Mill-Qalb Kulma Għandna
Jekk irridu lis-Salvatur jelevana ’l fuq lejn is-smewwiet, mela l-impenn tagħna lejh u lejn l-evanġelju tiegħu ma jistax ikun wieħed każwali jew okkażjonali.
Offerta Lilu
Ftit jiem biss qabel ta ħajtu għalina, Ġesù Kristu kien fit-tempju f’Ġerusalemm, iħares lejn in-nies joffru d-donazzjonijiet lit-teżor tat-tempju. “Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna,” iżda mbagħad, ġiet waħda armla fqira, “u tefgħet biċċtejn żgħar.” Tant l-ammont kien żgħir, li lanqas biss inkiteb x’kien.
U madankollu din id-donazzjoni li kienet tidher insinifikanti ġibdet l-attenzjoni tas-Salvatur. Fil-fatt, tant impressjona ruħu li “hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom, Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor:
“Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom; imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”1
Permezz ta’ din l-osservazzjoni sempliċi, is-Salvatur għallimna kif jitkejlu l-offerti fis-saltna tiegħu—u differenti mhux ħażin mill-mod li normalment inkejlu l-affarijiet aħna. Għall-Mulej, il-valur ta’ donazzjoni ġie mkejjel mhux bl-effett li kellha fuq it-teżor iżda bl-effett li kellha fuq qalb id-donatur.
Fit-tifħir tiegħu għal din l-armla fqajra, is-Salvatur tana mudell kif għandna nkejlu d-dixxipulat tagħna fid-diversi modi li nistgħu nesprimuh. Ġesù għallem li l-offerta tagħna tista’ tkun kbira jew żgħira, iżda tkun xi tkun, jeħtieġ li tkun mill-qalb kulma għandna.
Dan il-prinċipju nisimgħuh jidwi fl-appell tal-profeta Għamaleki fil-Ktieb ta’ Mormon: “Ejjew għand Kristu, li hu l-Qaddis ta’ Iżrael, u gawdu mis-salvazzjoni tiegħu, u mill-qawwa tal-fidwa tiegħu. Iva, ejjew għandu, u offru ruħkom kollha bħala offerta lilu.”2
Iżda dan kif inhu possibbli? Għal ħafna minna, mudell bħal dan, ta’ impenn b’ruħna u ġisimna jidher xi ħaġa diffiċli nwettquha. Aħna diġà nsibuha diffiċli f’li qed nagħmlu s’issa. Kif nistgħu nsibu bilanċ bejn dak kollu li rridu nwettqu f’ħajjitna u x-xewqat tagħna li noffru ruħna kollha lill-Mulej?
Jista’ jkun li l-isfida tagħna hi li naħsbu li l-bilanċ ifisser li naqsmu ħina min-nofs bejn ħwejjeġ li qed jikkompetu bejniethom. Jekk inħarsu lejha b’dal-mod, l-impenn tagħna lejn Ġesù Kristu għandu jkun wieħed mill-bosta ħwejjeġ li jeħtieġ nsibu post għaliha fl-iskeda mimlija tagħna. Iżda jista’ jkun li hemm mod ieħor kif inħarsu lejha.
Il-Bilanċ: Bħal Meta Ssuq Rota
Marti, Harriet, u jien inħobbu mmorru dawra bir-rota flimkien. Hu mod mill-isbaħ kif neżerċitaw ftit ruħna hekk kif ukoll inqattgħu ftit ħin flimkien. Waqt li nkunu fuq ir-rota, u jien ma nkunx qed nilheġ xi ftit iżżejjed, aħna nieħdu gost bid-dinja sabiħa ta’ madwarna u anke naqbdu xi konverżazzjoni sabiħa. Rari jkollna għalfejn noqogħdu naħsbu kif għandna nżommu l-bilanċ fuq ir-roti tagħna. Ilna nsuqu r-rota biżżejjed li lanqas biss naħsbu dwar dan—saret ħaġa normali u naturali għalina.
Iżda kull meta nara lil xi ħadd qed isuq ir-rota għall-ewwel darba, niftakar li mhux faċli tibbilanċja lilek innifsek fuq dawk iż-żewġ roti rqaq. Teħtieġ iż-żmien. Teħtieġ il-prattika. Teħtieġ il-paċenzja. Saħansitra teħtieġ li taqa’ mal-art xi darba jew tnejn.
Fuq kollox, dawk li jirnexxilhom iżommu l-bilanċ fuq rota jitgħallmu dawn is-suġġerimenti importanti:
Tħarisx lejn il-pala ta’ saqajk.
Ħares ’il quddiem.
Żomm għajnejk fuq it-triq li hemm quddiemek. Iffoka fuq id-destinazzjoni tiegħek. U kompli aqdef. Li nżommu l-bilanċ jiddependi għal kollox minn li nibqgħu mexjin ’il quddiem.
Prinċipji simili japplikaw meta niġu biex insibu l-bilanċ f’ħajjitna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Kif tqassam il-ħin u l-enerġija tiegħek fost il-ħafna affarijiet importanti li trid twettaq ivarja ħafna minn persuna għall-oħra u minn staġun għall-ieħor ta’ ħajjitna. Iżda l-oġġettiv komuni u inġenerali tagħna hu li nimxu fit-Triq tal-Imgħallem tagħna, Ġesù Kristu, u nerġgħu lura fil-preżenza tal-għażiż Missierna fis-Smewwiet. Dan l-oġġettiv jeħtieġ jibqa’ wieħed kostanti u konsistenti, irrispettivament min aħna u x’qed iseħħ aktar f’ħajjitna.3
Elevazzjoni: Bħal Meta Ssuq Ajruplan
Issa, għal dawk li intom ċiklisti akkaniti, li nqabblu d-dixxipulat ma’ meta wieħed isuq rota taf hi analoġija li tgħinkom. Għal dawk fostkom li mhumiex, tinkwetawx. Għandi analoġija oħra li jien żgur li kull raġel, mara, tifel u tifla jistgħu jirrelataw magħha.
Id-dixxipulat, bħal ħafna ħwejjeġ oħra fil-ħajja, nistgħu nqabbluh ukoll ma meta ssuq ajruplan.
Ġieli waqaftu taħsbu ftit kemm hi ħaġa tal-għaġeb li ajruplan daqsiex tal-passiġġieri jista’ fil-fatt jinqata’ mill-art u jtir? X’inhu li jżomm dawn il-magni li jtiru jibqgħu għaddejjin b’mod eleganti fis-sema, minn fuq l-ibħra u l-kontinenti?
Fi ftit kliem, ajruplan itir biss meta l-arja tkun għaddejja minn fuq ġwenħajh. Dak il-moviment joħloq differenza fil-pressjoni tal-arja li twassal biex televa l-ajruplan. U kif tara li jkollok biżżejjed arja għaddejja minn fuq il-ġwienaħ biex toħloq din l-elevazzjoni? It-tweġiba hi li tibqa’ miexi ’l quddiem bi grinta.
L-ajruplan ma jistax jitla’ ’l fuq jekk jibqa’ wieqaf fuq runway. Anke f’jum bir-riħ, l-elevazzjoni biżżejjed ma tinħoloqx sakemm l-ajruplan ma jkunx miexi ’l quddiem, b’biżżejjed grinta li tikkontrobatti l-forzi li jkunu qed iżommuh lura.
L-istess kif li tibqa’ taqdef ’il quddiem iżomm ir-rota bilanċjata u wieqfa, li timxi ’l quddiem jgħin ajruplan jegħleb il-ġibda tal-gravità u r-reżistenza.
Dan xi jfisser għalina bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu? Ifisser li jekk aħna rridu nsibu l-bilanċ fil-ħajja, u jekk irridu lis-Salvatur jelevana ’l fuq lejn is-smewwiet, mela l-impenn tagħna lejh u lejn l-evanġelju tiegħu ma jistax ikun wieħed każwali jew okkażjonali. Bħall-armla f’Ġerusalemm, aħna nistgħu noffrulu ruħna kollha. L-offerta tagħna taf tkun żgħira, iżda jeħtieġ li tkun ġejja minn qalbna u minn ruħna.
Li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu mhijiex sempliċiment waħda mill-affarijiet li nagħmlu. Is-Salvatur hu l-forza motivanti f’dak kollu li nagħmlu. Hu mhuwiex waqfa għall-mistrieħ fil-vjaġġ tagħna. Hu mhuwiex xi veduta mill-isbaħ jew xi attrazzjoni ewlenija tul it-triq. Huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier, jekk mhux permezz ta’ [Ġesù Kristu].”4 Din hija it-Triq u d-destinazzjoni aħħarija tagħna.
Il-bilanċ u l-elevazzjoni niksbuhom meta “nibqgħu mexjin ’il quddiem b’mod kostanti fi Kristu, u jkollna dija perfetta ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha.”5
Sagrifiċċju u Konsagrazzjoni
U xi ngħidu dwar il-bosta affarijiet u responsabbiltajiet li jagħmlu ħajjitna waħda mill-aktar impenjattiva? Inqattgħu ħin mal-maħbubin tagħna, immorru l-iskola jew nitħejjew għax xi impjieg, naqilgħu l-għajxien, nieħdu ħsieb il-familja, inservu fil-komunità—kif nistgħu nagħmlu dan? Is-Salvatur jassigurana:
“Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.
“Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”6
Iżda dan ma jfissirx li din xi ħaġa faċli.7 Dan jeħtieġ kemm sagrifiċċju kif ukoll konsagrazzjoni.
Jeħtieġ li nħallu xi affarijiet jitilqu u nħallu oħrajn jikbru.
Is-sagrifiċċju u l-konsagrazzjoni huma żewġ liġijiet divini li aħna nagħmlu bħala patt li se nobdu fit-tempju mqaddes. Dawn iż-żewġ liġijiet huma simili iżda mhux identiċi. Li tissagrifika ifisser li tiċċaħħad minn xi ħaġa biex tikseb xi ħaġa aktar prezzjuża. Fi żmien il-qedem, il-poplu ta’ Alla ssagrifika l-ewwel frieħ tiegħu biex jagħti ġieħ lill-Messija li kellu jiġi. Matul l-istorja tad-dinja, Qaddisin fidili ssagrifikaw ċerti xewqat u kumditajiet personali, u saħansitra ħajjithom għas-Salvatur.
Aħna lkoll għandna ħwejjeġ, kbar u żgħar, li jeħtieġ nissagrifikaw sabiex nimxu wara Ġesù Kristu b’mod aktar sħiħ.8 Is-sagrifiċċji tagħna jindikaw x’ngħożżu verament. Is-sagrifiċċji huma sagri u jiġu onorati mill-Mulej.9
Il-konsagrazzjoni hi differenti mis-sagrifiċċju tal-anqas f’ħaġa waħda importanti. Meta nikkonsagraw xi ħaġa, ma nħalluhiex tiġi kkunsmata fuq l-artal. Minflok, naraw li tiġi wżata fis-servizz tal-Mulej. Niddedikawha għalih u għall-għanijiet mqaddsa tiegħu.10 Aħna nirċievu t-talenti li tana l-Mulej u nagħmlu li tistgħu biex inkattruhom bil-kbir, ħalli nsiru aktar ta’ għajnuna fil-bini tas-saltna tal-Mulej.11
Ftit biss minnh niġu mitlubin nissagrifikaw ħajjitna għas-Salvatur. Iżda lkoll mistiedna sabiex nikkonsagraw ħajjitna għalih.
Ħidma Waħda, Hena Waħda, Għan Wieħed
Hekk kif infittxu li nsaffu ħajjitna u nħarsu lejn Kristu f’kull ħsieb,12 kull ħaġa oħra tibda tallinja ruħha. Il-ħajja ma nħossuhiex aktar bħala xi lista twila ta’ sforzi separati li qed iżommu fuq bilanċ mill-aktar fraġli.
Maż-żmien, kollox isir ħidma waħda.
Hena waħda.
Għan qaddis wieħed.
Hija l-ħidma li nħobbu u nservu lil Alla. Hi li nħobbu u nservu lil ulied Alla.13
Meta nħarsu lejn ħajjitna u naraw li għandna mitt ħaġa x’nagħmlu, inħossuna ddisprati. Meta naraw biss ħaġa waħda—li nħobbu u nservu lil Alla u lil uliedu, b’mitt mod differenti—hemm inkunu nistgħu naħdmu fuq dawk il-ħwejjeġ b’ferħ.
Dan hu l-mod kif noffru ruħna kollha—billi nissagrifikaw kull ħaġa li qed iżżommna lura u nikkonsagraw il-kumplament għall-Mulej u l-għanijiet tiegħu.
Kelma ta’ Inkuraġġiment u Testimonjanza
Għeżież ħuti u ħbieb tiegħi, ikun hemm żminijiet meta tixtieq li tista’ tagħmel aktar. Missierek fis-Smewwiet jafha qalbek. Hu jaf li ma tistax tagħmel dak kollu li trided tagħmel qalbek. Iżda int tista’ tħobb u taqdi lil Alla. Tista’ tagħmel l-almu tiegħek biex tħares il-kmandamenti tiegħu. Tista’ tħobb u taqdi lil uliedu. U l-isforzi tiegħek isaffulek qalbek u jħejjuk għal ġejjieni mill-aktar glorjuż.
Din ħaġa li l-armla ħdejn it-teżor tat-tempju jidher li fehmet. Hi bla dubju kienet taf li l-offerta tagħha ma kenitx se tibdel id-destin ta’ Iżrael, iżda setgħet tibdel u tbierek lilha—peress, li minkejja li żgħira, kienet kulma kellha.
Għalhekk, għeżież ħbieb tiegħi u dixxipli bħali ta’ Ġesù Kristu, ejjew ma “nieqfu qatt nagħmlu t-tajjeb, għax aħna qed “inħejju l-pedament ta’ ħidma kbira.” U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu “ħwejjeġ kbar.”14
Jiena nixhed li dan hu minnu, u nixhed ukoll li Ġesù Kristu huwa l-Imgħallem tagħna, il-Feddej tagħna, u l-unika Triq tagħna lura lejn l-għażiż Missierna fis-Smewwiet. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.