Restawrazzjoni ta’ Kuljum
Neħtieġu infużjoni kontinwa u ta’ kuljum ta’ dawl divin. Neħtieġu “mumenti li fihom niffriskaw lil ruħna.” Mumenti ta’ restawrazzjoni personali.
Ninsabu miġburin f’din l-għodwa mill-isbaħ ta’ Jum il-Mulej biex nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fl-evanġelju tiegħu, u nissapportjaw u nsostnu lil xulxin hekk kif nimxu “fit-triq” tas-Salvatur tagħna.1
Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna ninġabru flimkien għal dan il-għan f’kull Jum il-Mulej, tul is-sena kollha. Jekk int m’intix membru tal-Knisja, nilqgħuk b’imħabba u nirringrazzjawk talli ngħaqadt magħna biex tqim lis-Salvatur u titgħallem dwaru. Bħalek, aħna qed nagħmlu li nistgħu—minkejja li m’aħniex perfetti—biex insiru ħbieb, ġirien, u nies aħjar,2 u nippruvaw nagħmlu dan billi nimxu wara l-Eżemplar tagħna, Ġesù Kristu.
Nittamaw li inti tista’ tħoss is-sinċerità tat-testimonjanza tagħna. Ġesù Kristu jgħix! Hu Iben Alla l-ħaj, u Hu jmexxi lill-profeti fid-dinja fi żmienna. Nistednukom ilkoll biex tiġu, tisimgħu l-kelma ta’ Alla, u tgawdu mit-tjubija tiegħu! Naqsam ix-xhieda personali tiegħi li Alla jinsab fostna u li Hu bla dubju jersaq viċin dawk kollha li jersqu lejh.3
Aħna nikkunsidrawh bħala unur li nimxu magħkom fit-trejqa stretta u dejqa tad-dixxipulat tal-Imgħallem.
L-Arti li Timxi f’Linja Dritta
Teżisti teorija li smajnieha kemm-il darba li n-nies mitlufin joqogħdu jduru fiċ-ċrieki. M’ilux wisq, xjenzati fl-Istitut ta’ Max Planck għaċ-Ċibernetika Bijoloġika ttestjaw dik it-teorija. Huma ħadu numru ta’ parteċipanti ġo foresta tropikali u tawhom struzzjoni sempliċi: “Imxu f’linja dritta.” Ma kien hemm l-ebda marki biex jiggwidawhom fil-mixja tagħhom. Il-parteċipanti kellhom jiddependu biss fuq is-sens tagħhom ta’ direzzjoni.
Kif taħsbu li marru?
Ix-xjenzati kkonkludew, “In-nies verament jibqgħu jduru fi ċrieki meta ma jkollhom l-ebda indikazzjoni affidabbli għad-direzzjoni li jridu jimxu fiha.”4 Meta l-parteċipanti wara ġew mistoqsijin, xi wħud b’kunfidenza ddikjaraw li huma xejn ma ddevjaw mit-triq. Minkejja l-kunfidenza kbira li kellhom, id-dejta tal-GPS kienet turi li huma baqgħu jimxu fi ċrieki ta’ mhux akbar minn 20 metru tond.
Għalfejn insibuha daqstant diffiċli biex nimxu f’linja dritta? Xi riċerkaturi jagħmlu l-ipoteżi li ċerti devjazzjonijiet żgħar li jidhru insinifikanti fit-terren jagħmlu d-differenza. Oħrajn semmew il-fatt li aħna lkoll għandna sieq li hi ftit aktar b’saħħitha mill-oħra. “Il-probabbiltà,” madankollu, għalfejn aħna nsibuha diffiċli biex nimxu f’linja dritta “hi minħabba l-inċertezza dejjem tiżdied dwar id-direzzjoni fejn tinsab it-triq id-dritta.”5
Hi x’inhi l-kawża, hija n-natura umana: li mingħajr ebda marki li jiggwidawna fil-mixja tagħna, aħna nitilfu r-rotta.
Noħorġu ’l Barra mill-Mogħdija
Mhuwiex interessanti l-fatt li ċerti fatturi żgħar li jafu jidhru insinifikanti jistgħu jagħmlu differenza kbira f’ħajjitna?
Jien tgħallimt dan minn esperjenza personali bħala pilota. Kull darba li nkun se nibda bl-inżul f’xi ajruport, kont naf li l-aktar ħaġa li kien ikun baqagħli nagħmel kienet tikkonsisti f’li nagħmel ċerta korrezzjoni żgħira u kostanti ħalli nidderieġi bla periklu l-ajruplan lejn ir-runway li se nkunu neżlin fiha.
Intom tafu tgħaddu minn xi esperjenza simili meta ssuqu xi vettura. Ir-riħ, ċerti irregolaritajiet fit-toroq, ċertu allinjament imperfett tar-rota, u nuqqas ta’ attenzjoni—biex ma nsemmux l-azzjonijiet ta’ sewwieqa oħra—kollha jistgħu jitfgħuk ’il barra mit-triq li ridt tgħaddi minnha. Jekk ma tagħtix każ ta’ dawn il-fatturi taf tispiċċa ħażin.6
Dan japplika għalina fiżikament.
Japplika għalina wkoll spiritwalment.
Ħafna mit-tibdil fil-ħajja spiritwali tagħna—kemm pożittiv kif ukoll negattiv—iseħħ gradwalment, pass pass. Bħall-parteċipanti fl-istudju ta’ Max Planck, aħna nafu ma nirrealizzawx meta nkunu qed niddevjaw mit-triq. Jaf anke nħossuna veru kunfidenti li ninsabu mexjin f’linja dritta. Iżda l-fatt hu li mingħajr l-għajnuna tal-marki li jiggwidawna, aħna inevitabbilment nispiċċaw niddevjaw mit-triq u nispiċċaw f’postijiet li qatt ma bsarna li se nispiċċaw fihom.
Dan hu minnu għal kull individwu. Hu minnu wkoll għas-soċjetajiet u l-ġnus. L-iskrittura mimlija eżempji ta’ dan.
Il-ktieb tal-Imħallfin jgħid li wara li Ġożwè miet “telgħet ġenerazzjoni oħra … li ma kenitx taf il-Mulej u anqas x’għamel il-Mulej għal Iżrael.”7
Minkejja l-interventi, id-dehriet, is-salvataġġi divini tal-għaġeb u r-rebħiet mirakolużi li wlied Iżrael esperjenzaw fi żmien Mosè u Ġożwè, wara biss ġenerazzjoni waħda, il-poplu abbanduna t-Triq u beda jimxi skont ix-xewqat personali tagħhom. U, bla dubju, m’għaddiex wisq żmien qabel huma spiċċaw ħallsu għal dik l-imġiba.
Xi kultant din il-waqgħa sseħħ wara li jgħaddu ġenerazzjonijiet sħaħ. Drabi oħra dan iseħħ wara ftit snin jew saħansitra xhur.8 Iżda aħna lkoll suxxettibbli. Irrispettivament kemm kienu b’saħħithom l-esperjenzi spiritwali tagħna fil-passat, bħala bnedmin aħna lkoll għandna t-tendenza li niddevjaw. Dan minn dejjem kien il-każ minn żmien Adam sal-lum.
Hawn hi l-Aħbar it-Tajba
Iżda mhux kollox mitluf. B’differenza għall-parteċipanti li spiċċaw iduru fit-test li semmejt qabel, aħna lkoll għandna marki li jiggwidawna li nistgħu nużaw ħalli nevalwaw it-triq tagħna.
U x’inhuma dawn il-marki li jiggwidawna?
Bla dubju dawn jinkludu li kuljum nitolbu u nixtarru l-iskrittura u nużaw għodda i+spirata bħal Come, Follow Me. Kuljum, aħna nistgħu navviċinaw it-tron ta’ Alla b’umiltà u onestà. Aħna nistgħu nixtarru għemilna u nagħtu ħarsa lejn il-mumenti tal-jum tagħna—nikkunsidraw ir-rieda u x-xewqat tagħna fid-dawl tiegħu. Jekk aħna ddevvjajna, nitolbu lil Alla biex jirrestawrana, u nikkommettu ruħna biex nagħmlu aħjar.
Dan il-ħin ta’ introspezzjoni huwa opportunità biex nerġgħu nikkalibraw irwieħna. Huwa ġnien ta’ riflessjoni li fih nistgħu nimxu mal-Mulej u niġu mgħallmin, edifikati, u ppurifikati permezz tal-kelma miktuba u żvelata mill-Ispirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu ħin sagru li fih niftakru l-patti solenni tagħna li nimxu wara l-Kristu ġentili, fejn nivvalutaw il-progress tagħna u nallinjaw irwieħna mal-marki spiritwali li jiggwidawna li Alla pprovda għal uliedu.
Ħarsu lejn dan bħala r-restawrazzjoni ta’ kuljumpersonali tagħkom. Fil-vjaġġ tagħna bħala pellegrini fit-triq tal-glorja, aħna nafu kemm hu faċli li naqgħu. Iżda bl-istess mod kif ċerti devjazzjonijiet żgħar jistgħu jbegħduna mit-Triq tas-Salvatur, l-istess jistgħu jerġgħu jeħduna fit-triq ċerti atti żgħar u sempliċi ta’ allinjament mill-ġdid. Meta d-dalma taħkem ħajjitna, kif spiss tagħmel, ir-restawrazzjoni tagħna ta’ kuljum tiftaħ qalbna għad-dawl divin, li jillumina ruħna, ikeċċi d-dellijiet, il-biżgħat, u d-dubji.
Tmun Żgħar, Vapuri Kbar
Jekk infittxuh, bla dubju li “Alla jagħtina l-għarfien permezz tal-Ispirtu s-Santu tiegħu, iva, permezz tad-don li ma jitfissirx bil-kliem tal-Ispirtu s-Santu.”9 Kull darba li nitolbuh, Hu jgħallimna t-Triq u jgħinna nimxu fiha.
Dan, bla dubju, jeħtieġ sforz kontinwu min-naħa tagħna. Aħna ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bl-esperjenzi spiritwali tal-passat. Jeħtieġ li nibqgħu niksbu esperjenzi ġodda.
Ma nistgħux niddependu fuq it-testimonjanzi ta’ ħaddieħor għal dejjem. Jeħtieġ nibnu l-esperjenzi tagħna.
Neħtieġu infużjoni kontinwa u ta’ kuljum ta’ dawl divin.
Neħtieġu “mumenti li fihom niffriskaw lil ruħna.”10 Mumenti ta’ restawrazzjoni personali.
“L-ilma mmewweġ” ma jistax “jibqa’ impur.”11 Biex inżommu ħsibijietna u l-għemejjel tagħna safja, jeħtieġ li nkomplu nitmewġu!
Wara kollox, ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju u tal-Knisja mhijiex xi ħaġa li ġrat darba u daqshekk. Hija proċess kontinwu—jum wara jum, qalb wara l-oħra.
Hekk kif jgħaddu l-jiem, l-istess tgħaddi ħajjitna. Kif kiteb wieħed awtur: “Jum wieħed jixbah ħajja sħiħa. Tibda tagħmel ħaġa, iżda tispiċċa tagħmel xi ħaġa oħra, tippjana biċċa xogħol, iżda qatt ma tlestiha. … U fl-aħħar ta’ ħajtek, l-eżistenza kollha tiegħek għandha wkoll dik l-istess kwalità. Il-ħajja kollha tiegħek għandha l-istess forma ta’ jum wieħed.”12
Trid tibdel il-forma ta’ ħajtek?
Ibdel il-forma tal-jum tiegħek.
Trid tibdel il-forma tal-jum tiegħek?
Ibdel din is-siegħa.
Ibdel dak li qed taħseb, tħoss, u tagħmel f’dan il-mument.
Tmun żgħir jista’ jmexxi vapur kbir.13
Ġebel żgħir jista’ jsir palazz meraviljuż.
Żerriegħa żgħira tista’ ssir siġra ġganteska.
Il-minuti u s-sigħat li ngħadduhom b’mod tajjeb jibnu ħajja mgħixa b’mod tajjeb. Huma jistgħu jispiraw it-tjubija, jelevawna mill-jasar tal-imperfezzjoni, u jmexxuna ’l fuq lejn it-triq feddejja tal-maħfra u l-qdusija.
L-Alla ta’ Bidu Ġdid
Flimkien magħkom, jien noffri l-qalb kollha gratitudni tiegħi għar-rigal meraviljuż ta’ opportunità ġdida, ħajja ġdida, tama ġdida.
Aħna ngħollu leħinna b’tifħir lil Alla tagħna, kollu abbundanza u maħfra. Bla dubju, Huwa Alla ta’ bidu ġdid. It-tmiem sublimi tal-ħidma kollha tiegħu hi li jgħin lilna, uliedu, nirnexxu fit-tfittxija tagħna għall-immortalità u l-ħajja eterna.14
Aħna nistgħu nsiru ħlejjaq ġodda fi Kristu, għax Alla wiegħed, “Kemm-il darba n-nies jindmu jiena naħfrilhom il-ħtijiet tagħhom lejja”15 u “ma niftakarhomx iżjed.”16
Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, aħna lkoll niżżvijjaw minn żmien għall-ieħor.
Iżda nistgħu nerġgħu lura fit-triq. Aħna nistgħu ninnavigaw it-triq tagħna qalb id-dalma u l-isfidi ta’ din il-ħajja u nsibu triqitna lura lejn Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna jekk infittxu u naċċettaw il-marki spiritwali li jiggwidawna illi Huwa pprovda, ngħożżu r-rivelazzjoni personali, u nagħmlu li nistgħu biex nirrestawraw lil ruħna kuljum. Hu b’dan il-mod kif nistgħu nsiru dixxipli vera tal-maħbub Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
U kif nagħmlu dan, Alla jitbissmilna. “Il-Mulej sejjer … ibierkek fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik. U l-Mulej jagħmel minnek poplu kkonsagrat għalih.”17
Li aħna nfittxu r-restawrazzjoni ta’ kuljum u kontinwament nagħmlu li nistgħu biex nimxu fit-Triq ta’ Ġesù Kristu hija t-talba tiegħi. F’isem Ġesù Kristu, amen.