Inġustizzja Infurjanti
Ġesù Kristu jifhem l-inġustizzja kif ukoll għandu l-qawwa li jipprovdi rimedju.
Fl-1994, seħħ ġenoċidju fir-Rwanda, pajjiż fil-Lvant tal-Afrika, li kien parzjalment dovut għal tensjoni tribali kbira tul il-ġenerazzjonijiet. Jingħad li nqatlu aktar minn nofs miljun ruħ.1 Notevolment, il-poplu tar-Rwanda, fil-parti kbira tiegħu, irrikonċilja ruħu,2 iżda dawn l-avvenimenti għadhom friski fil-memorja.
Għaxar snin ilu, meta konna qed inżuru r-Rwanda, jien u marti qbadna konverżazzjoni ma’ passiġġier ieħor fl-ajruport ta’ Kigali. Hu tkellem magħna dwar l-inġustizzja tal-ġenoċidju u emozzjonat staqsa, “Jekk jeżisti Alla, ma taħsibx li kien jagħmel xi ħaġa?” Għal dan ir-raġel—u għal ħafna minna—it-tbatija u l-inġustizzja brutali jafu jidhru inkomparabbli mar-realtà ta’ Missier fis-Smewwiet kollu ħniena u mħabba. Madankollu Hu reali, Hu ħanin, u Hu jħobb lil uliedu kollha b’mod perfett. Din id-dikotomija hi antika daqs kemm ilu jeżisti l-bniedem u ma tistax tispjegaha fi ftit kliem sempliċi jew permezz ta’ xi sticker ma’ xi bumper.
Biex nibdew nifhmu ftit dan, ejjew nesploraw tipi varji ta’ inġustizzji. Immaġinaw familja li fiha l-ulied kienu kull ġimgħa jirċievu allowance ta’ flus talli jkunu għamlu xi xogħol komuni tad-dar. Wieħed mit-tfal, John, jkien jonfoq is-sehem tiegħu fil-ħelu; waħda mill-bniet, Anna, kienet tfaddal flusha. Eventwalment, Anna xtrat rota. John ħass li kien verament inġust li Anna kellha biex tixtri rota u hu le. Iżda kienu l-għażliet ta’ John li wasslu għall-inugwaljanza, mhux l-għemejjel tal-ġenituri. Id-deċiżjoni ta’ Anna li tissagrifika l-pjaċir immedjat li tiekol il-ħelu ma wasslet għall-ebda inġustizzja fuq John għaliex hu kellu l-istess opportunità bħal oħtu.
Id-deċiżjonijiet tagħna jistgħu wkoll iħallu warajhom ċerti vantaġġi jew żvantaġġi. Kif żvela l-Mulej, “Jekk f’din il-ħajja xi persuna tikseb għarfien u intelliġenza permezz tad-diliġenza u l-ubbidjenza tagħha aktar minn persuna oħra, hi jkollha ferm aktar vantaġġ fid-dinja li jmiss.”3 Meta nies oħra jirċievu ċerti benefiċċji minħabba l-għażliet diliġenti tagħhom, aħna ma nistgħux nikkonkludu li aħna ġejna ttrattati b’mod inġust meta kellna l-istess opportunità.
Eżempju ieħor ta’ inġustizzja ġej minn sitwazzjoni li marti, Ruth, kienet fiha meta kienet għadha tifla. Darba waħda, Ruth saret taf li ommha kienet se tieħu lil oħtha ż-żgħira, Merla, biex tixtri żarbun ġdid. Ruth bdiet tgerger, “Ma, mhux sew! L-aħħar par żarbun li int xtrajt kien għal Merla.
Ommha staqsietha, “Ruth, iż-żarbun tiegħek għadu jiġik?”
Ruth wieġbet, “Iva, hux.”
Imbagħad ommha qaltilha, “Iż-żarbun ta’ Merla m’għadux jiġiha.”
Ruth qablet li t-tfal kollha fil-familja jeħtieġ li jkollhom żarbun li jiġihom. Minkejja li Ruth xtaqet li jkollha żarbun ġdid, il-perċezzjoni tagħha li kienet qed tiġi ttrattata b’mod inġust inbidlet meta rat iċ-ċirkustanzi mil-lenti ta’ ommha.
Ċerta inġustizzja ma tistax tispjegaha; inġustizzja inspjegabbli hi verament infurjanti. L-inġustizzja tista’ tkun li tgħix b’ġisem li hu imperfett, midrub, jew marid. Il-ħajja mortali hi min-natura tagħha inġusta. Xi nies jitwieldu f’familji sinjuri; oħrajn le. Xi wħud għandhom ġenituri li jħobbuhom; oħrajn le. Xi wħud jgħixu ħajja twila; oħrajn qasira. U l-lista ma tintemm qatt. Xi individwi jagħmlu ċerti żbalji serji anke meta jippruvaw jagħmlu t-tajjeb. Xi wħud jagħżlu li ma jagħmlu xejn dwar l-inġustizzja anke meta jistgħu. B’dispjaċir, xi individwi jużaw il-volontà li tahom Alla biex iweġġgħu lil ħaddieħor meta m’għandhomx jagħmlu dan.
Tipi differenti ta’ inġustizzja jistgħu jiġu esperjenzati f’daqqa, li joħolqu tsunami ta’ inġustizzja mill-aktar kbira. Per eżempju, il-pandemija tal-COVID-19 taffettwa b’mod sproporzjonat lil dawk li diġà huma suġġett għal żvantaġġi sottostanti diversi. Inħoss verament għal dawk li jiffaċċjaw daqstant inġustizzja, iżda jien niddikjara b’qalbi muġugħa li Ġesù Kristu jifhem l-inġustizzja kif ukoll għandu l-qawwa li jipprovdi rimedju. L-ebda inġustizzja li nesperjenzaw m’hi akbar milli esperjenza Hu. Mhux sew li Hu esperjenza l-uġigħ kollu u t-tbatija kollha tal-umanità. Mhux sew li Hu bata għad-dnubiet u l-iżbalji tiegħi u tiegħek. Iżda Hu għażel li jagħmel dan minħabba l-imħabba tiegħu għalina u għal Missierna fis-Smewwiet. Hu jifhem perfettament dak li aħna qed nesperjenzaw.4
L-iskrittura tgħid li fi żmien il-qedem ulied Iżrael bdew igergru li Alla kien qed jittrattahom b’mod inġust. Bi tweġiba, Jaħweh staqsiehom, “Għax tista’ mara tinsa lit-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha?” Daqs kemm hu diffiċli li omm li tħobb tinsa lit-tarbija tagħha, Jaħweh iddikjara li d-devozzjoni tiegħu kienet saħansitra akbar. Hu rriafferma: “Mqar jekk tinsa, jien ma ninsiek qatt. … Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja; ħitanek dejjem quddiemi.”5 Peress li Ġesù Kristu għadda mis-sagrifiċċju infinit tal-Espjazzjoni, Hu jempatizza magħna b’mod perfett.6 Hu dejjem konxju tagħna u taċ-ċirkustanzi tagħna.
Fil-ħajja mortali, aħna nistgħu “nersqu b’qalbna qawwija” lejn is-Salvatur u nirċievu l-kompassjoni, il-fejqan, u l-għajnuna.7 Anke meta ngħaddu minn tbatija inspjegabbli, Alla jista’ jberikna b’modi sempliċi, ordinarji, u sinifikanti. Hekk kif nitgħallmu nagħrfu dawn il-barkiet, il-fiduċja tagħna f’Alla tikber. Fl-eternitajiet, Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu sejrin jirrisolvu kull inġustizzja. Wieħed jifhem għaliex aħna rridu nkunu nafu, kif u meta. Kif jistgħu Huma jagħmlu dan? Meta sejrin jagħmlu dan? Sa fejn naf jien, Huma ma żvelawx kif jew meta.8 Li naf hu li Huma hekk se jagħmlu.
F’sitwazzjonijiet inġusti, ħaġa li għandna nagħmlu hi li nafdaw li “dak kollu li hu inġust f’din il-ħajja jista’ jirranġa ruħu permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.”9 Ġesù Kristu għeleb lid-dinja u “assorba” kull inġustizzja. Grazzi għalih, aħna jista’ jkollna l-paċi f’din id-dinja u nagħmlu l-qalb.10 Jekk nagħtuh ċans, Ġesù Kristu jikkonsagra kull inġustizzja għall-aħjar tagħna.11 Hu mhux biss jikkonslana u jirrestawra dak li tlifna;12 Huwa juża l-inġustizzja għall-benefiċċju tagħna. Meta niġu għal kif u meta, jeħtieġ li nagħrfu u naċċettaw, kif għamel Alma, li “mhux se tagħmel wisq differenza; għax Alla jaf kollox; u li naf dan għalija biżżejjed.”13
Nippruvaw inħallu ftit il-mistoqsijiet tagħna dwar kif u meta għal wara u issa niffokaw fuq kif nistgħu niżviluppaw il-fidi f’Ġesù Kristu, li Hu għandu kemm il-qawwa li jfejjaq kull inġustizzja u kemm ix-xewqa li jagħmel dan.14 Li aħna ninsistu li nkunu nafu kif jew meta mhijiex ħaġa produttiva iżda pjuttost hi ħaġa mijopika.15
Hekk kif niżviluppaw il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, aħna għandna wkoll nagħmlu li nistgħu biex insiru bħalu. Imbagħad aħna nittrattaw lil ħaddieħor b’kompassjoni u nippruvaw intaffu l-inġustizzja meta niltaqgħu magħha;16 nistgħu nippruvaw insewwu l-inġustizzja fost in-nies ta’ madwarna. Fil-fatt, is-Salvatur talabna biex “b’ħerqa naħdmu għal kawża tajba, u nagħmlu ħafna ħwejjeġ minn jeddna, u nġibu fis-seħħ bosta għemejjel tajbin.”17
Xi ħadd li ħadem b’ħerqa biex jikkumbatti l-inġustizzja hu l-avukat Bryan Stevenson. Il-professjoni legali tiegħu fl-Istati Uniti hi ddedikata biex jiddefendi lil dawk li ġew akkużati b’mod inġust, biex iġib fit-tmiemu l-kastig eċċessiv, u biex jipproteġi d-drittijiet umani bażiċi. Xi snin ilu, is-Sur Stevenson iddefenda raġel li kien ġie akkużat b’mod falz bi qtil u kkundannat għall-mewt. Is-Sur Stevenson talab lill-knisja Kristjana fejn kien jattendi dak ir-raġel biex tissapportjah, minkejja li ma kienx attiv fil-knisja tiegħu u kien dispreġġjat fil-komunità minħabba relazzjoni li kellu barra ż-żwieġ.
Biex il-kongreganti jiffokaw fuq l-aktar ħaġa importanti, is-Sur Stevenson kellimhom dwar il-mara akkużata b’adulterju li ttieħdet quddiem Ġesù. Dawk li akkużawha riedu jħaġġruha sal-mewt iżda Ġesù qal: “Min … hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.”18 Dawk li akkużaw lill-mara rtiraw. Ġesù ma kkundannax lill-mara iżda talabha biex ma tidnibx aktar.19
Wara li tkellem dwar dan l-episodju, is-Sur Stevenson osserva li l-awto-tjieba, il-biża’, u r-rabja wasslu biex anke l-Kristjani jitfgħu l-ġebel lejn nies li żbaljaw. Imbagħad huwa qal, “Ma nistgħux naraw dan kollu u qisu ma ġara xejn,” u hu ħeġġeġ lill-kongreganti biex huma jkunu “dawk li ma jħallux persuna tintlaqat mill-ġebel.”20 Ħuti, li ma nixtħux ġebel hu l-ewwel pass biex nittrattaw lil ħaddieħor b’kompassjoni. It-tieni pass hu li nippruvaw ma nħallux persuna tintlaqat mill-ġebel tal-oħrajn.
X’nagħmlu bil-vantaġġi u bl-iżvantaġġi hi parti mit-test tal-ħajja. Aħna se niġu ġġudikati mhux daqstant b’dak li ngħidu iżda kif aħna nittrattaw lil min hu vulnerabbli u żvantaġġjat.21 Bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna nfittxu li nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, li nagħmlu t-tajjeb.22 Aħna nuru l-imħabba tagħna lejn għajrna billi naħdmu biex niżguraw id-dinjità tal-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħna f’moħħna, ikun tajjeb li nirriflettu ftit. Għal John, kien importanti li jkun jaf għalfejn Anna xtrat rota. Għal Ruth kien ta’ ispirazzjoni għaliha li tara għalfejn Merla kellha bżonn żarbun mill-perspettiva ta’ ommha. Li tipprova tħares lejn l-affarijiet minn perspettiva eterna jwasslek biex tara b’mod aktar ċar. Hekk kif insiru aktar bħas-Salvatur, aħna niżviluppaw aktar empatija, għarfien, u karità.
Nerġa’ lura għall-mistoqsija li għamel il-passiġġier li kien hemm ħdejna f’Kigali meta tkellem dwar l-inġustizzja tal-ġenoċidju fir-Rwanda u staqsa, “Jekk jeżisti Alla, ma taħsibx li kien jagħmel xi ħaġa?”
Mingħajr ma naqqasna mit-tbatija kawża tal-ġenoċidju, u wara li għarafna l-inabbiltà li nifhmu għalfejn daqstant tbatija, aħna weġibna li Ġesù Kristu għamel xi ħaġa dwar l-inġustizzja infurjanti.23 Aħna spjegajna bosta preċetti tal-evanġelju dwar Ġesù Kristu, u r-Restawrazzjoni tal-Knisja tiegħu.24
Wara, dan il-ħabib tagħna staqsa, bid-dmugħ f’għajnejh, “Jiġifieri li hemm xi ħaġa x’nista’ nagħmel għall-ġenituri u għaz-ziju tiegħi li mietu?”
Aħna weġibna, “U żgur!” Imbagħad aħna tajna x-xhieda tagħna li dak kollu li hu inġust f’din il-ħajja jista’ jiġi rranġat permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u permezz tal-awtorità tiegħu l-familji jistgħu jingħaqdu flimkien għal dejjem.
Meta niffaċċjaw l-inġustizzja, aħna nistgħu jew nitbiegħdu minn Alla jew inkella nersqu lejh għall-għajnuna u s-sapport. Per eżempju, l-gwerra kontinwa bejn in-Nefiti u l-Lamaniti affettwat lin-nies b’mod differenti. Mormon osserva li “ħafna webbsu qalbhom” filwaqt li oħrajn “qalbhom irtabet minħabba t-tbatija tagħhom, tant li huma ċekknu lilhom infushom quddiem Alla.”25
Tħallux l-inġustizzja twebbsilkom qalbkom, jew iddgħajjef il-fidi tagħkom f’Alla. Minflok, itolbu ’l Alla biex jgħinkom. Kabbru l-apprezzament tagħkom għas-Salvatur u kemm tiddependu minnu. Minflok ma tirrabjaw, ħalluh jgħinkom issiru nies aħjar.26 Agħtuh ċans jgħinkom tippersistu, biex tħallu t-tbatija tagħkom “tiġi megħluba mill-ferħ ta’ Kristu.”27 Ingħaqdu miegħu fil-missjoni tiegħu “li jfejjaq lil dawk ta’ qalbhom miksura,”28 li jipprova jnaqqas l-inġustizzja, u ma jħallix persuna tintlaqat mill-ġebel.29
Jiena nixhed li s-Salvatur jgħix. Huwa jifhem kull inġustizzja. Il-marki fil-pali ta’ jdejh kontinwament ifakkruh dwarkom u dwar iċ-ċirkustanzi tagħkom. Hu jimministralkom fit-tbatija kollha tagħkom. Għal dawk li jersqu lejh, kuruna ta’ ġmiel se tieħu post l-irmied tad-dwejjaq; il-ferħ u l-hena se jieħdu post in-niket u l-imrar; l-apprezzament u ċ-ċelebrazzjoni se jieħdu post l-iskoraġġiment u d-disperazzjoni.30 Il-fidi tagħkom f’Missierna fis-Smewwiet u f’Ġesù Kristu se tiġi ppremjata aktar milli tistgħu timmaġinaw. Kull inġustizzja—speċjalment l-inġustizzja infurjanti—se tkun ikkonsagrata għall-aħjar tagħkom. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, amen.