Konferenza Ġenerali
In-Natura Divina u d-Destin Etern Tagħkom
konferenza ġenerali April 2022


In-Natura Divina u d-Destin Etern Tagħkom

Nistedinkom biex tiċċentraw ħajjitkom fuq Ġesù Kristu u tiftakru l-veritajiet fundamentali li nsibu fit-tema tat-Tfajliet.

Għeżież ħuti, grazzi talli tinsabu hawnhekk. Kemm inħossni onorat li qed nieħu sehem f’din is-sessjoni tan-nisa tal-konferenza ġenerali. Xi kultant jien ikolli wkoll il-privileġġ li nattendi l-klassijiet tat-Tfajliet. Iżda ppermettuli niċċara dak li hu ovvju—jien la jien żagħżugħ u lanqas ma jien mara! Madankollu, jien tgħallimt li stajt inħossni anqas ħuta barra mill-ilma jekk flimkien mat-tfajliet niddeklama t-tema tat-Tfajliet. Id-duttrina profonda mgħallma fit-tema tat-Tfajliet1 hi importanti għat-tfajliet, iżda tapplika għal kulħadd, inkluż dawk fostna li mhumiex tfajliet.

It-tema tat-Tfajliet tibda, “Jiena bint għażiża ta’ ġenituri tas-smewwiet, b’natura divina u destin etern.”2 F’din id-dikjarazzjoni nsibu erba’ veritajiet importanti. L-ewwel, inti bint għażiża. Xejn minn dak li tagħmel—jew ma tagħmilx—ma jista’ jibdel dan. Alla jħobbok għax int il-bint spiritwali tiegħu. Xi kultant nafu ma nħossux imħabbtu, iżda mħabbtu dejjem hemm għalina. L-imħabba ta’ Alla hi perfetta.3 L-abbiltà tagħna li nħossu fina dik l-imħabba, mhijiex.

L-Ispirtu jilgħab irwol kruċjali fil-mod kif iwasslilna l-imħabba ta’ Alla.4 Madankollu, l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu tista’ tiġi “oskurata permezz ta’ ċerti emozzjonijiet qawwija, bħar-rabja, il-mibegħda, … [jew] il-biża’ … bħal meta tipprova ttiegħem it-togħma delikata tal-għeneb waqt li tiekol il-bżar jaħraq . … Togħma minnhom toqtol għal kollox it-togħma l-oħra.”5 Bl-istess mod, l-imġiba li tbegħidna mill-Ispirtu s-Santu, inkluż id-dnub6 tagħmilha diffiċli għalina li nagħrfu l-imħabba ta’ Alla għalina.

Hekk ukoll, is-sens tagħna tal-imħabba ta’ Alla jaf jiddgħajjef permezz ta’ ċirkustanzi diffiċli u mard fiżiku u mentali, fost ħwejjeġ oħra. F’dawn il-każijiet, il-parir ta’ mexxejja jew professjonisti li nafdaw fihom jista’ jkun ta’ benefiċċju. Nistgħu wkoll nippruvaw intejbu r-riċettività tagħna għall-imħabba ta’ Alla billi nistaqsu lilna nfusna, “L-imħabba tiegħi għal Alla hi waħda kostanti jew inħobbu biss fil-jiem li kollox ikun sew, iżda mhux daqstant fil-jiem diffiċli?”

It-tieni verità hi li aħna għandna ġenituri tas-smewwiet, missier u omm.7 Id-duttrina ta’ Ommna fis-Smewwiet ġejja minn rivelazzjoni u hi twemmin distintiv fost il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Il-President Dallin H. Oaks spjega l-importanza ta’ din il-verità: “It-teoloġija tagħna tibda b’ġenituri tas-smewwiet. L-ogħla aspirazzjoni tagħna hi li nkunu bħalhom.”8

Ftit li xejn ġie żvelati dwar Ommna fis-Smewwiet, iżda dak li nafu jinsab fi ftit kliem f’suġġett tal-evanġelju li nsibu fl-applikazzjoni tal-Librerija tal-Evanġelju tagħna.9 Ladarba taqra dak li hemm hemm, int tkun taf kull ħaġa li naf jien dwar is-suġġett. Nixtieq li naf aktar. Intom ukoll tafu li għad għandkom mistoqsijiet u tridu ssibu aktar tweġibiet. Li nfittxu għarfien akbar hija parti importanti tal-iżvilupp spiritwali tagħna, iżda jekk jogħġobkom oqogħdu attenti. Ir-raġuni ma tistax tieħu post ir-rivelazzjoni.

L-ispekulazzjoni ma twassalx għal għarfien spiritwali akbar, iżda tista’ twassalna għall-qerq jew li tiddevja l-attenzjoni tagħna minn dak li ġie żvelat.10 Per eżempju, is-Salvatur għallem lid-dixxipli tiegħu, “Itolbu dejjem lill-Missier f’ismi.”11 Aħna nimxu wara dan il-mudell u nidderieġu l-qima tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet f’isem Ġesù Kristu u ma nitolbux lil Ommna fis-Smewwiet.12

Sa minn meta Alla ħatar il-profeti, huma ġew awtorizzati biex jitkellmu f’ismu. Iżda huma ma jħabbru l-ebda duttrina ffabbrikata “skont kif jaħsbuha”13 jew jgħallmu dak li ma ġiex żvelat. Ikkunsidraw kliem il-profeta Balgħam mit-Testment il-Qadim, li kienu lesti jxaħħmuh biex huwa jisħet lill-Iżraelin f’isem Mowab. Balgħam qal: “Mqar jekk [is-sultan ta’ Mowab] jagħtini l-fidda u d-deheb b’kemm tasa’ daru, jien ma stajtx nikser il-kelma tal-Mulej Alla tiegħi, u nagħmel xi ħaġa, la kbira u la żgħira.”14 Il-profeti tal-aħħar żmien huma marbuta bl-istess mod. Li ninsistu biex niksbu aktar rivelazzjoni mingħand Alla hi ħaġa arroganti u mhux produttiva. Minflok, aħna għandna nistennew biex il-Mulej fl-orarju tiegħu jiżvela l-veritajiet tiegħu permezz tal-mezzi li stabbilixxa Hu.15

It-tielet verità fl-ewwel paragrafu fit-tema tat-Tfajliet tgħid li aħna għandna “natura divina.” Dan hu intrinsiku għal dak li aħna. Hija “ġenetika” spiritwali li writna mingħand il-ġenituri tagħna tas-smewwiet16 u ma teħtieġ l-ebda sforz min-naħa tagħna. Din hi l-aktar identità importanti tagħna, irrispettivament b’liema mod nagħżlu li nidentifikaw ruħna. Li nifhmu din il-verità profonda hu importanti għal kulħadd speċjalment għal dawk l-individwi li huma parti minn gruppi li storikament kienu dejjem emarġinati, maħqura, jew imjassra. Ftakru li l-aktar identità importanti tagħkom tikkonċerna n-natura divina tagħkom bħala wlied Alla.

Ir-raba’ verità hi li aħna għandna “destin etern.” Dan it-tip ta’ destin mhux se jiġi impost fuqna. Wara l-mewt, aħna nirċievu dak li kkwalifikajna għalih u se “ngawdu biss dak li lesti nirċievu.”17 Li nirrealizzaw id-destin etern tagħna jiddependi mill-għażliet tagħna. Jeħtieġ minna li nagħmlu u nħarsu l-patti sagri. Din it-triq tal-patt hija l-mod kif nersqu lejn Kristu u hi bbażata fuq verità assoluta u liġi eterna li ma tinbidilx. Ma nistgħux noħolqu patt aħna stess u nistennew li niksbu dak li wegħedna Alla. Li nistennew il-barkiet tiegħu waqt li ma nimxux skont il-liġijiet eterni li huma marbuta magħhom18 hi ħaġa żbaljata, bħallikieku naħsbu li nistgħu mmissu stufa taħraq u “niddeċiedu” li ma ninħarqux.

Probabbilment tafu li jien kont nikkura pazjenti bi problemi tal-qalb. L-aqwa riżultati kienu jinkisbu billi jimxu fuq pjanijiet ta’ trattament stabbiliti u bbażati fuq evidenza. Minkejja li kienu jafu dan, xi pazjenti kienu jippruvaw jinnegozzjaw pjan ta’ trattament differenti. Huma jgħidu, “Ma rridx nieħu daqstant pilloli” jew “ma rridx nattendi daqshekk testijiet ta’ segwitu.” Bla dubju, il-pazjenti huma ħielsa li jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom, iżda jekk huma jiddevjaw minn ċerti pjanijiet ta’ trattament ottimali, ir-riżultat ma jkunx dak mixtieq. Pazjenti bi problemi tal-qalb ma jistgħux jagħżlu mod inferjuri u mbagħad jitfgħu t-tort ta’ riżultat inferjuri fuq il-kardjologu tagħhom.

L-istess nistgħu ngħidu għalina nfusna. It-triq li ordnalna ngħaddu minnha Missierna fis-Smewwiet twassalna għall-aqwa riżultati eterni. Aħna ħielsa li nagħżlu, iżda ma nistgħux nagħżlu l-konsegwenzi ta’ meta ma nimxux fit-triq żvelata.19 Il-Mulej qal, “Dawk li jiksru l-liġi u ma jgħixux skont il-liġi, iżda jfittxu li jagħmlu l-liġi tagħhom, … ma jistgħux jitqaddsu permezz tal-liġi, lanqas permezz tal-ħniena, tal-ġustizzja, jew tal-ħaqq.”20 Ma nistgħux niddevjaw mit-triq ta’ Missierna fis-Smewwiet u mbagħad nagħtuh tort għal riżultati inferjuri.

It-tieni paragrafu fit-tema tat-Tfajliet jgħid: “Bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, nagħmel l-almu tiegħi biex insir nixbhu. Jiena nfittex u naġixxi skont ir-rivelazzjoni personali u nimministra lill-oħrajn fl-isem imqaddes tiegħu.” Aħna nistgħu niżviluppaw testimonjanza ta’ Ġesù Kristu billi naġixxu b’fidi.21 Aħna nistgħu niksbu d-don spiritwali “li nkunu nafu li Ġesù Kristu hu Iben Alla, u li hu ġie msallab għad-dnubiet tad-dinja.” Jew nistgħu nirċievu d-don li nemmnu l-kliem ta’ dawk li jafu dan,22 sakemm insiru nafu għalina nfusna. Aħna nistgħu nimxu wara t-tagħlim tas-Salvatur u ngħinu lil ħaddieħor jersaq lejh. B’dan il-mod, aħna ningħaqdu miegħu f’ħidmietu.23

It-tema tat-Tfajliet tkompli, “Jiena se nieqaf bħala xhud ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u kullimkien.” Il-membri kollha tal-Knisja huma meħtieġa bħala xhieda ta’ Alla,24 għalkemm l-Appostli u s-Sebgħinijiet huma kkummissjonati bħala xhieda speċjali f’isem Kristu.25 Immaġinaw partita futbol li fiha jkun il-gowler biss li jipproteġi l-lasta. Mingħajr l-għajnuna tal-plejers l-oħra fit-tìm, il-gowler ma jkunx kapaċi jiddefendi sewwa l-lasta u t-tìm jispiċċa jitlef dejjem. Bl-istess mod, kulħadd bżonjuż fit-tim tal-Mulej.26

L-aħħar paragrafu tat-tema tat-Tfajliet jibda, “Hekk kif nagħmel l-almu tiegħi biex nikkwalifika għall-eżaltazzjoni, jiena ngħożż id-don tal-indiema u nfittex li nitjieb kuljum.” Minħabba s-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur, aħna nistgħu nindmu, nitgħallmu mill-iżbalji tagħna, u ma nħalluhomx jikkundannawna. Il-President Russell M. Nelson għallem: “Huma ħafna n-nies li jħarsu lejn l-indiema bħala kastig. … Iżda dan is-sentiment li niġu penalizzati ġej minn Satana. Huwa jipprova jibblokkana milli nħarsu lejn Ġesù Kristu, li jinsab wieqaf b’dirgħajh miftuħa, li qed jittama u jinsab lest biex ifejjaqna, jaħfrilna, inaddafna, isaħħaħna, isaffina u jqaddisna.”27

Meta b’sinċerità nindmu, ma tibqa’ fuqna l-ebda ferita spiritwali, irrispettivament x’għamilna, kemm kienet ħaġa serja, jew kemm-il darba rrepetejnieha.28 Kull darba li aħna nindmu u nfittxu l-maħfra b’intenzjoni ġenwina, aħna niġu maħfura.29 X’don meraviljuż mingħand is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu!30 L-Ispirtu s-Santu jista’ jassigurana li ġejna maħfurin. Hekk kif inħossu fina l-hena u l-paċi,31 ma nibqgħux inħossuna ħatja,32 u ma nibqgħux aktar itturmentati minn dnubietna.33

Anke wara li sinċerament nindmu, madankollu, xorta nistgħu naqgħu. Li naqgħu ma jfissirx li l-indiema kienet inadegwata iżda sempliċiment jaf jirrifletti d-dgħufija umana. Kemm hi ħaġa ta’ faraġ li nafu li “l-Mulej iħares lejn id-dgħufija b’mod differenti milli jħares lejn ir-ribelljoni.” M’għandniex niddubitaw l-abbiltà tas-Salvatur li jgħinna fid-dgħufija tagħna għax “meta l-Mulej jitkellem dwar id-dgħjufija tagħna, dejjem jagħmel dan bi ħniena.”34

It-tema tat-Tfajliet tagħlaq, “B’fidi, jiena nsaħħaħ id-dar u l-familja tiegħi, nagħmel u nħares patti sagri, u nirċievi l-ordinanzi u l-barkiet tat-tempju mqaddes.” Li nsaħħu d-dar u l-familja jaf ifisser li noħolqu l-ewwel ħolqa f’katina ta’ fedeltà, immexxu ’l quddiem legat ta’ fidi, jew nirrestawrawha.35 Nagħmlu x’nagħmlu, il-qawwa niksbuha permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu u billi nagħmlu patti sagri.

Fit-tempju, nitgħallmu min aħna u fejn konna. Il-filosofu Ruman Ċiċerun qal, “Li ma jkollokx għarfien ta’ x’ġara qabel ma twelidt hu li tibqa’ dejjem tifel.”36 Hu, bla dubju, kien qed jirreferi għall-istorja sekulari, iżda din l-osservazzjoni astuta nistgħu nestenduha. Aħna ngħixu bħal tfal perpetwi jekk ma jkollniex għarfien tal-perspettiva eterna li niksbu fit-tempji. Hemmhekk nikbru fil-Mulej, “nirċievu milja tal-Ispirtu s-Santu,”37 u nikbru aktar fl-impenn tagħna bħala dixxipli tas-Salvatur.38 Hekk kif inħarsu l-patti tagħna, aħna nirċievu l-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna.39

Nistedinkom biex tiċċentraw ħajjitkom fuq Ġesù Kristu u tiftakru l-veritajiet fundamentali li nsibu fit-tema tat-Tfajliet. Jekk tħalluh, l-Ispirtu s-Santu jiggwidakom. Missierna fis-Smewwiet iridkom issiru l-werrieta tiegħu u tirċievu dak kollu li għandu.40 Ma jistax joffrilkom aktar minn hekk. Ma jistax iwegħidkom aktar minn hekk. Hu jħobbkom aktar milli timmaġinaw u jridkom tkunu ferħanin f’din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. See Bonnie H. Cordon, “Beloved Daughters,” Liahona, Nov. 2019, 67; “Tema tat-Tfajliet,,” ChurchofJesusChrist.org.

  2. Ara wkoll “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ChurchofJesusChrist.org.

  3. Ara Rumani 8:35, 38–39.

  4. Ara Galatin 5:22.

  5. Richard G. Scott, “To Acquire Spiritual Guidance,” Liahona, Nov. 2009, 8. Il-jalapeño huwa bżar jaħraq ta’ daqs medju li ġej mill-ispeċi Capsicum annuum.

  6. Ara Mosiah 2:36.

  7. Ara Gospel Topics, “Heavenly Parents,” topics.ChurchofJesusChrist.org.

  8. Dallin H. Oaks, “Apostasy and Restoration,” Ensign, Mejju 1995, 87; ara wkoll Doctrine and Covenants 131:1–4; 132:19. In-nisa u l-irġiel ma jistgħux jiġu eżaltati mingħajr xulxin.

  9. Ara Gospel Topics, “Heavenly Parents.” Sors ieħor li jipprovdilna informazzjoni dwar dan is-suġġett hija l-essej tas-Suġġetti tal-Evanġelju “Mother in Heaven” (topics.ChurchofJesusChrist.org).

  10. Anke mistoqsijiet sinċiera dwar veritajiet li għadhom ma ġewx żvelati jew żvelati għal kollox jistgħu jwassluna biex inħarsu “lil hinn mis-sinjal” (Jacob 4:14). B’mod partikolari, jeħtieġ nafdaw “b’fiduċja sħiħa fil-merti ta’ dak li hu qawwi biex isalva” (2 Nefi 31:19), Ġesù Kristu. Li nissuġġerixxu l-ħtieġa għal xi ħaġa aktar milli Ġesù Kristu jista’ joffri effettivament inaqqas l-ambitu u l-qawwa tal-Espjazzjoni infinita tiegħu. Meta nagħmlu dan aħna niddevjaw l-attenzjoni tagħna mill-aqwa “sors li lejh għandna nħarsu għall-maħfra ta’ dnubietna” (2 Nefi 25:26).

  11. 3 Nephi 18:19.

  12. Ara, per eżempju, Russell M. Nelson, “Lessons from the Lord’s Prayers,” Liahona, Mejju 2009, 47.

  13. Numri 16:28.

  14. Numri 22:18.

  15. Ara Doctrine and Covenants 28:2–7.

  16. Ara Gospel Topics, “Heavenly Parents.”

  17. Doctrine and Covenants 88:32.

  18. Ara Doctrine and Covenants 130:20–21.

  19. Ara 2 Nefi 2:5, 16, 26–27.

  20. Doctrine and Covenants 88:35.

  21. Ara Russell M. Nelson, “Kristu Qam; Il-Fidi Fih Twarrab il-Muntanji,” Liahona, Mejju 2021, 101–4.

  22. Ara Doctrine and Covenants 46:13–14.

  23. Ara General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 4.1, ChurchofJesusChrist.org.

  24. Ara Mosiah 18:9.

  25. Ara Doctrine and Covenants 27:12; 107:23, 25; 124:138–39.

  26. Ħadd mhu mitlub jagħmel kollox, iżda kull min lest jagħmel xi ħaġa, jagħmilha. Barra minn hekk, lil min għandu r-rieda Alla jagħtih l-abbiltà, iżda lil min għandu l-abbiltà ma jistax jagħtih ir-rieda.

  27. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67.

  28. Joseph Smith għallem: “M’hawn l-ebda żmien meta l-ispirtu huwa ’l bogħod wisq biex idur lejn Alla. Ilkoll ninsabu f’punt li nistgħu niksbu l-ħniena tal-maħfra. … Din id-duttrina tidher glorjuża, b’tali mod li turi l-kobor tal-kompassjoni u l-benevolenza divina fl-estensjoni tal-pjan tas-salvazzjoni umana. Din il-verità glorjuża twassal saħansitra biex tkabbar l-għarfien, u ssostni r-ruħ li tinsab fl-inkwiet, fid-diffikultà u fit-tbatija” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 471). Ara wkoll Boyd K. Packer, “Il-Pjan ta’ Ferħ,” Liahona, Mejju 2015, 28.

  29. Ara Mosiah 26:29–30; Moroni 6:8; Doctrine and Covenants 58:42–43.

  30. Ara Moroni 7:27–28. Notevolment, l-Imħallef tagħna huwa wkoll l-Avukat tagħna.

  31. Ara Mosiah 4:3.

  32. Ara Enos 1:6.

  33. Ara Alma 36:19.

  34. Richard G. Scott, “Qawwa Personali permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu,” Liahona, Nov. 2013, 83. Li kuxjenzjożament nippjanaw dnub bi pjan insensittiv li nindmu wara—fi kliem ieħor, indiema ppjanata minn qabel—hija ħaġa repulsiva għall-Mulej. Dawk li jagħmlu dan “jerġgħu jsallbu lill-Iben ta’ Alla” (ara Lhud 6:4–6). Għandna nikkunsidraw din it-twissija: “Għax jekk wara li ħadna t-tagħrif sħiħ tal-verità nidinbu minn rajna, ma hemmx sagrifiċċju ieħor għad-dnub xi jsir, iżda jibqgħalna biss li nistennew bil-biża’ l-ġudizzju u l-ħuġġieġa nar” (Lhud 10:26–27).

  35. Ara Isaija 58:12–14.

  36. Marcus Tullius Cicero, Oratur, trad. H. M. Hubbell, kapitlu 34, sezzjoni 120; f’ Cicero (1971), 5:395.

  37. Ara Doctrine and Covenants 109:15.

  38. Ara Doctrine and Covenants 109:22.

  39. Ara Doctrine and Covenants 84:19–20.

  40. Ara Doctrine and Covenants 84:36–38.

Ipprintja