Konferenza Ġenerali
Dixxipulat Qalbieni f’Dawn l-Aħħar Żminijiet
konferenza ġenerali April 2022


Dixxipulat Qalbieni f’Dawn l-Aħħar Żminijiet

Ejjew inkunu kunfidenti, mhux apoloġetiċi, qalbiena, mhux ġwejdin, fidili, mhux imbeżżgħin, hekk kif inżommu fil-għoli d-dawl tal-Mulej f’dawn l-aħħar żminijiet.

Il-volontà morali hija d-don prezzjuż ta’ Alla lil kull wieħed u waħda minn uliedu.1 Aħna “ħielsa li nagħżlu l-libertà u l-ħajja eterna, permezz tal-kbir Medjatur tal-bnedmin kollha, jew inkella li nagħżlu l-jasar u l-mewt, skont il-jasar u l-qawwa tax-xitan.”2 Alla mhux se jisfurzana nagħmlu t-tajjeb, u x-xitan ma jistax jisfurzana nagħmlu l-ħażin. 3 Għalkemm xi wħud jistgħu jaħsbu li l-mortalità hija taqbida bejn Alla u l-avversarju, is-Salvatur ilissen kelma waħda “u Satana jispiċċa jiskot u jaħrab. … Mela hija l-qawwa [tagħna] li qed tgħaddi minn prova—mhux dik ta’ Alla.”4

Fl-aħħar aħna ħa naħsdu dak li l-għażliet tagħna matul ħajjitna jkunu żergħu.5 Mela x’jgħid it-total aħħari tal-ħsibijiet, xewqat, kliem, u għemejjel tagħna dwar imħabbitna għas-Salvatur, għall-qaddejja magħżulin tiegħu, u għall-Knisja rrestawrata tiegħu? Il-patti tagħna tal-magħmudija, tas-saċerdozju, u tat-tempju, ifissru għalina iktar mit-tifħir tad-dinja jew min-numru ta’ “likes” fuq il-midja soċjali? L-imħabba tagħna għall-Mulej u għall-kmandamenti tiegħu, hija ikbar minn kull ħaġa oħra fil-ħajja, jew minn kwalunkwe persuna oħra?

L-avversarju u s-segwaċi tiegħu minn dejjem fittxew li jeqirdu l-ħidma ta’ Kristu u tal-profeti tiegħu. Fid-dinja tal-lum, ħafna rrazzjonalizzaw il-kmandamenti tas-Salvatur u ġabuhom ma jfissru xejn, sakemm ma injorawhomx għal kollox ukoll. Il-messaġġieri ta’ Alla li jgħallmu veritajiet “inkonvenjenti” huma ta’ spiss imwarrbin. Anki s-Salvatur stess kien imsejjaħ “wikkiel u sakranazz,”6 filwaqt li kien akkużat li qed iħarbat is-sentiment pubbliku u jkun diviżiv. Erwieħ dgħajfa u malinni “bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma”7 u s-“setta” tiegħu tal-ewwel Kristjani “kullimkien … kienu qed jeħduha kontra tagħhom.”8

Is-Salvatur u l-ewwel dixxipli tiegħu seffqu wiċċhom ma’ oppożizzjoni serja, interna u esterna, u aħna nesperjenzaw l-istess. Illum il-ġurnata hija xi ħaġa kważi impossibli li b’kuraġġ tgħix il-fidi tagħna bla ma kultant tattira xi tmaqdir, daqqa attwali, daqq’oħra virtwali, mid-dinja. Li timxi b’kunfidenza wara s-Salvatur jippremjak, iżda kultant nistgħu ninqabdu bejn il-basla u qoxritha ta’ dawk li jippridkaw il-filosofija ta’ “kul, ixrob, u xxala”9, fejn il-fidi fi Kristu, l-ubbidjenza, u l-indiema huma ssostitwiti bl-illużjoni li Alla se jiġġustifika dak id-daqsxejn ta’ dnub peress li jħobbna ħafna.

Meta s-Salavtur tkellem “permezz ta’ leħnu stess jew ta’ leħen il-qaddejja [tiegħu],”10 ma qalx dwar żmienna li “għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, anzi widnejhom jikluhom, għad jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skont ma jixtiequ” u li ħafna se “jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef”?11 Ma lmentax li “fiergħa hija l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bniedem”?12 Ma wissiex li “minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom”?13 Ma bassarx li “il-ħażin [ħa jissejjaħ] tajjeb, u t-tajjeb ħażin,”14 u li “l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu”?15

U xi ngħidu dwarna nfusna? Għandna nħossuna intimidati jew mbeżża’? Għandna ngħixu r-reliġjon tagħna bħallikieku taħt wiċċ il-baħar? Bla dubju li le! Bil-fidi fi Kristu m’għandniex bżonn nibżgħu mit-tmaqdir tal-bnedmin jew nibżgħu mit-tkasbir tagħhom.16 Bis-Salvatur fit-tmun u l-profeti ħajjin biex imexxuna u jiggwidawna, “min jista’ jkun kontra tagħna?”17 Ejjew inkunu kunfidenti, mhux aploġetiċi, qalbiena, mhux ġwejdin, fidili, mhux imbeżżgħin, hekk kif inżommu fil-għoli d-dawl tal-Mulej f’dawn l-aħħar żminijiet.18

Is-Salvatur għamilha ċara li “kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri. … Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri.”19

Għaldaqstant, għalkemm xi wħud se jippreferu lil xi Alla li jiġi mingħajr kmandamenti, ejjew nixhdu b’kuraġġ permezz tal-kliem tal-Presbiteru D. Todd Christofferson li “Alla li ma jitlob xejn minna huwa ekwivalenti għal Alla li ma jeżistix.”20

Filwaqt li wħud se jippreferu jkunu selettivi fil-kmandamenti li jsegwu, ejjew naċċettaw bil-ferħ kollu l-istedina tas-Salvatur biex “ngħixu permezz ta’ kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”21

Filwaqt li xi wħud jemmnu li l-Mulej u l-Knisja tiegħu għandhom jagħmlu “dak kollu li tixtieq qalbna,”22 ejjew bi qlubija niddikjaraw li huwa ħażin li tmur “mal-kotra biex tagħmel id-deni,”23 għaliex “il-folol ma jistgħux jgħaddu bħala tajjeb dak li Alla ddikjara bħala ħażin.”24

“O ftakru, ftakru … kemm huma stretti [għalkemm iġibu l-ħelsien] l-kmandamenti ta’ Alla.”25 Li tgħallimhom b’mod ċar jista’ kultant jitqis bħala att ta’ intolleranza. Mela ejjew nuru b’rispett kbir li mhuwiex biss possibbli iżda wkoll essenzjali li tħobb lil ulied Alla li jħaddnu twemmin differenti minn tagħna.

Nistgħu naċċettaw u nirrispettaw lil oħrajn mingħajr ma napprovaw it-twemmin jew l-azzjonijiet tagħhom li ma jallinjawx mar-rieda tal-Mulej. M’hemmx għalfejn li tissagrifika l-verità fuq l-altar ta’ dak li huwa aċċettabbli u mixtieq għas-soċjetà.

Sijon u Babilonja mhumiex kompatibbli. “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien.”26 Ejjew ilkoll niftakru fil-mistoqsija penetranti tal-Mulej, “Għaliex issejħuli, ‘Mulej,’ u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?”27

Ejjew nuru l-imħabba tagħna għall-Mulej permezz ta’ ubbidjenza mill-qalb u volontarja.

“Jekk tħossukom maqbudin bejn id-dixxipulat tiegħek u d-dinja, nitlobkom tiftakru li s-Salvatur li jħobbkom “bagħat stedina … , għaliex dirgħajn il-ħniena huma miftuħin [għalik], u qal: Indmu, u jien nilqagħkom.”28

Il-President Nelson għallem li Ġesù Kristu “se jwettaq uħud mill-aktar ħidmiet setgħana tiegħu bejn issa u ż-żmien li fih Huwa jerġa’ jiġi.”29 Iżda huwa għallem ukoll li “dawk li jagħżlu t-triq tal-Mulej aktarx se jsofru persekuzzjoni.”30 Li nitqisu “bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù”31 jista’ kultant ikun x-xorti tagħna hekk kif “nippermettu li l-vuċi tiegħu tieħu l-prijorità fuq kull prijorità oħra.”32

“Hieni hu,” is-Salvatur qal, “min ma jitfixkilx minħabba fija!”33 Fi mkejjen oħra niltgħallmu li “sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; ma hemm ebda tfixkil għalihom.”34 Ebda! Mela ejjew nistaqsu lilna nfusa, “Qed nirreżisti għal ftit, iżda meta jiġi fuqi l-għawġ, jew insib min iħabbatni minħabba l-kelma, malajr nitfixkel?35 Jien maħdum sod fuq il-blata ta’ Ġesù Kristu u l-qaddejja tiegħu?”

Ir-relativisti morali jisħqu li l-verità hija biss kostrutt soċjali, u li m’hemm l-ebda assoluti morali. Dak li fil-fatt qegħdin jgħidu huwa li m’hemmx dnub, 36 li “jagħmel x’jagħmel il-bniedem mhuwiex reat,”37 filosofija li l-avversarju jippretendi kollu kburija li tagħha huwa l-awtur waħdieni! Mela ejja noqogħdu b’seba’ mitt għajn għal ilpup imlibbsin b’suf in-nagħaġ li dejjem iridu jingaġġaw iktar nies magħhom u li “spiss jużaw ir-riservi intelletwali tagħhom biex jgħattu n-nuqqasijet fl-imġieba tagħhom [stess].”38

Jekk irridu vera nkunu dixxipli qalbiena ta’ Kristu, żgur li nsibu mod kif. Altrimenti, l-avversarju joffri alternattivi attraenti. Iżda bħala dixxipli fidili “ma jeħtiġilniex napoloġizzaw għat-twemmin tagħna u lanqas nagħtu daharna lil dak li aħna nafu li huwa l-verità.”39

Biex nikkonkludi, kelmtejn dwar il-15-il qaddej tal-Mulej li jinsabu bilqiegħda warajja. Filwaqt li n-nies tad-dinja “jgħidu lill-veġġenti, La tarawx; u lill-profeti, La tħabbrulniex is-sewwa,”40 il-fidili huma “inkurunati bil-barkiet minn fuq, iva, u b’kmandamenti mhux ftit, u b’rivelazzjonijiet fi żmienhom.”41

Wieħed ma jiskantax li dawn l-irġiel ta’ spiss isiru l-vireg tas-sajjetti għal dawk li mhumiex kuntenti bil-kelma ta’ Alla kif jipproklamawha l-profeti. Ma jirrealizzawx li “l-ebda profezija tal-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu” jew bħala riżultat tar-rieda tal-bnedmin “imma meta l-bnedmin issa jitkellmu f’isem Alla, dan jagħmluh għax ikunu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.”42

L-istess bħal Pawlu, dawn l-irġiel ta’ Alla “ma jistħu xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna” u huma “priġunier[i]”43 tiegħu, fis-sens li d-duttrina li jgħallmu mhijiex tagħhom iżda tiegħu li sejħilhom. Bħal Pietru, huma “ma jistgħux ma jitkellmux fuq dak li raw u semgħu.”44 Nixhed li l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax huma rġiel twajbin u onesti li jħobbu lil Alla u lil uliedu, u li huma maħbubin minnu. Kliemhom jeħtieġ li nirċievu bħallikieku ħiereġ minn fomm il-Mulej, “bis-sabar kollu u l-fidi. Għax talli tagħmlu dan, il-kanċelli tal-infern mhux sa jegħlbu[na]; … u l-Mulej Alla se jkeċċi qawwiet id-dlam minn quddiem[na].”45

“L-ebda id mhix qaddisa ma tista’ twaqqaf il-ħidma milli timxi ’l quddiem”;46 hi se tavvanza trijonfalment bik u bija, jew mingħajrna, mela “agħżlu llum lil min tridu taqdu.”47 Tkunux imqarrqin jew intimidati bl-istorbju qawwi tal-avversarju li ġej mill-bini kbir u spazjuż. Id-deċibbli ddisprati tagħhom ma jikkomparawx mal-influwenza serena tal-leħen ħelu u sieket fuq qlub maqsuma u spirti niedma.

Jien nixhed li Kristu jgħix, li Hu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, u li Huwa jmexxi lill-Knisja tiegħu permezz tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum ta’ Tnax-il Appostlu, u hekk jaċċerta li aħna m’aħniex “mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim.”48

“Il-vera dixxipli ta’ Ġesù Kristu,” għallem il-President Nelson, “huma lesti li jkunu differenti min-nies l-oħra tad-dinja u ma jiddejqux jgħidu dak li jemmnu. Huma nies kuraġġjużi, devoti, u ma jintimidawx ruħhom malajr.”49

Ħuti, huwa jum tajjeb biex tkunu tajbin! Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.