Messaġġ Introduttorju
Aħna nonoraw lill-ulied bniet ta’ Alla f’din is-sessjoni speċjali billi nikkonċentraw fuq it-tħassib tagħhom u fuq dawk tal-organizzazzjonijiet tagħhom.
Hekk kif nibdew din is-sessjoni unika tan-nisa tal-konferenza ġenerali, hu pjaċir tiegħi li nwassal dan il-messaġġ introduttorju mill-Ewwel Presidenza.
Is-sessjonijiet tagħna tas-Sibt għandhom storja ta’ għanijiet differenti u udjenzi differenti. Din il-lejla qed inżidu ma’ dik l-istorja hekk kif nibdew inwettqu għan ġdid u proċedura ġdida għall-futur qarib. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ma jinbidilx. Id-duttrina tal-evanġelju ma tinbidilx. Il-patti personali tagħna ma jinbidlux. Iżda matul is-snin, il-laqgħat li nagħmlu biex nikkomunikaw il-messaġġi tagħna fil-fatt jinbidlu u probabbilment se jkomplu jinbidlu matul is-snin.
Għalissa, din is-sessjoni tas-Sibt filgħaxija hija sessjoni tal-konferenza ġenerali, mhux sessjoni ta’ xi orginazzjoni. Bħal kull sessjoni tal-konferenza ġenerali, l-ippjanar, il-kelliema, u l-mużika huma magħżula mill-Ewwel Presidenza.
Aħna tlabna lill-President Jean B. Bingham, il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna, biex tmexxi din is-sessjoni. Is-sessjoniijiet futuri ta’ filgħaxija jistgħu jitmexxew minn wieħed mill-Uffiċjali Ġenerali l-oħra tal-Knisja, bħall-membri tal-Presidenzi Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tat-Tfajliet, u tal-Primarja, magħżulin mill-Ewwel Presidenza.
Illejla, din is-sessjoni tas-Sibt filgħaxija tal-konferenza ġenerali se tikkonċentra fuq it-tħassib tan-nisa Qaddisin Tal-Aħħar Żmien. Dan se jinkludi d-duttrina tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, il-polisis tal-Knisja li għandhom x’jaqsmu speċjalment man-nisa, u r-responsabilitajiet u l-ħidma ġenerali tal-organizzazzjonijiet li jinkludu n-nisa u l-bniet tal-Knisja. Minkejja li din is-sessjoni se tkun imxandra apposta lil udjenza madwar id-dinja bħas-sessjonijiet l-oħra kollha tal-konferenza ġenerali, l-udjenza mistiedna biex tkun preżenti fiċ-Ċentru tal-Konferenza għal din is-sessjoni tikkonsisti f’nisa u bniet minn 12-il sena ’l fuq. Aħna inkludejna xi mexxejja tas-saċerdozju li jippresedu fuq l-organizzazzjonijiet parteċipanti.
Dak li qed nibdew din id-darba hu b’rispons għas-sorsi ta’ komunikazzjoni li bħalissa huma disponibbli lit-tmexxija u l-isħubija tal-Knisja tal-Mulej madwar id-dinja. Id-duttrina tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hija għal kulħadd, u għalhekk dan huwa l-mottiv prinċipali u l-firxa tad-disseminazzjoni tagħna. Aħna nonoraw lill-ulied bniet ta’ Alla f’din is-sessjoni speċjali billi nikkonċentraw fuq it-tħassib tagħhom u fuq dawk tal-organizzazzjonijiet tagħhom.
Inħossuna grati li t-teknoloġija tax-xandir issa tagħti lill-mexxejja tal-Knisja il-kapaċità li jorganizzaw taħriġ serju billi jindirizzaw udjenzi speċifiċi fil-prattika. Nilqgħu wkoll il-fatt li l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar fil-mument qed jiżdiedu. Dan jippermettilna li nibagħtu mexxejja tal-Knisja biex imexxu fil-prattika taħriġ regolari u wiċċ imb wiċċ kif inhu meħtieġ.
Din hi l-ħidma tal-Mulej Ġesù Kristu. Aħna l-qaddejja tiegħu, immexxija mill-Ispirtu Qaddis tiegħu. Aħna ninvokaw il-barkiet tal-Mulej tagħna fuq il-mexxejja ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u fuq in-nisa u t-tfajliet fidili li jservu lill-Mulej f’dawn l-organizzazzjonijiet u fil-ħajja individwali tagħhom. F’isem Ġesù Kristu, amen.