Konferenza Ġenerali
Aħna Lkoll Għandna Storja
konferenza ġenerali April 2022


Aħna Lkoll Għandna Storja

Jekk jogħġobkom ejjew sibu l-familja tagħkom, il-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom, u ġibuhom id-dar

Ħbieb tiegħi, ħuti, aħna lkoll għandna storja. Hekk kif niskopru l-istorja tagħna, aħna nikkonnetjaw, aħna nappartjenu, aħna nsiru.

Jien jisimni Gerrit Walter Gong. Gerrit hu isem Olandiż, Walter (missier missieri) hu isem Amerikan, u Gong ovvjament hu isem Ċiniż.

Esperti jikkalkulaw li fid-dinja għexu bejn 70 u 110 biljun persuna. Probabbilment wieħed biss ġie msemmi Gerrit Walter Gong.

Aħna lkoll għandna storja. Jiena nħobb “ix-xita fuq wiċċi u r-riħ hekk kif jgħaddi minn ħdejja.”1 Jiena nħobb niżżegleg mal-pingwini fl-Antartika. Nagħti lill-orfni fil-Gwatemala, lit-tfal tat-triq fil-Kambodja, lin-nisa Maasai fir-riserva Afrikana l-ewwel ritratt tagħhom infushom.

Nistenna l-isptar fit-twelid ta’ kull wieħed u waħda minn uliedna—darba t-tabib qabbadni ngħinu.

Jiena nafda f’Alla. Nemmen li “[aħna twelidna], biex [inkunu] hienja,”2 li mis-smewwiet ’l isfel hawn żmien u staġun għal kollox.3

Tafuha intom l-istorja tagħkom? Xi jfisser isimkom? Il-popolazzjoni tad-dinja kibret minn 1.1 biljun ruħ fl-1820 sa kważi 7.8 biljun fl-2020.4 Is-sena 1820 tidher li kienet waħda mill-aktar sinifikanti fl-istorja. Ħafna li twieldu wara l-1820 għandhom memorja ħajja u reġistri li jistgħu jidentifikaw bosta ġenerazzjonijiet tal-familja. Tistgħu taħsbu f’xi memorja speċjali u ħelwa li kellkom ma’ xi nanniet jew xi membri oħra tal-familja?

Kien x’kien in-numru totali ta’ individwi li għexu fid-dinja, hu numru finit, li jingħadd, persuna wara l-oħra. Intom u jien, lkoll relevanti.

U jekk jogħġobkom ikkunsidraw dil-ħaġa: nafuhomx jew le, aħna lkoll imwielda minn omm u missier. U kull omm u missier huma mweldin minn omm u missier.5 Permezz tat-twelid jew ta’ nisel adottiv, ilkoll ultimament ninsabu kkonnettjati mal-familja ta’ Alla u mal-familja umana.

It-30 bużnannu tiegħi, First Dragon Gong, li twieled fis-sena 837 W.K., waqqaf ir-raħal tal-familja tagħna fin-nofsinhar taċ-Ċina. L-ewwel darba li żort ir-raħal ta’ Gong, in-nies qalu, “Wenhan huilaile” (“Gerrit reġa’ ġie”).

Fuq in-naħa ta’ ommi, l-arblu tar-razza ħaj tagħna jinkludi eluf ta’ ismijiet tal-familja, u baqa’ ħafna aktar x’niskopru.6 Aħna lkoll għandna aktar membri tal-familja li nistgħu nikkonnetjaw ruħna magħhom. Jekk taħsbu li z-zija l-kbira tagħkom lestiet il-ġenealoġija tal-familja tagħkom kollha, jekk jogħġobkom sibu lill-kuġini tagħkom u l-kuġini tal-kuġini. Ikkonnetjaw il-memorja ħajja tal-ismijiet tal-familja tagħkom ma’ 10 biljun isem li tistgħu tfittxu fuq FamilySearch li issa għandha l-kollezzjoni tagħha onlajn b’1.3 biljun individwu fl-Arblu tar-Razza tagħha.7

Siġra ħajja bl-għeruq u l-friegħi

Staqsu lil xi ħbieb jew lil tal-familja biex ipinġu arblu tar-razza forma ta’ siġra ħajja. Kif jgħallem il-President Russell M. Nelson, is-siġar ħajjin għandhom l-għeruq u l-friegħi.8 Irrispettivament jekk intomx l-ewwel jew l-għaxar ġenerazzjoni li tafu biha, ikkonnetjaw mal-lbieraħ għal għada. Ikkonnetjaw l-għeruq u l-friegħi fis-siġra tal-familja ħajja tagħkom.9

Il-mistoqsija, “Int minn fejn int?” titlob minnkom in-nisel, u l-post ta’ twelid, u l-pajjiż. Globalment, 25 fil-mija tagħna nittraċċaw pajjiżna fiċ-Ċina, 23 fil-mija fl-Indja, 17 fil-mija f’partijiet oħra tal-Asja u l-Paċifiku, 18 fil-mija fl-Ewropa, 10 fil-mija fl-Afrika, 7 fil-mija fl-Ameriki.10

Il-mistoqsija, “Int minn fejn int?” tistieden ukoll lilna biex niskopru l-identità divina u l-għan spiritwali tagħna fil-ħajja.

Aħna lkoll għandna storja.

Familja li naf ikkonnettjat flimkien ħames ġenerazzjonijiet tal-familja meta żaru d-dar antika tagħhom f’Winnipeg, il-Kanada. Hemmhekk in-nannu kellem lin-neputijiet tiegħu dwar il-jum meta żewġ missjunarji (li hu sejħilhom anġli mis-smewwiet) ġabu magħhom l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, li bidel il-familja tagħhom għal dejjem.

Omm li jien naf stiednet lil uliedha u lill-kuġini tagħhom biex jistaqsu lill-bużnanna tagħhom dwar l-esperjenzi ta’ tfulitha. L-avventuri u l-lezzjonijiet mill-ħajja tal-bużnanna issa huma miġburin fi ktieb tant għażiż li jgħaqqad ġenerazzjonijiet flimkien.

Wieħed żagħżugħ li naf jinsab jiġbor flimkien “Djarju ta’ Missieri.” Snin ilu, missieru ntlaqat minn karozza, li ħallietu mejjet. Illum, biex isir jaf lil missieru, dan iż-żagħżugħ qalbieni qed jippreserva memorji u stejjer ta’ tfulitu mingħand il-familja u l-ħbieb.

Meta mistoqsijin x’jagħtihom l-aktar skop f’ħajjithom, bosta nies isemmu l-familja l-ewwel.11 Din tinkludi l-membri ħajjin u mejtin tal-familja. Bla dubju, meta mmutu, ma neqfux neżistu. Inkomplu ngħixu fuq in-naħa l-oħra tal-velu.

Filwaqt li għadhom mimlijin ħajja, l-antenati tagħna jistħoqqilhom li nibqgħu niftakru fihom.12 Aħna niftakru l-wirt tagħna permezz ta’ stejjer li jiġu rrakkontati, reġistri u stejjer tal-familja, lapidi jew postijiet ta’ tifkira, u ċelebrazzjonijiet permezz ta’ ritratti, ikel, jew ħwejjeġ li jfakkruna fil-maħbubin tagħna.

Aħsbu ftit fejn tgħixu intom—mhijiex ħaġa meraviljuża kif f’pajjiżkom u fil-komunità tagħkom tfakkru u tonoraw l-antenati, il-familja, u oħrajn li servew u ssagrifikaw? Per eżempju, fit-tifkira tal-ħsad tal-ħarifa ġewwa South Molton, Devonshire, l-Ingilterra, jien u Sister Gong ħadna gost meta sibna l-knisja żgħira u l-komunità fejn għexu ġenerazzjonijiet sħaħ tagħna mill-familja Bawden. Aħna nonoraw lill-antenati tagħna billi niftħu s-smewwiet permezz tal-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja13 u billi nsiru ħolqa li tgħaqqad14 fil-katina ta’ ġenerazzjonijiet tagħna.15

F’dan iż-żmien ta’ “Jien nagħżel lili,” is-soċjetajiet jibbenifikaw meta ġenerazzjonijiet jikkonnetjaw flimkien b’modi sinifikattivi. Aħna neħtieġu l-għeruq biex ikollna l-ġwienaħ—relazzjonijiet reali, servizz sinifikattiv, ħajja li tmur lil hinn milli naraw fil-midja soċjali.

Li nagħmlu kuntatt mal-antenati tagħna jista’ jibdel ħajjitna b’modi sorprendenti. Mill-isfidi u l-kisbiet tagħhom, niksbu l-fidi u l-qawwa.16 Mill-imħabba u s-sagrifiċċji tagħhom, nitgħallmu naħfru u nimxu ’l quddiem. Uliedna jsiru reżiljenti. Aħna niksbu l-protezzjoni u l-qawwa. Ir-rabtiet mal-antenati jkabbru l-qrubija, il-gratitudni, u l-mirakli fil-familja. Dawn ir-rabtiet jistgħu jwasslulna l-għajnuna min-naħa l-oħra tal-velu.

L-istess kif nesperjenzaw l-hena fil-familji, nesperjenzaw ukoll in-niket. L-ebda individwu mhu perfett, u l-ebda familja. Meta dawk li suppost għandhom iħobbuna, jieħdu ħsiebna, u jipproteġuna ma jagħmlux dan, inħossuna abbandunati, imbarazzati, u mweġġgħin. Il-familja tista’ ssir qoxra vojta. Madankollu, bl-għajnuna divina, aħna nistgħu nitgħallmu nifhmu lill-membri tal-familja tagħna u nagħmlu paċi bejnietna.17

Xi kultant ċertu impenn kostanti fir-relazzjonijiet dejjiema tal-familja jgħinna nwettqu ħwejjeġ diffiċli. F’ċerti każijiet, il-komunità ssir parti mill-familja. Waħda tfajla meraviljuża li l-familja xejn stabbli tagħha ċċaqalqet bosta drabi sabet familja fil-Knisja li tħobbha kull fejn kienet, biex tieħu ħsiebha u tħossha maħbuba. Il-ġenetika u l-istil tal-familja jinfluwenzawna iżda m’għandhomx jiddeterminawna.

Alla jrid li l-familji tagħna jkunu kuntenti u eterni. L-eternità hi twila wisq jekk niskuntentaw lil xulxin. Il-kuntentizza tkun qasira wisq jekk ir-relazzjonijiet għeżież jieqfu ma’ dil-ħajja. Permezz ta’ patti sagri, Ġesù Kristu joffrilna l-imħabba, il-qawwa, u l-grazzja tiegħu biex jibdilna18 u jfejjaq ir-relazzjonijiet tagħna. Is-servizz altruwista tat-tempju għall-għeżież tagħna iwassal biex l-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna ssir reali għalihom u għalina. Imqaddsin, aħna nistgħu nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla bħala familji magħqudin eternament.19

Kull waħda mill-istejjer tagħna hija vjaġġ li għadu għaddej, hekk kif aħna niskopru, noħolqu, u nsiru dak li ddestinati li nsiru b’possibiltajiet ferm aktar milli nistgħu nimmaġinaw.

Il-Profeta Joseph Smith qal: “Għal xi wħud jaf jidher li hija duttrina kuraġġjuża wisq biexaħna nitkellmu dwarha—qawwa li tirreġistra jew torbot fid-dinja u torbot fis-smewwiet.”20 Is-soċjalità li noħolqu hawnhekk tista’ tibqa’ teżisti bi glorja eterna hemmhekk.21 Fil-fatt, “aħna mingħajr il-membri tal-familja tagħna ma nistgħux insiru perfetti; lanqas huma mingħajrna ma jistgħu jsiru perfetti,” jiġifieri, li nsiru,” f’għaqda sħiħa, kompluta u perfetta.”22

X’nistgħu nagħmlu bħalissa?

L-ewwel, immaġinaw l-immaġni tagħkom tirrifletti min-naħa għall-oħra bejn żewġ mirja tal-eternità. F’direzzjoni minnhom, immaġinaw lilkom infuskom bħala bint, neputija, bużneputija; u fid-direzzjoni l-oħra, titbissmu lilkom infuskom bħala zija, omm, nanna. Kemm jgħaddi malajr iż-żmien! F’kull żmien u rwol, innotaw min hemm magħkom. Iġbru flimkien ritratti u stejjer; il-memorji tagħhom agħtuhom il-ħajja. Irreġistraw isimhom, l-esperjenzi tagħhom u dati ewlenin. Huma parti mill-familja tagħkom—il-familja li għandkom u l-familja li tixtiequ.

Hekk kif twettqu l-ordinanzi tat-tempju għall-membri tal-familja, l-ispirtu ta’ Elija, “manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jixhed dwar in-natura divina tal-familja”23 jgħaqqad flimkien b’imħabba il-qlub ta’ missirijietkom, ommijietkom, u wliedkom.24

It-tieni, araw li l-avventura tal-istorja tal-familja tkun waħda intenzjonata u spontanja. Ċemplu lin-nanna tagħkom. Ħarsu dirett f’għajnejn dik it-tarbija tat-twelid. Ieqfu ftit—skopru l-eternità—f’kull pass tal-vjaġġ tagħkom. Tgħallmu u agħrfu bi gratitudni u onestà l-wirt tal-familja tagħkom. Iċċelebraw u kunu pożittivi u, fejn meħtieġ, agħmlu b’umiltà dak kollu possibbli biex ma tgħaddux in-negattiv. Araw li t-tajjeb jibda bikom.

It-tielet, żuru Familysearch.org. Iddawnlowdjaw l-apps tal-mowbajl disponibbli. Huma b’xejn u mill-aktar divertenti. Skopru, ikkonnetjaw, u appartjenu. Araw kif intom relatati ma’ nies li hemm fil-kamra, kemm hi ħaġa faċli u ta’ sodisfazzjoni li żżidu l-ismijiet mal-arblu tar-razza ħaj tagħkom, biex issibu u tbierku l-għeruq u l-friegħi.

Ir-raba’, għinu biex jingħaqdu flimkien il-familji għal dejjem. Ftakru fid-demografika tas-smewwiet. Hemm ferm aktar erwieħ fuq in-naħa l-oħra tal-velu milli hawn fuq din-naħa. Hekk kif aktar tempji qed jersqu qrib tagħna, jekk jogħġobkom offru lil dawk li qed jistennew għall-ordinanzi tat-tempju l-opportunità li jirċevuhom.

Il-wegħda fl-Għid u dejjem hi li, f’Ġesù Kristu u permezz tiegħu, aħna nistgħu nsiru l-aqwa storja li nistgħu nkunu, u l-familji tagħna jistgħu jkunu kuntenti u eterni. Fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħna, Ġesù Kristu jfejjaq lil ta’ qalbhom maqsuma, jeħles l-ilsiera, irodd il-ħelsien lill-maħqurin.25 Li nappartjenu fil-patt ma’ Alla u bejnietna26 jinkludi li nkunu nafu li l-ispirti u l-ġisem tagħna sejrin jingħaqdu flimkien fir-resurrezzjoni u l-aktar relazzjonijiet prezzjużi tagħna jistgħu jkomplu lil hinn mill-mewt b’milja ta’ hena.27

Aħna lkoll għandna storja. Ejjew skopru tagħkom. Ejjew sibu l-leħen tagħkom, l-għanja tagħkom, l-armonija tagħkom miegħu. Dan hu sewwasew l-għan għalfejn Alla ħoloq is-smewwiet u l-art u ra li kollox sew.28

Faħħru l-pjan ta’ ferħ ta’ Alla, l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, ir-restawrazzjoni kontinwa fl-Evanġelju u l-Knisja tiegħu. Jekk jogħġobkom ejjew sibu l-familja tagħkom, il-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom, u ġibuhom id-dar Fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “My Heavenly Father Loves Me,” Children’s Songbook, 228.

  2. 2 Nephi 2:25.

  3. Ara Koħelet 3:1.

  4. Based on United Nations Secretariat, The World at Six Billion (1999), 5, tabella 1; “World Population by Year,” Worldometer, worldometers.info.

  5. Ħafna huma mberkin li għandhom ġenituri li ma wellduhomx huma stess, madankollu huma magħqudin bħala familja permezz tar-rabta tal-affezzjoni u l-adozzjoni u tal-patti sagri tas-siġill.

  6. Nesprimi l-apprezzament tiegħi għal dawk li qed imexxu ċerti modi kif jorganizzaw numri kbar ta’ ismijiet tal-familja f’arbli tar-razza.

  7. Fl-2021, madwar 99 miljun isem ġew miżjuda ma’ arbli tar-razza pubbliċi. U riċentiment, tlestiet id-diġitazzjoni ta’ 2.4 miljun romblu ta’ microfilm li fihom bejn wieħed u ieħor 37 miljun isem (xi wħud duplikati). Dawn ir-reġistri bl-isem tal-individwu jistgħu issa jiġu mħejjija biex wieħed ifittixhom, isibhom, u jżidhom mal-arblu tar-razza tal-umanità.

  8. Ara Russell M. Nelson, “Roots and Branches,” Liahona, Mejju 2004, 27–29.

  9. Bla dubju, hekk kif niskopru u nibnu l-arblu tar-razza ħaj tagħna, jekk jogħġobkom uru 100 fil-mija rispett lejn il-privatezza u l-parteċipazzjoni volontarja tal-membri tal-familja, ħajjin u mejtin.

  10. David Quimette ġabar dawn in-numri, ibbażati fuq Angus Maddison, The World Economy: A Millennial Perspective (2001), 241, tabella B-10.

  11. Ara Laura Silver u oħrajn, “What Makes Life Meaningful? Views from 17 Advanced Economies,” Pew Research Center, 18 ta’ Nov., 2021, pewresearch.org.

  12. 1 Nefi 9:5; 1 Nephi 19:3; Words of Mormon 1:6–7; u Alma 37:2 jitkellmu dwar iż-żamma tar-reġistri u li niftakru “għal għan għaqli,” inkluż biex ibierku l-ġenerazzjonijiet futuri.

  13. Ara Russell M. Nelson u Wendy W. Nelson, “Open the Heavens through Temple and Family History Work,” Ensign, Ott. 2017, 34–39; Liahona, Ott. 2017, 14–19; ara wkoll “RootsTech Family Discovery Day—Opening Session 2017” (vidjo), ChurchofJesusChrist.org.

  14. Ara Doctrine and Covenants 128:18.

  15. Ara Gordon B. Hinckley, “Keep the Chain Unbroken” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 30 ta’ Nov., 1999), speeches.byu.edu. Il-President Hinckley hu kkowtat ukoll f’David A. Bednar, “A Welding Link” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 10 ta’ Sett., 2017), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  16. Per eżempju, fil-familja tagħna, Henry Bawden, minn Devonshire, l-Ingilterra, iżżewweġ lil Sarah Howard, li emigrat mal-familja tagħha wara li ngħaqdet mal-Knisja. Waqt li Sarah kienet f’St. Louis bħala żagħżugħa, missierha, ommha, u l-ħames ħuta mietu. Henry u Sarah kellhom 10 itfal. Sarah rabbiet ukoll sitt itfal mill-ewwel mara ta’ Henry, Ann Ireland, wara li din mietet. Sarah kienet ukoll omm għal żewġ neputijiet żgħar wara li Sarah l-mara ta’ binha mietet. Minkejja l-bosta sfidi fil-ħajja, Sarah kienet mara dħulija, kollha mħabba u kompassjoni, u bla dubju mill-aktar bieżla. Kienet magħrufa b’affezzjoni bħala “In-Nanna ż-Żgħira.”

  17. Diffiċli kemm hu diffiċli, hekk kif naħfru lilna nfusna u lil xulxin bl-għajnuna ta’ Kristu, aħna nsiru “ulied Alla” (Mattew 5:9).

  18. Ara, per eżempju, Mosiah 3:19.

  19. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ChurchofJesusChrist.org.

  20. Doctrine and Covenants 128:9.

  21. Ara Doctrine and Covenants 130:2.

  22. Doctrine and Covenants 128:18.

  23. Russell M. Nelson, “A New Harvest Time,” Ensign, Mejju 1998, 34; ara wkoll Russell M. Nelson u Wendy W. Nelson, “Open the Heavens through Temple and Family History Work,” 16–18.

  24. Ara Mosiah 18:21.

  25. Ara Luqa 4:18.

  26. Sirt naf li l-kelma Ebrajka għal familja—mishpachah—ġejja mill-għerq ta’ kelma Ebrajka (shaphahh) li tfisser “li tgħaqqad jew torbot flimkien.” Kull irwol fil-familja hu mfassal biex isaħħaħ ir-rabtiet fil-familja.

  27. Ara Doctrine and Covenants 88:15–16, 34; 93:33; 138:17.

  28. Ara Ġenesi 1:4, 31.