L-Akbar Possessjoni
Ilkoll kemm aħna għandna nersqu lejn Kristu b’impenn bla kompromess lejn l-evanġelju tiegħu.
L-iskrittura titkellem dwar raġel għani u żagħżugħ li, ġera lejn Ġesù, inxteħet għarkupptejh quddiemu u, b’sinċerità ġenwina, staqsa lill-Imgħallem, “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Wara li semma lista sħiħa ta’ kmandamenti li dan il-ġuvni kien ilu jħares b’fedeltà, Ġesù qal lir-raġel biex ibigħ dak kollu li għandu, jagħti ġidu lill-foqra, jerfa’ salibu, u jimxi warajh. Iċ-ċarezza ta’ din id-direttiva wasslet biex dan il-mexxej żagħżugħ biddel il-ħsieb tiegħu, u telaq minn hemm imnikket għaliex, l-iskrittura tgħid, “kien għani ħafna.”1
Ovvjament, din storja importanti twissina dwar l-użu tal-ġid materjali tagħna u l-bżonnijiet tal-foqra. Iżda din hi ultimament storja dwar devozzjoni sħiħa u bla riserva lejn responsabbiltà divina. Bil-ġid materjali jew le, ilkoll kemm aħna għandna nersqu lejn Kristu bl-istess impenn, bla kompromess, lejn l-evanġelju tiegħu, kif kien mistenni minn dan iż-żagħżugħ. Bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ tal-lum, għandna niddikjaraw lilna nfusna “ilkoll ġewwa.”2
Bil-proża karatteristika tant memorabbli tiegħu, C. S. Lewis jimmaġina lill-Mulej jgħidilna xi ħaġa hekk: “Ma rridx … ħinek … [jew] flusek … [jew] ħidmietek [daqs kemm] jien [fil-fatt] irrid lilek. [Dik is-siġra int qed tożbor.] Ma rridx naqta’ fergħa hawn u fergħa hemm, irrid … inqaċċat is-siġra sħiħa. [U dik is-sinna.] Ma rridx nagħmel xi toqba fiha, jew nagħlaqha, jew nimlieha. [Irrid] naqlagħha. Fil-fatt, irridek tagħtini lilek innifsek sħiħ, eżatt kif int. … [U] jien nagħtik lilek innifsek ġdid. Fil-fatt, jien nagħtik lili nnfisi: ir-rieda tiegħi … issir [ir-rieda tiegħek].”3
Dawk kollha li se jitkellmu f’din il-konferenza ġenerali se jkunu lkoll qed jgħidu, b’xi mod jew ieħor, dak li Kristu qal lil dan iż-żagħżugħ għani: “Ejjew għand is-Salvatur tagħkom. Ejjew kompleti u minn qalbkom. Erfgħu salibkom, tqil kemm hu tqil, u imxu warajh.”4 Huma jgħidu dan kollu għax jafu li fis-saltna ta’ Alla, ma jistax ikun hemm nofs miżuri, jew li tibda u tieqaf f’nofs triq, jew li terġa’ tmur lura fejn kont. Lil dawk li talbu permess biex jidfnu lil xi ġenitur li ħalla din id-dinja jew biex għallinqas isellmu lil xi membri oħra tal-familja, it-tweġiba ta’ Ġesù kienet waħda mill-aktar ċara. “Ħallu dan f’idejn ħaddieħor,” Huwa qal. “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”5 Meta aħna nintalbu nwettqu xi ħaġa diffiċli, anke xi ħwejjeġ li huma kontra x-xewqat ta’ qalbna, ftakru li l-lealtà li nwiegħdu lejn il-kawża ta’ Kristu għandha tkun id-devozzjoni suprema ta’ ħajjitna. Minkejja li Isaija jirriassigurana li hi disponibbli “b’xejn u bla ħlas”6—u hekk hi—eħtieġ li nkunu preparati, kif jgħidilna T.S Eliot, li l-prezz tagħha “ma jkunx anqas minn kull ħaġa oħra.”7
Bla dubju, aħna lkoll għandna ċerti vizzji jew dgħjufijiet jew passat personali li jistgħu jżommuna milli ngħoddsu lilna nfusna spiritwalment f’din il-ħidma. Iżda Alla hu Missierna u hu tajjeb immens biex jaħfer u jinsa d-dnubiet li aħna ndimna minnhom, probabbilment għaliex nagħtuh wisq opportunitajiet jippratikka dan. F’kwalunkwe każ, teżisti mħabba divina għal kull wieħed u waħda minna f’kull mument li nħossu li neħtieġu bidla fl-imġiba tagħna. Alla ta lil Sawl “qalb ġdida.”8 Eżekjel talab lin-nies kollha ta’ Iżrael tal-qedem biex iħallu warajhom il-passat tagħhom u “iġeddu… qalbhom u ruħhom.”9 Alma qal li hemm bżonn ta’ “bidla setgħana”10 li twassal biex ir-ruħ tespandi, u Ġesù nnifsu għallem li “jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.”11 Hi ħaġa ċara li l-possibbiltà li wieħed jinbidel u jgħix f’livell aktar elevat minn dejjem kienet wieħed mir-rigali ta’ Alla għal dawk li jfittxuh.
Ħbieb, bħalissa qed niffaċċjaw madwarna kull tip ta’ diviżjonijiet u sottodiviżjonijiet, gruppi u sottogruppi, tribujiet diġitali u identitajiet politiċi, b’ostilità kbira ma’ dan kollu. Tgħid għandna nistaqsu lilna nfusna jekk ħajja “ogħla u aktar qaddisa,”12 biex nuża frażi li uża l-President Russell M. Nelson, għandhiex tkun xi ħaġa li għandna nittamaw għaliha? Meta nagħmlu dan, ikun tajjeb li niftakru f’dak iż-żmien meraviljuż fil-Ktieb ta’ Mormon li fih in-nies ta’ dak iż-żmien staqsew u wieġbu dik il-mistoqsija fl-affermattiv:
“U ġara li ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż … minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’qalb il-poplu.
“U ma kien hemm l-ebda għira, l-ebda ġlied, … jew xi tip ta’ nuqqas ta’ rażan; u bla dubju ma kienx hawn poplu aktar kuntent fost il-popli kollha li ġew maħluqa minn id Alla.
“La kien hemm ħallelin, la qattiela, lanqas ma kien hemm Lamaniti, jew xi forma ta’ -iti; iżda kienu kollha ħaġa waħda, ulied Kristu, u werrieta tas-saltna ta’ Alla.
“U O, kemm kienu mberkin!”13
X’inhu s-sigriet għal din l-iskopertà biex ngħixu ħajja kuntenta u ferħana? Tinsab inkorporata fil-kliem li nsibu f’sentenza waħda: “L-imħabba ta’ Alla … kienet tgħammar f’qalb il-poplu.”14 Meta l-imħabba ta’ Alla tibda tiddomina ħajjitna, ir-relazzjonijiet tagħna bejnietna u ultimament is-sentimenti tagħna lejn l-umanità, imbagħad id-distinzjonijiet tal-passat, it-tikketti li jillimitawna, u d-diviżjonijiet artifiċjali jibdew jogħsfru, u l-paċi tagħna tikber. Dan hu preċiżament dak li ġara fl-eżempju li rajna mill-Ktieb ta’ Mormon. Ma kienx għad baqa’ Lamaniti, jew Ġakobbin, jew Ġużeppin, jew Żoramiti. Ma kien baqa’ l-ebda “-iti jew -in”. In-nies bdew iħarsu lejhom infushom biss permezz ta’ identità traxxendenti. Hemm miktub li lkoll kellhom ikunu magħrufa bħala “ulied Kristu.”15
Bla dubju, aħna hawn qed nitkellmu dwar l-ewwel kmandament kbir mogħti lill-familja umana—li tħobb lil Alla b’qalbek kollha, mingħajr riserva jew kompromess, jiġifieri b’qalbna kollha, bil-qawwa tagħna kollha u b’moħħna kollu.16 Din l-mħabba ta’ Alla hija l-ewwel kmandament kbir fl-univers. Iżda l-ewwel verità kbira fl-univers hi li Alla jħobbna sewwasew b’dak il-mod—b’qalbu kollha, mingħajr kompromess, b’ qalbu kollha, b’ moħħu kollu u bil-qawwa u s-setgħa tiegħu kollha. U meta dawk il-forzi maestużi minn qalbu u minn qalbna jiltaqgħu flimkien mingħajr trażżin, ikun hemm splużjoni vera ta’ qawwa spiritwali u morali. Imbagħad, kif kiteb Teilhard de Chardin, “għat-tieni darba fl-istorja tad-dinja, il-bniedem ikun skopra n-nar.”17
Ikun sewwasew f’dak il-mument, u f’dak il-mument biss li aħna nkunu nistgħu b’mod effettiv inħarsu t-tieni kmandament kbir b’mod li mhuwiex superfiċjali jew trivjali. Jekk inħobbu lil Alla biżżejjed li nippruvaw inkunu kompletament fidili lejh, Hu jagħtina l-abbiltà, il-kapaċità, ir-rieda, u l-mezz kif nistgħu nħobbu lil għajrna u lilna nfusna. Jista’ jkun li mbagħad inkunu nistgħu nerġgħu ngħidu, “Verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqin minn id Alla.”18
Ħuti, nitlob li aħna nirnexxu fejn ma rnexxiex dak ir-raġel żagħżugħ u għani, li nerfgħu s-salib ta’ Kristu, minkejja li jaf jistenna ħafna minna, minkejja l-konsegwenza u minkejja l-prezz. Jiena nixhed li meta aħna nwiegħdu li se nimxu warajh, il-triq, b’xi mod jew ieħor, se tgħaddi minn ħden kuruna tax-xewk u salib Ruman mill-aktar kiefer. Irrispettivament kemm kien sinjur dak il-mexxej żagħżugħ, hu ma kienx sinjur biżżejjed biex jixtri t-triq tiegħu lura permezz ta’ dawk is-simboli, u lanqas aħna. Għall-barka li nirċievu l-akbar fost kull ħaġa li nistgħu nipposedu—ir-rigal tal-ħajja eterna—hi ħaġa naħseb ġustifikata li niġu mitlubin li nibqgħu fit-triq mexjin wara l-Qassis il-Kbir tal-Professjoni tagħna, il-Kewkba ta’ Filgħodu, l-Avukat, u s-Sultan tagħna. Jiena nixhed flimkien ma’ Għamaleki tal-qedem li lkoll kemm aħna għandna “noffru ruħna kollha bħala offerta lilu.”19 Dwar din it-tip ta’ devozzjoni determinata u kostanti aħna nkantaw:
Faħħar l-għolja; għajnejja fissi fuqha:
L-għolja tal-imħabba feddejja tiegħek. …
Hawn hi qalbi, ħudha u ssiġillaha;
Issiġillaha għall-btieħi tiegħek fis-sema.20
Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.