Lezzjonijiet minn ħdejn il-Bir
Aħna nistgħu nduru lejn is-Salvatur għall-qawwa u l-fejqan li jippermettulna li nwettqu dak kollu li aħna ntbagħatna biex nagħmlu.
X’hena hi din li ninsabu miġburin ilkoll flimkien f’din is-sessjoni tan-nisa tal-konferenza ġenerali!
Jien trabbejt fil-parti tal-punent ta’ New York u kont nattendi fergħa żgħira tal-Knisja xi 20 mil (32 km) ’il bogħod mid-dar. Meta kont inkun bilqiegħda, flimkien mal-ħabiba tiegħi Patti Jo, fil-klassi tal-Iskola tal-Ħadd fil-kantina tal-kappella antika, mikrija, tagħna, qatt ma stajt nimmaġina li kont parti minn sorellanza globali ta’ miljuni ta’ nisa.
Ħames snin ilu, żewġi Bruce marad serjament meta aħna konna qed inservu mal-Qaddisin ikkonsagrati fir-Reġjun tal-Ewropa tal-Lvant. Irritornajna d-dar u hu miet ftit ġimgħat biss wara. Ħajti nbidlet minn lejl għal nhar. Kont imnikkta u ħassejtni dgħajfa u vulnerabbli. Tlabt bil-ħrara lill-Mulej biex jidderieġi trieqti: “Xi trid minni li nagħmel?”
Xi ġimgħat wara, kont qed niċċekkja l-ittri tiegħi u għajnejja waqgħu fuq stampa żgħira f’katalgu. Meta ħarist lejha sewwa, intbaħt li kienet interpretazzjoni artistika tal-mara Samaritana flimkien ma’ Ġesù ħdejn il-bir. Dak il-mument, l-Ispirtu kellimni b’mod ċar: “Dak hu dak li suppost tagħmel.” Missier fis-Smewwiet kollu mħabba kien qed jistedinni niġi għand is-Salvatur u nitgħallem.
Nixtieq naqsam magħkom tliet lezzjonijiet li qed nitgħallem hekk kif inkompli nixrob mill-bir tiegħu tal-“ilma tal-ħajja.”1
L-Ewwel: Iċ-Ċirkostanzi Tagħna tal-Passat u tal-Preżent Ma Jiddeterminawx il-Futur Tagħna
Ħuti, jien naf li ħafna minnkom tħossukom kif ħassejtni jien, inċerti kif se tiffaċċjaw l-isfidi diffiċli u t-telfien—telfien għaliex ħajjitkom mhix tiżvolġi bil-mod li ttamajtu għalih, tlabtu għalih, u ppjanajtu.
Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi tagħna, ħajjitna huma sagri u għandhom tifsira u għan. Kull waħda minna hija bint maħbuba ta’ Alla, imwielda b’divinità f’ruħha.
Is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, permezz tas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tiegħu, għamilha possibbli għalina li nkunu msoffija u mfejqin, u hekk ppermettielna li nwettqu l-għan tagħna fid-dinja irrispettivament mid-deċiżjonijiet tal-membri tal-familja, minn jekk aħniex miżżewġin jew le, mis-saħħa fiżika u metali tagħna, u minn kwalunkwe sitwazzjoni oħra.
Ikkonsidraw il-mara ħdejn il-bir. X’tip ta’ ħajja kienet tgħix? Ġesù għaraf li kienet miżżewġa ħames darbiet u li r-raġel li kienet qed tgħix miegħu dak iż-żmien ma kinitx miżżewġa miegħu. U madanakollu, minkejja d-diffikultajiet ta’ ħajjitha, waħda mill-ewwel dikjarazzjonijiet pubbliċi tas-Salvatur li hu kien il-Messija saret lilha. Qalilha, “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”2
Hija saret xhud mill-aqwa, meta ddikkjarat lin-nies tal-belt tagħha li Ġesù kien il-Kristu. “Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara.”3
Iċ-ċirkostanzi tagħha tal-passat u tal-preżent ma ddeterminawx il-futur tagħha. Bħalha, aħna nistgħu nagħżlu li nduru lejn is-Salvatur illum għall-qawwa u l-fejqan li jippermettulna li nwettqu dak kollu li aħna ntbagħatna biex nagħmlu.
It-Tieni: Il-Qawwa Tinsab Fina
F’vers familjari fid-Duttrina u Patti, il-Mulej jinkuraġġixxi lin-nisa u l-irġiel biex “b’ħerqa naħdmu għal kawża tajba, u nagħmlu ħafna ħwejjeġ minn jeddna, u nġibu fis-seħħ bosta għemejjel tajbin; għax il-qawwa qiegħda fihom.”4
Ħuti, il-qawwa tinsab fina biex inġibu s-sewwa bil-kif!
Il-President Nelson għallimna, “In-nisa u l-irġiel kollha li jagħmlu l-patti ma’ Alla u jżommu dawk il-patti, u li jipparteċipaw b’mod denn fl-ordinanzi tas-saċerdozju, għandhom aċċess dirett għall-qawwa ta’ Alla.”5
Jien wasalt biex nifhem li, hekk kif nistinkaw biex nonoraw il-patti magħmulin fil-magħmudija u fit-tempji mqaddsa, il-Mulej iberikna “bil-qawwa tiegħu li tfejjaq u ssaħħaħ” u b’“għarfien u qawmien spiritwali li [aħna] qatt ma kellna bħalhom.”6
It-Tielet: “U minn Ħwejjeġ Żgħar Joħorġu Ħwejjeġ Kbar.”7
Fid-Diskors tal-Muntanja, Ġesù għallem lid-dixxipli “Intom il-melħtal-art”8 u “Intom id-dawl tad-dinja.”9 Iktar tard huwa qabbel is-saltna tas-smewwiet ma’ ftit ħmira, “li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha.”10
-
Melħ
-
Ħmira
-
Dawl
Anki jekk f’ammont ċkejken ħafna, dawn kollha jaffettwaw kull ħaġa madwarhom. Is-Salvatur jistedinna nużaw il-qawwa tiegħu biex inkunu bħall-melħ, il-ħmira, u d-dawl.
Melħ
Huwa sorprendenti x’differenza jagħmel ftit melħ fit-togħma tal-ikel li nieklu. Minkejja dan, il-melħ huwa fost l-irħas ingredjenti, u fost l-iżjed sempliċi.
Fil-ktieb ta’ 2 Slaten, naqraw dwar “tfajla żagħżugħa,”11 li nqabdet mis-Sirjani u saret il-qaddejja ta’ Nagħman, il-kaptan tal-armata Sirjana. Hija kienet bħall-melħ; kienet żagħżugħa, ma kellha ebda importanza fid-dinja, u ħajjitha ta’ lsiera f’art barranija żgur li ma kinitx dak li kienet ittamat għalih.
Madanakollu, hi qalet żewġ sentenzi bil-qawwa ta’ Alla, billi xehdet ma’ mart Nagħman: “M’hux li kien sidi quddiem il-profeta li hemm f’Samarija! Għax kien ineħħilu il-lebbra li għandu.”12
Kliemha ta’ fidi nġieb lil Nagħman, li aġixxa fuq kliemha, u bis-saħħa t’hekk tfejjaq kemm fiżikament u kif ukoll spiritwalment.
Ta’ spiss nikkonċentraw fuq il-qaddejja li kkonvinċew lil Nagħman jinħasel fix-xmara Ġordan, kif amar il-profeta Eliżew, iżda Nagħman lanqas biss ma kien se jkun quddiem il-bieb ta’ Eliżew li kieku ma kinitx għat-“tfajla żagħżugħa.”
Tista’ tkun żagħżugħa jew tħossok mingħajr importanza, iżda tkun bħall-melħ fil-familja tiegħek u fil-komunità tiegħek.
Ħmira
Qatt xi darba kiltu ħobż mingħajr ħmira? Kif tiddiskrivuh? Kumpatt? Tqil? Iebes? Anki b’ammont żgħir ta’ ħmira, il-ħobż jogħla, u jikber biex isir iħfef u iktar artab.
Meta nistiednu l-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna, nistgħu nbiddlu r-“ruħ mitluqa”13 b’perspettivi ispirati li jelevaw lill-oħrajn u jħejju lill-qlub għall-fejqan.
Ħabiba tiegħi kienet mitluq fis-sodda fl-għodwa tal-Milied, mifnija bin-niket. Uliedha talbuha bil-ħniena biex tqum; iżda hi kienet mifnija bl-uġigħ tad-divorzju pendenti tagħha. Hekk kif kienet tolfoq fis-sodda, fetħet ruħha beraħ fit-talb ma’ Missierha fis-Smewwiet, u qaltlu dwar id-disprament tagħha.
Hija u ttemm it-talb tagħha, l-Ispirtu sefsfilha li Alla kien jifhem l-uġigħ tagħha. Hija kienet mimlija bil-kompassjoni tiegħu għaliha. Din l-esperjenza sagra vvalidat l-emozzjonijiet tagħha u nisslet fiha tama li ma kinitx qed titnikket waħedha. Ħarġet barra u bniet raġel tal-borra flimkien ma’ wliedha, u hekk biddlet id-dwejjaq tal-għodwa f’daħq u hena.
Dawl
Kemm teħtieġ dawl biex tinfed id-dlam f’kamra? Daqsxejn ta’ raġġ żgħir. U dak ir-raġġ ta’ dawl f’post mudlam jista’ jiġi mill-qawwa ta’ Alla fikom.
Anki jekk tistgħu tħossukom waħedkom waqt li t-tempesti tal-ħajja qed iriegħdu, intom tistgħu titfgħu raġġ ta’ dawl fid-dlam tan-nuqqas ta’ ftehim, konfużjoni, u nuqqas ta’ twemmin. Id-dawl tal-fidi tagħkom fi Kristu jista’ jkun b’saħħtu u ċert, u hekk imexxi lil dawk ta’ madwarek lejn is-sigurtà u l-paċi.
Ħuti, il-qlub jistgħu jinbidlu u l-ħajjiet jitbierku meta noffru niskata melħ, mgħarfa ħmira, u raġġ ta’ dawl.
Jiena nixhed li s-Salvatur huwa l-melħ ta’ ħajjitna, u hu jistieden lilna biex induqu l-hena u l-imħabba tiegħu.14 Huwa Hu li hu l-ħmira meta ħajjitna hija iebsa, u jġib lilna t-tama 15 u jerfa’ t-tagħbijiet tagħna 16 permezz tal-qawwa liema bħalha u l-imħabba tiegħu.17 Hu huwa d-dawl tagħna, 18 u jdawlilna it-triq tagħna lura lejn id-dar.
Jien nitlob li aħna nistgħu niġu għand is-Salvatur, bħall-mara ħdejn il-bir, u nixorbu l-ilma tal-ħajja tiegħu. Flimkien mal-poplu ta’ Samarija, nistgħu mbagħad niddikjaraw, “Issa aħna nemmnu, … għaliex aħna stess smajnieh, u nafu li huwa tassew il-Kristu, is-Salvatur tad-dinja.”19 F’isem Ġesù Kristu, amen.