Konferenza Ġenerali
Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali
konferenza ġenerali April 2022


Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali

Nixtieq nissuġġerixxi ħames azzjonijiet speċifiċi li nistgħu nieħdu li jgħinuna nżommu spinta spiritwali pożittiva.

Għeżież ħuti, jiena nħobbkom. Ngħożż din l-opportunità li għandi li nitkellem magħkom illum. Nitlob kuljum li intom tkunu protetti mill-attakki ħorox tal-avversarju u jkollkom il-qawwa li tibqgħu għaddejjin qalb kwalunkwe sfidi li tiffaċċjaw.

Ċerti sfidi huma piż privat mill-aktar tqil li ħadd aktar ma jista’ jara. Oħrajn tista’ tarahom id-dinja kollha. Il-kunflitt armat fl-Ewropa tal-lvant hu wieħed minnhom. Jien żort l-Ukrajna u r-Russja bosta drabi. Dawk il-pajjiżi, in-nies u l-lingwi tagħhom verament inħobbhom. Nitnikket u nitlob għal dawk kollha affettwati b’dan il-kunflitt. Bħala knisja qed nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lil dawk li qed ibatu u jissieltu mal-ħajja. Nistiednu lil kulħadd biex tkomplu ssumu u titolbu għan-nies kollha li qed jintlaqtu minn dan id-diżastru. Kwalunkwe gwerra tmur kontra b’mod orribbli dak kollu li l-Mulej Ġesù Kristu jirrappreżenta u jgħallem.

Ħadd minna ma jista’ jikkontrolla l-ġnus jew l-għemejjel ta’ ħaddieħor jew saħansitra lill-membri tal-familji tagħna. Iżda aħna nistgħu nikkontrollaw lilna nfusna. L-appell tiegħi llum, għeżież ħuti, hu li ttemmu l-kunflitt li jinsab għaddej fil-qalb tagħkom, fid-dar tagħkom, u fil-ħajja tagħkom . Idfnu kull inklinazzjoni li tweġġgħu lil ħaddieħor—sew jekk dik l-inklinazzjoni hi t-temperiment, ilsien iniggeż, jew riżentiment għal xi ħadd li weġġagħkom. Is-Salvatur talabna biex indawru wiċċna n-naħa l-oħra,1 inħobbu lil għedewwa tagħna, u nitolbu għal dawk li jżebilħuna.2

Jaf ikun diffiċli li tneħħi r-rabja minn ġo fik li tħoss li hi ġġustifikata. Jaf jidher impossibbli li taħfer lil dawk li l-għemejjel distruttivi tagħhom weġġgħu lill-innoċenti. U madankollu, is-Salvatur qed iwiddibna biex “naħfru lil kulħadd.”3

Aħna dixxipli tal-Prinċep tal-Paċi. Qatt daqs illum ma neħtieġu l-paċi li Hu biss jista’ jwasslilna. Kif nistgħu nistennew li teżisti l-paċi fid-dinja meta aħna m’aħniex individwalment infittxu l-paċi u l-armonija? Ħuti, jiena naf li dak li qed nissuġġerixxi mhuwiex faċli. Iżda d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu għandhom jagħtu eżempju li d-dinja għandha timxi warajh. Nitlobkom biex tagħmlu dak kollu li tistgħu biex ittemmu l-kunflitti personali li bħalissa għaddejjin f’qalbkom u f’ħajjitkom.

Ippermettuli nenfasizza dan l-appell għal azzjoni billi niddiskutu kunċett li ġie f’moħħi m’ilux waqt li kont qed insegwi logħba baskitbol.

F’din il-logħba, l-ewwel taqsima kienet battalja min-naħa għall-oħra. Imbagħad, waqt l-aħħar ħames sekondi tal-ewwel taqsima, plejer ta’ tìm minnhom irnexxielu jiskorja ballun mill-isbaħ ta’ tliet punti. Hekk kif kien baqa’ biss minuta, sieħbu fit-tim seraq ballun li kien qed jitqassam u għamel baskit ieħor mas-suffara. Għalhekk dak it-tìm daħal jistrieħ b’erba’ punti minn fuq, bi spinta mill-aktar kbira. Kienu kapaċi jkomplu għaddejjin b’dik l-ispinta fit-tieni taqsima u spiċċaw rebħu l-logħba.

L-ispinta hija kunċett b’saħħtu. Aħna lkoll esperjenzajna dan f’xi forma jew oħra—per eżempju, vettura li żżid il-veloċità tagħha jew xi nuqqas ta’ qbil li f’daqqa waħda jispiċċa f’argument.

Għalhekk nistaqsi, x’jista’ jwassal għal spinta spiritwali? Aħna rajna eżempji ta’ spinta kemm pożittiva kif ukoll negattiva. Nafu dixxipli ta’ Ġesù Kristu li kkonvertew u kibru fil-fidi tagħhom. Iżda nafu wkoll b’membri li xi darba kienu mill-aktar fidili li spiċċaw tilfu triqthom. L-ispinta tista’ tmur kull naħa.

Qatt ma konna neħtieġu spinta spiritwali pożittiva aktar minn issa, biex nikkontrobattu l-veloċità li biha l-ħażen u s-sinjali mudlama taż-żminijiet qed jintensifikaw ruħhom. L-ispinta spiritwali pożittiva żżommna mexjin ’il quddiem qalb il-biża’ u l-inċertezza riżultat ta’ pandemiji, tsunamis, żbruffar ta’ vulkan, u ostilità armata. L-ispinta spiritwali tista’ tgħinna nieqfu kontra l-attakki ħżiena bla waqfien tal-avversarju u ndgħajfu l-isforzi tiegħu li jmermer il-pedament spiritwali u personali tagħna.

Bosta għemejjel jistgħu jwasslu għal spinta spiritwali pożittiva. L-ubbidjenza, l-imħabba, l-umiltà, is-servizz, u l-gratitudni4 huma ftit minnhom.

Illum nixtieq nissuġġerixxi ħames azzjonijiet speċifiċi li nistgħu nieħdu li jgħinuna nżommu spinta spiritwali pożittiva.

L-ewwel: Idħol fit-triq tal-patt u ibqa’ hemm.

M’ilux wisq, kelli ħolma mill-aktar ċara li fiha ltqajt ma’ grupp kbir ta’ nis. Huma staqsewni bosta mistoqsijiet, fejn l-aktar waħda frekwenti kienet dwar it-triq tal-patt u għalfejn hi daqstant importanti.

Fil-ħolma tiegħi, jien spjegajt li aħna nidħlu fit-triq tal-patt billi nitgħammdu u nagħmlu l-ewwel patt tagħna ma’ Alla.5 Kull darba li nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nwiegħdu għal darb’oħra li nieħdu fuqna isem is-Salvatur, li niftakru fih, u li nħarsu l-kmandamenti tiegħu.6 Min-naħa tiegħu, Alla jiżgurana li aħna jista’ jkollna dejjem magħna l-Ispirtu tal-Mulej.

Aktar tard aħna nagħmlu patti oħra fit-tempju, fejn nirċievu wegħdiet aktar kbar. L-ordinanzi u l-patti jagħtuna aċċess għal qawwa divina. It-triq tal-patt hi l-unika triq li twassal għall-eżaltazzjoni u l-ħajja eterna.

Fil-ħolma tiegħi, waħda mara mbagħad staqsietni kif seta’ xi ħadd li kiser il-patti tiegħu jerġa’ lura f’dik it-triq. It-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija tagħha twassalna għat-tieni suġġeriment:

Skopru l-ferħ tal-indiema ta’ kuljum.

Kemm hi importanti l-indiema? Alma għallem li aħna ma għandna “nxadru xejn ħlief l-indiema u l-fidi fil-Mulej.”7 L-indiema hi meħtieġa għal kull persuna kontabbli li tixtieq il-glorja eterna.8 M’hemm l-ebda eċċezzjoni. F’rivelazzjoni lill-Profeta Joseph Smith, il-Mulej ċanfar lill-mexxejja tal-Knisja bikrija talli ma kenux qed jgħallmu l-evanġelju lil uliedhom.9 L-indema hija s-sigriet biex navvanzaw. Il-fidi safja tgħinna nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt.

Jekk jogħġobkom tibżgħux jew ddumu ma tindmu. Satana jieħu gost bil-miżerja tagħkom. Eħilsu minnu. Keċċu l-influwenza tiegħu minn ħajjitkom! Ibdew mil-lum esperjenzaw il-ferħ li tneħħu minn fuqkom il-bniedem naturali.10 Is-Salvatur iħobbna dejjem iżda speċjalment meta nindmu. Hu wiegħed li minkejja li “jistgħu jitħarrku l-muntanji, u jitheżhżu l-għoljiet … mħabbti minn miegħek ma titħarrikx.”11

Jekk tħoss li tbegħidt wisq mit-triq tal-patt u diffiċli ħafna terġa’ lura, dan sempliċiment mhuwiex minnu.12 Jekk jogħġobkom agħmlu kuntatt mal-isqof jew il-president tal-fergħa tagħkom. Hu l-aġent tal-Mulej u jgħinkom tesperjenzaw il-ferħ u s-solliev tal-indiema.

Issa, kelma ta’ twissija: Li terġgħu lura fit-triq tal-patt ma jfissirx li l-ħajja se tkun faċli. Din it-triq hi waħda rigoruża u xi kultant tinħass qisha xi telgħa wieqfa.13 Din it-telgħa, madankollu, hi mfassla biex tittestjana u tgħallimna, biex tirraffina n-natura tagħna, u tgħinna nsiru qaddisin. Hija l-uniku triq li twassal għall-eżaltazzjoni. Wieħed profeta14 ddeskriva “l-istat imbierek u hieni ta’ dawk li jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali; u jekk huma jibqgħu fidili sat-tmiem, huma jintlaqgħu fis-sema … u jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”15

Li nimxu fit-triq tal-patt, flimkien mal-indiema ta’ kuljum, twassal għal spinta spiritwali pożittiva.

It-tielet suġġeriment tiegħi: Tgħallem dwar Alla u kif jaħdem.

Waħda mill-akbar sfidi tagħna llum hi li niddistingwu bejn il-veritajiet ta’ Alla u l-imitazzjoni ta’ Satana. Għalhekk li l-Mulej widdibna biex “nitolbu dejjem, … sabiex inkunu nistgħu negħlbu lil Satana, u … neħilsu minn idejn il-qaddejja ta’ Satana li jmexxu ’l quddiem ħidmietu.”16

Mosè tana eżempju mill-aqwa kif nistgħu nagħrfu bejn Alla u Satana. Meta Satana mar iġarrab lil Mosè, huwa għaraf il-qerq għaliex kien għadu kif tkellem wiċċ imb wiċċ ma’ Alla. Mosè mill-ewwel irrealizza min kien Satana u ordnalu biex jitlaq17 Meta Satana kompla jippersisti, Mosè kien jaf kif isejjaħ lil Alla għal aktar għajnuna. Mosè rċieva l-qawwa divina u ċanfar lill-malinn għal darb’oħra, fejn qallu, “Itlaq minn ħdejja, Satana, għaliex jien lil dan Alla wieħed biss inqim.”18

Għandna nimxu wara dak l-eżempju. Keċċu l-influwenza ta’ Satana minn ħajjitkom! Jekk jogħġobkom timxux warajh ’l isfel sa “l-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem.”19

B’qawwa tal-biża’, testimonjanza li mhijiex indukrata kuljum “permezz tal-kelma tajba ta’ Alla”20 tista’ tikkrolla. Għalhekk, dan l-antidot għall-iskema ta’ Satana hu wieħed ċar: neħtieġu li kuljum inqimu lill-Mulej u nistudjaw l-evanġelju tiegħu. Nitlobkom tħallu lill Alla jiddomina f’ħajjitkom. Iddedikaw ħin biżżejjed għalih. Hekk kif tagħmlu dan, innotaw x’jiġri fl-ispinta spiritwali u pożittiva tagħkom.

Suġġeriment numru 4: Fittxu u stennew il-mirakli.

Moroni assigurana li “Alla ma waqafx ikun Alla tal-mirakli.”21 Kull ktieb ta’ skrittura jurina kemm il-Mulej hu lest li jinterveni fil-ħajja ta’ dawk li jemmnu fih.22 Hu feraq il-Baħar tal-Qasab għal Mosè, għen lil Nefi jikseb lura l-pjanċi tal-bronż, u rrestawra l-Knisja tiegħu permezz tal-profeta Joseph Smith. Kull wieħed minn dawn il-mirakli ħadu ż-żmien u ma kenux eżattament kif dawn l-individwi oriġinalment talbu lill-Mulej.

Bl-istess mod, il-Mulej ibierek lilkom b’mirakli jekk intom temmnu fih, “bla ma tiddubitaw.”23 Wettqu l-ħidma spiritwali biex iseħħu l-mirakli. Bl-għajnuna tat-talb itolbu lil Alla biex jgħinkom teżerċitaw dik it-tip ta’ fidi. Inwegħidkom li tistgħu tesperjenzaw intom stess li Ġesù Kristu “jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.”24 Ftit affarijiet jaċċelleraw l-ispinta spiritwali tagħkom aktar minn meta tirrealizzaw li l-Mulej qed jgħinkom iċaqalqu muntanja f’ħajjitkom.

Suġġeriment numru 5: Temmu l-kunflitt fil-ħajja personali tagħkom.

Nerġa’ ntenni l-appell tiegħi li ttemmu l-kunflitt fil-ħajja tagħkom . Eżerċitaw l-umiltà, il-kuraġġ, u l-qawwa meħtieġa kemm biex taħfru kif ukoll biex tfittxu l-maħfra. Is-Salvatur wiegħed li “jekk aħna naħfru lill-oħrajn il-ħtijiet tagħhom, Missierna li hu fis-smewwiet jaħfer lilna wkoll.”25

Ħmistax oħra niċċelebraw l-Għid. Bejn issa u dakinhar, nistedinkom tfittxu li ttemmu kull kunflitt personali li qed itaqqalkom. Jista’ jkun hawn att aqwa ta’ gratitudni lejn Ġesù Kristu għall-Espjazzjoni tiegħu? Jekk bħalissa l-maħfra tidher impossibbli, itolbu biex ikollkom il-qawwa permezz tad-demm tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu ħalli tgħinkom. Hekk kif tagħmlu dan, inwegħidkom il-paċi personali u nixxiegħa ta’ spinta spiritwali.

Meta s-Salvatur ħallas il-prezz għall-umanità kollha, Hu fetaħ triq biex dawk li jimxu warajh ikun jista’ jkollhom aċċess għall-fejqan, għall-qawwa setgħana u feddejja tiegħu. Dawn il-privileġġi spiritwali huma disponibbli għal dawk kollha li jfittxu li jisimgħuh u jimxu warajh.

Għeżież ħuti, minn qiegħ qalbi nitlobkom biex tidħlu fit-triq tal-patt u tibqgħu hemm. Esperjenzaw il-ferħ tal-indiema ta’ kuljum. Tgħallmu dwar Alla u kif Huwa jaħdem. Fittxu u stennew il-mirakli. Agħmlu l-almu tagħkom biex ittemmu l-kunflitt f’ħajjitkom.

Hekk kif taġixxu skont dawn l-għanijiet, inwegħidkom l-abbiltà li timxu ’l quddiem fit-triq tal-patt b’aktar spinta, minkejja l-ostakli li tistgħu tiffaċċjaw. U nwegħidkom qawwa akbar biex tirreżistu t-tentazzjoni, aktar paċi fil-moħħ, ħelsien mill-biża’, u aktar għaqda fil-familji tagħkom.

Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Huwa jgħix! Huwa jħobbna u lest li jgħinna. Ta’ dan jiena nixhed fl-isem sagru tal-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara 3 Nefi 12:39.

  2. Ara 3 Nefi 12:44.

  3. Doctrine and Covenants 64:10; ara wkoll vers 9.

  4. Kif qal l-Appostlu Pawlu: “Iżżu ħajr lil Alla f’kollox” (1 Tessalonikin 5:18). Wieħed mill-antidot ċerti għad-disperazzjoni, l-iskoraġġiment, u l-letarġija spiritwali hija l-gratitudni. X’inhuma wħud mill-affarijiet li għalihom għandna niżżu ħajr lil Alla? Għanda niżżuh ħajr għas-sbuħija tad-dinja, għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju, u għal għadd ta’ modi kif Hu u Ibnu raw li l-qawwa tagħhom tkun disponibbli għalina hawn f’din l-art. Niżżuh ħajr għall-iskrittura, għall-anġli li jwieġbu t-talb tagħna lil Alla għall-għajnuna, għar-rivelazzjoni, u għall-familji eterni. U fuq kollox, niżżu ħajr lil Alla għar-rigal ta’ Ibnu u l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li tagħmilha possibbli għalina li nwettqu l-missjonijiet li għalihom ntbagħatna fid-dinja.

  5. Biex nifhmu t-triq tal-patt, importanti li nifhmu li l-patt jinvolvi impenn minn żewġ naħat bejn Alla u xi ħadd minn uliedu. F’patt, Alla jfassal it-termini, u aħna naqblu ma’ dawk it-termini. Min-naħa tiegħu, Alla jagħmel magħna ċerti wegħdiet. Bosta patti huma akkumpanjati minn sinjali li jidhru—jew ordinanzi sagri—li fihom nipparteċipaw b’xhieda preżenti. Per eżempju, il-magħmudija hija sinjal lilll-Mulej li l-persuna li qed titgħammed għamlet patt li se tħares il-kmandamenti ta’ Alla.

  6. Ara Moroni 4:3; 5:2; Doctrine and Covenants 20:77, 79.

  7. Mosiah 18:20.

  8. Ara Moses 6:50, 57.

  9. Ara Doctrine and Covenants 93:40–48.

  10. Ara Mosiah 3:19.

  11. Isaija 54:10, enfażi miżjuda; ara wkoll 3 Nefi 22:10. Tjubija hi tradotta mit-terminu Ebrajk hesed, kelma qawwija b’tifsira profonda li turi tjubija, ħniena, mħabba tal-patt, u aktar.

  12. Hu possibbli li tpatti għal xi dnubiet iżda mhux għal oħrajn. Jekk xi persuna tabbuża jew tweġġa’ persuna oħra, jew toqtol lil xi ħadd ieħor, ma tistax tpatti għal għemilha. Il-midneb f’dawk il-każijiet hemm limitu x’jista’ jagħmel, u jkun baqagħlu bilanċ kbir x’jagħti. Minħabba r-rieda tal-Mulej li jaħfer il-bilanċ li jkun baqa’, nistgħu mmorru għandu minkejja li nkunu tbegħidna wisq. Meta nindmu sinċerament, Hu jaħfrilna. Kull bilanċ li jkun baqa’ għal dnubietna u l-abbiltà tagħna li npattu sħiħ għalihom jista’ jitħallas biss jekk napplikaw l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li jista’ jagħtina r-rigal tal-ħniena. Ir-rieda tiegħu li jaħfer il-bilanċ tagħna huwa rigal imprezzabbli.

  13. Ara 2 Nefi 31:18–20.

  14. Il-profeta Nefita s-Sultan Benjamin.

  15. Mosiah 2:41.

  16. Doctrine and Covenants 10:5; enfażi miżjuda.

  17. Ara Moses 1:16; ara wkoll versi 1–20.

  18. Moses 1:20.

  19. Helaman 5:12.

  20. Moroni 6:4.

  21. Mormon 9:15; ara wkoll vers 19.

  22. Ġwanni l-Appostlu ddikjara li hu ddokumenta l-mirakli tas-Salvatur ħalli “aħna nkunu nistgħu nemmnu li Ġesù hu l-Kristu” (Ġwanni 20:31).

  23. Mormon 9:21.

  24. Isaija 40:29.

  25. Mattew 6:14.