Imħabba Divina fil-Pjan tal-Missier
L-għan tad-duttrina u l-polisis ta’ din il-Knisja rrestawrata hu li jħejji lil ulied Alla għas-salvazzjoni fis-saltna ċelestjali u għall-eżaltazzjoni fl-ogħla grad.
Il-pjan tal-evanġelju juri l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għal uliedu kollha. Biex nifhmu dan, jeħtieġ li nippruvaw nifhmu l-pjan tiegħu u l-kmandamenti tiegħu. Huwa tant iħobb lil uliedu li offra lill-Iben Waħdieni tiegħu, Ġesù Kristu, ħalli jkun is-Salvatur u l-Feddej tagħna, biex ibati u jmut għalina. Fil-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna għandna għarfien uniku tal-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Dan jipprovdilna mod differenti kif inħarsu lejn l-għan tal-ħajja mortali, il-ġudizzju divin li jiġi wara, u d-destin glorjuż aħħari tal-ulied kollha ta’ Alla.
Inħobbkom, ħuti. Inħobb lill-ulied kollha ta’ Alla. Meta Ġesù ġie mistoqsi, “Liema hu l-kmandament il-kbir fil-liġi?” Hu għallem li tħobb lil Alla u li tħobb lil għajrek huma l-ewwel fost il-kmandamenti kbar ta’ Alla.1 Dawk il-kmandi huma l-ewwel għaliex jistednuna biex nikbru spiritwalment billi nippruvaw nimitaw l-imħabba ta’ Alla għalina. Nixtieq li għandna lkoll għarfien aħjar tad-duttrina kollha mħabba u l-polisis li Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, stabbilixxew fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Li se ngħid hawnhekk jipprova jikkjarifika kif l-imħabba ta’ Alla tispjega dik id-duttrina u l-polisis ispirati tal-Knisja.
I.
Nuqqas ta’ ftehim komuni dwar il-ġudizzju li ultimament jiġi wara l-ħajja mortali hu li n-nies twajbin imorru f’post jissejjaħ smewwiet u n-nies ħżiena jmorru għal dejjem f’post jissejjaħ infern. Din is-suppożizzjoni żbaljata ta’ sempliċiment żewġ destinazzjonijiet timplika li dawk li ma jistgħux iħarsu l-kmandamenti kollha meħtieġa għas-smewwiet hemm bżonn li jiġu għal dejjem ddestinati għall-infern.
Missier tas-Smewwiet kollu mħabba għandu pjan aħjar għal uliedu. Id-duttrina żvelata tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tgħallem li l-ulied kollha ta’ Alla—b’eċċezzjonijiet limitati wisq biex nikkunsidrawhom hawn—finalment se jispiċċaw f’xi saltna ta’ glorja.2 “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet,”3 għallem Ġesù. Permezz tar-rivelazzjoni moderna nafu li dawk il-postijiet jinsabu fi tliet saltniet differenti ta’ glorja. Fil-Ġudizzju Finali lkoll kemm aħna se niġu ġġudikati skont l-għemejjel tagħna u x-xewqat ta’ qalbna.4 Qabel jiġri dan, jeħtieġ li nbatu għad-dnubiet li ma nindmux minnhom. L-iskrittura titkellem ċar dwar dan.5 Mbagħad l-Imħallef ġust tagħna jdaħħalna f’waħda minn dawk is-saltniet ta’ glorja. B’hekk, kif nafu permezz ta’ rivelazzjoni moderna, ilkoll “se jsir ħaqq minna … , u kull bniedem se jirċievi skont għemilu, id-dominju tiegħu, fil-postijiet li ġew imħejjija.”6
Il-Mulej għażel li jiżvela relattivament ftit dwar tnejn minn dawn is-saltniet ta’ glorja. B’kuntrast għal dan, il-Mulej żvela ħafna dwar l-ogħla saltna ta’ glorja, li l-Bibbja tiddeskriviha bħala “il-glorja tax-xemx.”7
Fil-glorja “ċelestjali”8 hemm tliet gradi jew livelli.9 L-ogħla fosthom hi l-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali, fejn hemm nistgħu nsiru bħal Missierna u Ibnu, Ġesù Kristu. Biex jgħinna niżviluppaw il-kwalitajiet divini u l-bidla fin-natura meħtieġa biex nilħqu l-potenzjal divin tagħna, il-Mulej żvela duttrina u kmandamenti stabbiliti bbażati fuq liġi eterna. Dan hu dak li ngħallmu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għax l-għan tad-duttrina u l-polisis ta’ din il-Knisja rrestawrata hu li jħejji lil ulied Alla għas-salvazzjoni fil-glorja ċelestjali u, partikolarment, għall-eżaltazzjoni fl-ogħla grad tagħha.
Il-patti mwettqa u l-barkiet imwiegħda lill-fidili fit-tempji ta’ Alla huma l-qofol ta’ dan. Dan jispjega l-ammont ta’ tempji li qed nibnu madwar id-dinja, li dwarhom il-kor kanta b’mod mill-isbaħ. Xi wħud din l-enfażi tagħna tħawwadhom, peress li ma jifhmux li l-patti u l-ordinanzi tat-tempju jiggwidawna biex niksbu l-eżaltazzjoni. Dan jista’ jinftiehem biss fil-kuntest tal-verità żvelata tat- tliet gradi ta’ glorja. Minħabba l-imħabba kbira ta’ Missierna fis-Smewwiet għal uliedu kollha, Huwa pprovda saltniet oħra ta’ glorja—kif il-Presbiteru Quentin L. Cook spjegalna l-bieraħ—li lkoll huma aktar meraviljużi milli nistgħu nimmaġinaw.10
L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tagħmel dan kollu possibbli. Hu żvela li huwa “jigglorifika lill-Missier, u jsalva l-għemejjel kollha ta’ jdejh.”11 Dik is-salvazzjoni tiġi mogħtija f’saltniet differenti ta’ glorja. Permezz ta’ rivelazzjoni moderna nafu li “kull saltna għandha liġi mogħtija lilha.”12 Sinifikament:
“Dak li mhux lest jgħix il-liġi ta’ saltna ċelestjali ma jistax jgħammar fi glorja ċelestjali.
“U dak li ma jistax jgħix il-liġi ta’ saltna terrestjali ma jistax jgħammar fi glorja terrestjali.
“U dak li ma jistax jgħix il-liġi ta’ saltan telestjali ma jistax jgħammar f’saltna telestjali.”13
Fi kliem ieħor, is-saltna ta’ glorja li nirċievu fil-Ġudizzju Finali tiġi determinata mil-liġijiet li nagħżlu li nobdu fil-pjan ta’ mħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet. Taħt dak il-pjan hemm diversi saltniet ħalli wliedu kollha jkunu jistgħu jiġu assenjati f’xi saltna fejn jistgħu “jgħammru.”
II.
It-tagħlim u l-polisis tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej japplikaw dawn il-veritajiet eterni b’mod li nistgħu nifhmuh fil-milja tiegħu biss fil-kuntest tal-pjan kollu mħabba ta’ Missier fis-Smewwiet għal uliedu kollha .
B’hekk, aħna nonoraw il-volontà individwali. Ħafna huma konxji tal-isforzi kbar ta’ dil-Knisja biex tippromwovi l-libertà reliġjuża. Dawn l-isforzi jippromwovu l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Aħna nippruvaw ngħinu lil uliedu kollha —mhux biss lill-membri tagħna—biex igawdu l-libertà prezzjuża li jagħżlu.
Bl-istess mod, xi kultant aħna niġu mistoqsijin għalfejn nibagħtu l-missjunarji f’daqstant ġnus, anke fost popolazzjonijiet Kristjani. Niġu mistoqsijin ukoll għalfejn nagħtu daqstant għajnuna umanitarja lil nies li mhumiex membri tal-Knisja tagħna mingħajr ma ngħaqqdu dan mal-ħidma missjunarja tagħna. Aħna nagħmlu dan għax il-Mulej għallimna biex nonoraw lil uliedu kollha bħala ħutna, u rridu naqsmu l-abbundanza spiritwali u temporali tagħna ma’ kulħadd.
Id-duttrina eterna tipprovdilna wkoll perspettiva distintiva dwar it-tfal. Permezz ta’ din il-perspettiva nħarsu lejn it-twelid u t-trobbija tat-tfal bħala parti mill-pjan divin. Huwa dmir sagru li jimla bil-ferħ lil dawk mogħtija l-qawwa li jipparteċipaw fih. Għalhekk, aħna ordnati ngħallmu u niddefendu l-prinċipji u d-drawwiet li jipprovdu l-aqwa kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-ferħ tat-tfal taħt il-pjan ta’ Alla.
III.
Finalment, Il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bix-xieraq hi magħrufa bħala Knisja ċċentrata madwar il-familja. Iżda ħaġa li ftit jifhmuha hi r-realtà li ċ-ċentriċità tagħna madwar il-familja mhijiex limitata biss għar-relazzjonijiet mortali. Ir-relazzjonijiet eterni huma wkoll parti fundamentali mit-teoloġija tagħna. Il-missjoni tal-Knisja rrestawrata hi li tgħin lill-ulied kollha ta’ Alla jikkwalifikaw għal dak li Alla jixtieq li jkun id-destin aħħari tagħhom. Permezz tal-fidwa pprovduta permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu, ilkoll nistgħu niksbu l-ħajja eterna (eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali), li Ommna Eva ddikjarat li “Alla jagħti lil kulmin hu ubbidjenti.”14 Din hi xi ħaġa aktar minn sempliċiment salvazzjoni. II-President Russell M. Nelson fakkarna li “fil-pjan etern ta’ Alla, is-salvazzjoni hi xi ħaġa individwali; iżda l-eżaltazzjoni hi xi ħaġa li niksbuha bħala familja.”15
Ħaġa fundamentali għalina hi r-rivelazzjoni ta’ Alla li l-eżaltazzjoni nistgħu niksbuha biss permezz tal-fedeltà tagħna lejn il-patti ta’ żwieġ etern bejn raġel u mara.16 Dik id-duttrina divina hi r-raġuni għalfejn aħna ngħallmu li “il-ġeneru tas-sess huwa karatteristika essenzjali tal-identità u l-għan primortali, mortali u etern ta’ kull individwu.”17
Din hi wkoll ir-raġuni għalfejn il-Mulej talab biex il-Knisja rrestawrata tiegħu topponi l-pressjoni soċjali u legali biex nirtiraw id-duttrina tiegħu ta’ żwieġ bejn raġel u mara, li nopponu t-tibdil li jomoġenizza d-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa jew li jħawwad jew jibdel il-ġeneru tas-sess.
Il-pożizzjoni tal-Knisja rrestawrata fuq dawn il-ħwejjeġ fundamentali ta’ spiss jipprovokaw ċerta oppożizzjoni. Dan aħna nifhmuh. Il-pjan ta’ Missier fis-Smewwiet jippermetti “oppożizzjoni f’kollox,”18 u l-aktar oppożizzjoni aggressiva ta’ Satana hi ndirizzata lejn dak li hu l-aktar importanti għal dak il-pjan. Konsegwentament, hu jipprova jopponi l-progress tagħna lejn l-eżaltazzjoni billi jgħawweġ id-definizzjoni ta’ żwieġ, jiskuraġġixxi t-twelid tat-tfal jew iħawwad il-ġeneru tas-sess. Madankollu, nafu li maż-żmien, l-għan u l-pjan divin ta’ Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba mhux se jinbidel. Iċ-ċirkustanzi personali jafu jinbidlu, u l-pjan ta’ Alla jassigurana li maż-żmien, il-fidili li jħarsu l-patti tagħhom se jkollhom l-opportunità li jikkwalifikaw għal kull barka mwiegħda.19
Tagħlim unikament siewi biex jgħinna nitħejjew għall-ħajja eterna, “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla,”20 hi l-proklamazzjoni tal-1995 dwar il-familja.21 Id-dikjarazzjoni tagħha huma, bla dubju, differenti minn ċerti liġijiet, prattiċi, u propoganda kurrenti, bħall-koabitazzjoni u ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess. Dawk li ma jifhmux għalkollox il-pjan kollu mħabba tal-Missier għal uliedu jistgħu jħarsu lejn din il-proklamazzjoni tal-familja bħala xejn aktar minn sempliċiment dikjarazzjoni ta’ polisi li tista’ tinbidel. B’kuntrast għal dan, aħna naffermaw li l-proklamazzjoni tal-familja, ibbażata fuq duttrina rrevokabbli tiddefinixxi t-tip ta’ relazzjonijiet tal-familja li fihom isseħħ l-aktar parti importanti tal-iżvilupp etern tagħna.
Dan hu l-kuntest għad-duttrina unika u l-polisis uniċi tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
IV.
“F’bosta relazzjonijiet u ċirkustanzi fil-ħajja mortali, jeħtieġ li lkoll kemm aħna ngħixu bid-differenzi. Bħala dixxipli ta’ Kristu li għandna nħobbu lil għajrna, jeħtieġ ngħixu fil-paċi ma’ dawk li ma jemmnux bħalna. Aħna lkoll ulied Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba. Għalina lkoll, Hu ħejja l-ħajja wara l-mewt u, ultimament, saltna ta’ glorja. Alla jixtieq li lkoll kemm aħna nagħmlu li nistgħu biex niksbu l-ogħla barkiet possibbli tiegħu billi nħarsu l-ogħla kmandamenti, patti, u ordinanzi tiegħu, li jilħqu l-qofol tagħhom fit-tempji mqaddsa tiegħu li qed jinbnew madwar id-dinja. Jeħtieġ nippruvaw naqsmu dawn il-veritajiet tal-eternità ma’ ħaddieħor. Iżda b’imħabba li għandna lejn għajrna, dejjem naċċettaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Kif għallem profeta mill-Ktieb ta’ Mormon, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem, b’“imħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha.”22
Kif iddikjara l-President Russell M. Nelson fl-aħħar konferenza: “Qatt ma kien hawn żmien fl-istorja tad-dinja meta l-għarfien tas-Salvatur tagħna kien aktar personalment importanti u relevanti għal kull ruħ umana. … Id-duttrina safja ta’ Kristu hija waħda qawwija. Tibdel il-ħajja ta’ dawk kollha li jifhmuha u jippruvaw jimplimentawha f’ħajjithom.”23
Li aħna lkoll nimplimentaw dik id-duttrina sagra f’ħajjitna hija t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.