jimlew ħajjitna. Dalwaqt inkunu nistgħu nagħżlu li nimlew il-ħin tagħna għal darb’oħra bil-ħoss u l-konfużjoni tad-dinja. Jew nistgħu nużaw il-ħin tagħna biex nisimgħu leħen il-Mulej jgħidilna b’leħen sieket kliem ta’ gwida, faraġ, u paċi. Ħin ta’ skiet huwa ħin sagru—ħin li jiffaċilita r-rivelazzjoni personali u jwasslilna l-paċi.
Bi ftit ta’ dixxiplina magħkom infuskom araw li tqattgħu ħin weħidkom u mal-maħbubin tagħkom. Iftħu qalbkom ma’ Alla fit-talb. Iddedikaw ħin biex tgħaddsu raskom fl-iskrittura u tqimu fit-tempju.
Għeżież ħuti, hemm bosta affarijiet li l-Mulej iridna nitgħallmu mill-esperjenzi tagħna waqt din il-pandemija. Jiena semmejt erba’. Nistedinkom biex intom stess tagħmlu lista, tikkunsidrawha bir-reqqa, u taqsmuha ma’ dawk li tħobbu.
Il-futur huwa wieħed sabiħ għan-nies li jżommu l-patti li jagħmlu ma’ Alla.16 Il-Mulej aktar ma jmur aktar se jitlob lill-qaddejja tiegħu li jħaddnu b’mod den is-saċerdozju biex ibierku, ifarrġu, u jsaħħu l-umanità u jgħinu jħejju d-dinja u n-nies tagħha għat-Tieni Miġja tiegħu. Jiswa għalina lkoll li nagħmlu li hu mistenni minna fl-ordinazzjoni sagra li rċevejna. Żgur li nistgħu nagħmlu dan! Jiena nixhed dwar dan, b’turija tal-imħabba tiegħi lejn kull wieħed minnkom, għeżież ħuti, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen