Konferenza Ġenerali
It-Triq tal-Patt: It-Triq għall-Ħajja Eterna
konferenza ġenerali April 2022


It-Triq tal-Patt: It-Triq għall-Ħajja Eterna

It-triq għall-perfezzjoni hija t-triq tal-patt, u Ġesù Kristu huwa ċ-ċentru tal-ordinanzi u l-patti kollha.

Sultan potenti xtaq li ibnu jsaltan fuq waħda mis-saltniet tiegħu. Kien jeħtieġ li l-prinċep jitgħallem u jikber fl-għerf biex ipoġġi fuq it-tron. Jum fost l-oħrajn, is-sultan ltaqa’ mal-prinċep u qallu bil-pjan tiegħu. Iddeċidew li l-prinċep kellu jmur f’belt differenti u hemmhekk jikseb l-eperjenzi. Kellu jseffaq wiċċu ma’ sfidi u kellu wkoll igawdi ħafna affarjiet hemmhekk. Is-sultan mbagħad bagħtu lejn il-belt, fejn il-prinċep kellu juri l-lealtà tiegħu għas-sultan u li huwa kien tajjeb biżżejjed biex jirċievi l-privileġġi u r-responsabbilitajiet li s-sultan kien ħejja għalih. Il-prinċep ngħata d-dritt li jagħżel li jirċievi dawn il-privileġġi u responsabbiltajiet jew inkella li jiċħadhom, skont ix-xewqat u lealtà tiegħu. Ċert li tridu tkunu tafu xi ġralu l-prinċep. Tgħid irritorna biex jiret is-saltna?

Għeżież ħuti, kull wieħed u waħda minna huwa prinċep jew prinċipessa. Aħna ntbagħatna fil-mortalità minn Missier fis-Smewwiet, li hu kollu mħabba, biex ingawdu l-barka ta’ ġisem li kellu jsir immortali permezz tal-Espjazzjoni u l-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù Kristu. Aħna mistennija li nħejju ruħna biex nirritornaw fil-preżenza ta’ Alla billi nuru li se “nagħmlu dak kollu li l-Mulej Alla [tagħna] se jikkmanda[na]” (Abraham 3:25).

Biex jgħinna, is-Salvatur ġie biex jifdina u juri t-triq biex nirritornaw għand Alla. Ulied Alla huma mistiedna li jiġu għand is-Salvatur u jiġu pperfezjonati fih. Fl-iskrittura, aħna nsibu l-istedina għalina biex immorru għand il-Mulej mtennija iktar minn 90 darba, u iżjed minn nofshom huma stediniet personali mill-Mulej innifsu. Li naċċettaw l-istedina tas-Salvatur ifisser li nieħdu sehem fl-ordinanzi tiegħu u li nżommu l-patti tagħna miegħu. Ġesù Kristu huwa “it-triq, il-verità, u l-ħajja” (Ġwanni 14:6), u Hu jistedinna “lkoll biex immorru għandu u ngawdu mit-tjubija tiegħu; u hu ma jirrifjuta lil ħadd li jmur għandu” (2 Nefi 26:33).

Li nitgħallmu u ngħallmu l-evanġelju jsaħħaħ il-konverżjoni tagħna lejn il-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu u jgħinna nsiru iktar bħalhom. Anki jekk mhux il-ħwejjeġ kollha ġew żvelati dwar “iż-żmien preċiż u l-mod preċiż meta l-barkiet tal-eżaltazzjoni [se] jingħataw,” aħna xorta waħda ninsabu assigurati minnhom (M. Russell Ballard, “Tama fi Kristu,” Liahona, Mejju 2021, 55).

Alma, il-qassis il-kbir, huwa u jgħallem fl-art ta’ Żaraħemla, irrakkonta stedina profonda minn Ġesù Kristu:

“Ara, huwa jibgħat stedina lill-bnedmin kollha, għaliex dirgħajn il-ħniena huma lesti biex jilqgħuhom, u jgħid: Indmu, u jien nilqagħkom.

“Tassew, huwa jgħid: Ejjew għandi u intom tieklu mill-frott tas-siġra tal-ħajja” (Alma 5:33–34).

Is-Salvatur innifsu jistedinna biex mmorru għandu u nieħdu l-madmad tiegħu fuqna sabiex ikollna s-serħan f’din il-ħajja kaotika (ara Matthew 11:28–29). Aħna nersqu lejn Kristu billi “neżerċitaw il-fidi [fih], nindmu kuljum, nagħmlu l-patti ma’ Alla hekk kif nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni, u nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar billi nżommu dawk il-patti” (General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 1.2.1, ChurchofJesusChrist.org). It-triq għall-perfezzjoni hija t-triq tal-patt, u Ġesù Kristu huwa ċ-ċentru tal-ordinanzi u l-patti kollha.

Is-Sultan Benjamin għallem li minħabba l-patti li nagħmlu, aħna nsiru wlied Kristu, li spiritwalment nissilna, u f’ismu aħna niġu magħmulin ħielsa, għaliex “l-ebda isem ieħor ma ġie mogħti li permezz tiegħu tasal is-salvazzjoni” (ara Mosiah 5:7–8). Aħna niġu salvati hekk kif nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar billi nimxu “wara l-eżempju ta’ Iben Alla l-ħaj” (2 Nefi 31:16). Nefi ta parir li dan kollu ma jsirx billi wieħed sempliċiment jidħol fit-triq stretta u dejqa; aħna ”għandna nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu, b’tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha” (ara 2 Nefi 31:19–20).

Id-duttrina ta’ Kristu tgħinna nsibu u nibqgħu fit-triq tal-patt, u l-evanġelju huwa rranġat b’tali mod li l-barkiet mwegħdin tal-Mulej jinkisbu permezz ta’ ordinanzi u patti sagri. Il-profeta ta’ Alla, il-President Russell M. Nelson, fix-xandira tiegħu fis-16 ta’ Jannar, 2018, wissiena biex “inkomplu mexjin fit-triq tal-patt. L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti miegħu u mbagħad iżżommu dawk il-patti jwassal biex jinfetaħ il-bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli għall-irġiel, għan-nisa, u għat-tfal kollha madwar id-dinja. … L-għan aħħari li lkoll qed nippruvaw nilħqu hu li nkunu ddotati bil-qawwa f’dar tal-Mulej, niġu ssiġillati bħala familji, u nkunu fidili lejn il-patti li aħna nagħmlu fit-tempju li jikkwalifikawna għall-akbar rigal ta’ Alla—li hu l-ħajja eterna” (“As We Go Forward Together,” Liahona, Apr. 2018, 7).

Alla la se jabbanduna r-relazzjoni tiegħu ma’ kull min iżomm b’fedeltà l-patti, u lanqas mhu se jċaħħdu mill-barkiet imwegħdin ta’ ħajja eterna. U hekk kif aħna nonoraw il-patti sagri, aħna nersqu iktar qrib is-Salvatur. Il-Presbiteru David A. Bednar ilbieraħ għallimna li l-patti u l-ordinanzi tal-evanġelju joperaw f’ħajjitna bħal boxxla biex jagħtuna d-direzzjoni kardinali biex nersqu lejn Kristu u nsiru iktar bħalu.

Il-patti juruna t-triq lura lejn Alla. L-ordinanzi tal-magħmudija u tal-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu, l-ordinazzjoni tas-saċerdozju, u s-sagrament jmexxuna lejn it-tempju tal-Mulej biex ngawdu l-ordinanzi tiegħu tal-eżaltazzjoni.

Nixtieq insemmi żewġ affarjiet li s-Salvatur tagħna emfasizza biex jgħinna nżommu l-patti b’fedeltà:

  1. L-Ispirtu s-Santu jista’ jgħallimna, ifakkarna fit-tagħlim tas-Salvatur, u jkun magħna għal dejjem (ara Ġwanni 14:16, 26). Huwa jista’ jkun is-sieħeb kostanti tagħna biex jiggwidana fit-triq tal-patt. Il-President Russell M. Nelson għallimna li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu” (“Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96).

  2. Is-Salvatur waqqaf l-ordinanza tas-sagrament sabiex aħna nkunu nistgħu niftakru dejjem fih u jkollna l-Ispirtu tiegħu magħna. Il-magħmudija tiftaħ il-bieb għall-ħajja eterna, u s-sagrament jgħinna biex b’mod sod nimxu dejjem ’il quddiem tul it-triq tal-patt. Hekk kf nieħdu s-sagrament, dan ikun testimonjanza lill-Missier li aħna se niftakru dejjem f’Ibnu. U hekk kif dejjem niftakru fih u nħarsu l-kmandamenti tiegħu, aħna jkollna l-Ispirtu tiegħu magħna. Flimkien ma’ din il-wegħda, il-Mulej iġedded il-maħfra mwiegħda tad-dnub hekk kif b’umiltà nindmu minn dnubietna.

Filwaqt li nibqgħu fidili lejn il-patti tagħna, jeħtiġilna nistinkaw biex dejjem ikollna l-Ispirtu jħejjina ħalli b’mod denn nieħdu sehem fis-sagrament, u bl-istess mod, aħna regolarment nieħdu sehem fis-sagrament biex ikollna dejjem l-Ispirtu magħna.

Meta t-tifla tagħna kellha ħames snin, kellha karozza żgħira bil-batterija, u l-gost tagħha ssuqha madwar id-dar. Darba filgħaxija ġiet fuqi u qalti, “Papà, il-karozza tiegħi mhix taħdem. Mhux aħjar inġibu ftit petrol mill-karozza tiegħek biex nitfgħuh fiha ħalli terġa’ tibda taħdem? Forsi, biex taħdem, għandha bżonn petrol bħall-karozza tiegħek.”

Wara, jien innutajt li kienet waqgħetilha l-batterija, u allura għidtilha li fi żmien siegħa l-karozza terga’ tibda taħdem. B’eċċitament kbir fuqha, qalet “Tajjeb!” Ħa neħduha għand tal-petrol.” Jien sempliċiment qabbadt il-batterija mad-dawl biex tiċċarġja, u wara siegħa setgħet issuqha, issa li l-batterija kienet iċċarġjata. Iktar tard, hi fehmet li huwa importanti li dejjem tirriċarġja l-batterija billi tqabbadha mad-dawl.

L-istess kif bintna tgħallmet ir-relazzjoni bejn il-batterija u d-dawl biex issuq il-karozza tal-logħob, aħna wkoll nitgħallmu dwar Ġesù Kristu, is-sagrament, u l-Ispirtu. Aħna neħtieġu l-Ispirtu biex jgħinna ninnavigaw il-mortalità hekk kif b’fedeltà nżommu l-patti, u għandna bżonn is-sagrament biex jenerġizza l-esseru spiritwali tagħna. Li nġeddu l-patt tal-magħmudija u li nieħdu sehem fis-sagrament iżid il-fedeltà fil-patti l-oħrajn kollha. Tmiem hieni huwa assigurat hekk kif bit-talb nistudjaw u nonoraw l-istedina tas-Salvatur u ngawdu l-barkiet imwegħdin tiegħu. Huwa qal, “Biex intom tkunu tistgħu żżommu aħjar lilkom infuskom ħielsa mit-tbajja’ tad-dinja, intom għandkom tmorru fid-dar tat-talb u hemm toffru s-sagramenti tagħkom fil-jum imqaddes tiegħi” (Doctrine and Covenants 59:9).

Jien nixhed li dawk li jżommu l-patti huma mwegħdin “il-paċi f’din id-dinja u l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss” (Doctrine and Covenants 59:23). Jien nagħti xhieda li hekk kif intom regolarment tgawdu mill-emblemi tas-Salvatur permezz tas-sagrament, intom ikollkom l-Ispirtu tiegħu biex jiggwidakom fit-triq tal-patt u tibqgħu fidili lejn il-patti tagħkom. F’isem Ġesù Kristu, amen.