Konferenza Ġenerali
Sodi fil-Maltemp
konferenza ġenerali April 2022


Sodi fil-Maltemp

Meta fil-ħajja jfeġġ il-maltemp, intom tistgħu tibqgħu sodi għaliex tkunu tinsabu fuq il-blata tal-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, illum aħna ġejna mberkin li stajna nisimgħu qaddejja ispirati ta’ Alla jagħtuna kliem ta’ direzzjoni u inkuraġġiment. Ilkoll kemm aħna, ninsabu fejn ninsabu, nafu li qed ngħixu fi żminijiet li dejjem qed isiru aktar perikolużi. It-talba tiegħi llum hi li ngħinkom tibqgħu sodi fil-maltemp li qed niffaċċjaw, b’sentiment ta’ paċi f’qalbkom.1

Għandna nibdew billi niftakru li aħna lkoll ulied għeżież ta’ Alla u li Hu għandu qaddejja mill-aktar ispirati. Dawn il-qaddejja ta’ Alla pprevedew iż-żminijiet li fihom qed ngħixu. L-Appostlu Pawlu kiteb lil Timotju, “Dan għandek tkun taf, li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes.”2

Kull min għandu għajnejn biex jara s-sinjali taż-żminijiet u widnejn biex jisma’ kliem il-profeti jaf li dan hu minnu. Aħna niffaċċjaw l-akbar periklu permezz tal-forzi tal-ħażen. Dawk il-forzi qegħdin dejjem jikbru. U għalhekk se jkun aktar diffiċli, żgur mhux aktar faċli, li nonoraw il-patti li jeħtieġ nagħmlu u nħarsu u li ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Għal dawk fostna li ninsabu mħassba dwarna nfusna u dwar dawk li nħobbu, teżisti t-tama fil-wegħda li Alla għamel dwar post ta’ sigurtà fil-maltemp li għandna quddiemna.

Din hi deskrizzjoni ta’ dak il-post. Ġiet deskritta kemm-il darba mill-profeti ħajjin. Per eżempju, kif hemm miktub fil-Ktieb ta’ Mormon, wieħed missier spirat kollu mħabba qal lil uliedu biex iqawwu lilhom infushom ħalli jibqgħu sodi fil-maltemp li kellhom quddiemhom: “U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfagħkom ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, … li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jistgħux jaqgħu.”3

Il-miżerja u l-inkwiet bla tmiem li tkellem dwarhom huma l-effett terribbli tad-dnubiet li ma nkunux indimna għalkollox minnhom. Il-maltemp dejjem jikber huwa t-tentazzjoni u l-attakki dejjem jiżdiedu ta’ Satana. Qatt ma kien importanti daqs issa li nifhmu kif nistgħu nibnu pedament sod. Għalija, m’hemmx post aħjar fejn inħarsu minn l-aħħar diskors tas-Sultan Benjamin, li nsibu wkoll fil-Ktieb ta’ Mormon.

Il-kliem profetiku tas-Sultan Benjamin japplika għalina fi żmienna. Hu kien jaf sew mill-esperjenza tiegħu x’inhu t-terrur tal-gwerra. Hu ddefenda lill-poplu tiegħu fil-kumbattiment, billi straħ fuq il-qawwa ta’ Alla. Huwa ra b’mod ċar il-qawwiet terribbli ta’ Luċifru jġarrbu, jippruvaw jegħlbu, u jiskuraġġixxu lill-ulied Alla.

Hu stieden lill-poplu tiegħu u lilna biex nibnu fuq l-unika blata ċerta ta’ sigurtà, li hu s-Salvatur. Hu għamilha ċara li aħna ħielsa biex nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u li ma nistgħux nevitaw il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna. Hu tkellem b’mod dirett u mill-aktar ċar għax kien jaf x’niket setgħu jesperjenzaw dawk li jistgħu ma jisimgħux u ma jagħtux widen it-twissijiet tiegħu.

Dan huwa kif hu ddeskriva l-konsegwenzi li jiġu wara l-għażla tagħna jekk nimxux wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu jew jekk nimxux wara l-messaġġi kollha ħażen ta’ Satana, li l-intenzjoni tiegħu hi li jġarrabna u jeqridna:

“Għax araw, hemm gwaj lest għal dak li jiddeċiedi li jobdi dak l-ispirtu l-ħażin; għax jekk hu jagħżel li jobdih, u jibqa’ jgħix u jmut fi dnubietu, hu stess jixrob il-kundanna ta’ ruħu; għax għal għemilu hu jirċievi l-kastig ta’ dejjem, għaliex hu jkun kiser il-liġi ta’ Alla kontra l-istess għarfien tiegħu. …

“Għalhekk jekk dak il-bniedem ma jindimx, u jibqa’ jgħix u jmut bħala għadu ta’ Alla, id-domanda tal-ġustizzja divina twassal biex ir-ruħ immortali tiegħu tagħraf sens reali ta’ ħtijietu, li jwassluh biex jitbiegħed mill-preżenza tal-Mulej, u jimlewh bil-ħtija, u bl-uġigħ, u bid-diqa, li tkun qisha nar li ma jintefiex, li l-fjamma tiegħu titla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem.”

Is-Sultan Benjamin kompla biex jgħid, “O, intom l-anzjani, kif ukoll intom iż-żgħażagħ, u intom it-tfal ċkejknin li tistgħu tifhmu kliemi, għax jien kellimtkom b’mod ċar ħalli tkunu tistgħu tifhmuni, nitlob li intom taslu li tiftakru s-sitwazzjoni terribbli ta’ dawk li waqgħu fil-ħażen.”4

Għalija, il-qawwa ta’ dik it-twissija biex nindmu tifforma f’moħħi stampa ta’ żmien ċert li fih jien u intom sejrin nieqfu quddiem is-Salvatur wara din il-ħajja. Aħna rrridu b’qalbna kollha li ma nitbegħdux minnu iżda pjuttost inħarsu ’l fuq lejh, narawh jitbissem u jgħid, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil: … idħol.”5

Is-Sultan Benjamin jagħmilha ċara kif aħna nistgħu nirċievu t-tama li nisimgħu dak il-kliem jekk f’dil-ħajja nsibu l-mod kif nibdlu n-natura tagħna permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Dan hu l-uniku mod kif nistgħu nibnu fuq pedament sod u nibqgħu fermi waqt il-maltemp tat-tentazzjoni u l-isfidi li għandna quddiemna. Is-Sultan Benjamin jiddeskrivi dik il-bidla fin-natura tagħna permezz ta’ metafora sabiħa li minn dejjem messitli qalbi. Kemm il-profeti kif ukoll il-Mulej innifsu ilhom eluf ta’ snin jużawha. Hija din: jeħtieġ insiru bħat-tfal—it-tfal ċkejknin.

Għal xi wħud din mhux ħaġa faċli li jaċċettaw. Ilkoll kemm aħna rridu nidhru potenti. Nafu nħarsu lejn li tkun bħat-tfal bħala li tkun dgħajjef. Bosta ġenituri jħarsu bil-quddiem lejn iż-żmien meta wliedhom jaġixxu anqas bla ħsieb. Iżda s-Sultan Benjamin, li fehem daqs kull bniedem ieħor xi tfisser li tkun bniedem ta’ ċerta qawwa u kuraġġ, jagħmilha ċara li tkun bħat-tfal ma jfissirx li taġixxi bla ħsieb. Ifisser li tkun bħas-Salvatur, li talab lil Missieru biex ikollu l-qawwa li jkun kapaċi jagħmel ir-rieda ta’ Missieru u jpatti għad-dnubiet tal-ulied kollha ta’ Missieru u mbagħad wettaq dan. In-natura tagħna jeħtieġ tinbidel biex issir bħal tat-tfal biex niksbu l-qawwa li neħtieġu biex nieqfu sodi u fil-paċi fi żminijiet ta’ periklu.

Din hi d-deskrizzjoni drammatika ta’ kif tista’ tasal dik il-bidla: “Għax il-bniedem naturali hu għadu ta’ Alla, u ilu hekk mill-waqgħa ta’ Adam, u hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm hu ma jismax mill-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u jinża’ minn fuqu l-bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej, u jsir bħat-tfal, sottomess, umli, paċenzjuż, kollu mħabba, lest li jissottometti ruħu għal dak kollu li l-Mulej iħoss li għandu jgħabbih bih, sewwasew kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru.”6

Aħna nirċievu dik il-bidla hekk kif nagħmlu u nġeddu l-patti ma’ Alla. Dan iwasslilna l-qawwa tal-Espjazzjoni ta’ Kristu li tagħtina ċans li sseħħ trasformazzjoni f’qalbna. Nistgħu nħossuha kull darba li nieħdu sehem fis-sagrament, nwettqu ordinanzi tat-tempju għal xi antenat mejjet, nixhdu bħala xhieda tas-Salvatur, jew nieħdu ħsieb ta’ xi ħadd fil-bżonn bħala dixxipli ta’ Kristu.

F’dawk l-esperjenzi, maż-żmien aħna nsiru bħat-tfal fil-kapaċità tagħna li nħobbu u nobdu. Naslu biex nieqfu fuq pedament sod. Il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu twassalna biex nindmu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Aħna nobdu, u niksbu l-qawwa li nirreżistu t-tentazzjoni, u niksbu s-sħubija mwiegħda tal-Ispirtu s-Santu.

In-natura tagħna tinbidel biex insiru bħat-tfal ċkejknin, ubbidjenti lejn Alla u nħobbu aktar. Dik il-bidla tikkwalifikana biex ingawdu d-doni li jaslu permezz tal-Ispirtu s-Santu. Li jkollna magħna s-sħubija tal-Ispirtu hi ħaġa li tfarraġna, tiggwidana, u ssaħħaħna.

Tgħallimt xi ftit x’ried ifisser is-Sultan Benjamin meta qal li aħna nistgħu nsiru bħat-tfal quddiem Alla. Tgħallimt minn bosta esperjenzi li l-Ispirtu s-Santu ta’ spiss jitkellem b’leħen sieket, li jinstama’ l-aktar meta l-qalb ta’ dak li jkun tkun ħelwa u sottomessa, bħal tat-tfal. Fil-fatt, it-talba li jinstama’ hu “Irrid biss dak li trid Int. Għidli biss xi trid. U jien nagħmel dan.”

Meta fil-ħajja jfeġġ il-maltemp, intom tistgħu tibqgħu sodi għaliex tkunu tinsabu fuq il-blata tal-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu. Dik il-fidi twassalkom biex tindmu kuljum u tħarsu l-patti tagħkom b’mod konsistenti. Imbagħad intom dejjem tiftakru fih. U qalb il-maltemp tal-mibegħda u l-ħażen, intom tħossukom sodi u mimlijin tama.

Aktar minn hekk, intom tkunu tinsabu lesti biex twasslu lil ħaddieħor fuq il-blata magħkom fis-sigurtà. Il-fidi f’Ġesù Kristu dejjem twassal għal tama akbar u għal sentiment ta’ karità lejn ħaddieħor, li hi l-vera mħabba ta’ Kristu.

Naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi li l-Mulej Ġesù Kristu għamlilkom din l-istedina “Ejjew għandi.”7 Hu jistedinkom, sforz l-imħabba tiegħu lejkom u lejn il-maħbubin tagħkom biex tmorru għandu għall-paċi f’din il-ħajja u l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss. Hu jaf perfettament x’maltemp qed tiffaċċjaw fit-test tagħkom bħala parti mill-pjan ta’ ferħ.

B’ħerqa nitlobkom biex taċċettaw l-istedina tas-Salvatur. Bħat-tfal umli kollhom mħabba, aċċettaw l-għajnuna tiegħu. Agħmlu u ħarsu l-patti li Hu joffri fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Huma jsaħħukom. Is-Salvatur jaf sew il-maltemp u l-postijiet ta’ sigurtà fi triqitkom lura dar għal għandu u għand Missierna fis-Smewwiet. Hu jaf it-triq. Għax huwa Hu t-Triq. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja