Konferenza Ġenerali
Konverżjoni għar-Rieda ta’ Alla
konferenza ġenerali April 2022


Konverżjoni għar-Rieda ta’ Alla

Il-konverżjoni personali tagħna tinkludi r-responsabbiltà li naqsmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu mad-dinja.

Jiena grat għas-sejħa profetika qawwija tal-President Russell M. Nelson għas-servizz missjunarju u għall-messaġġi ispirat għall-missjunarji tal-President M. Russell Ballard u l-Presbiteru Marcos A. Aidukaitis li smajna llum.

Assenjazzjoni missjunarja fil-Gran Brittanja tard is-sena l-oħra tagħtini ċ-ċans nirrifletti dwar l-avvenimenti spiritwali prezzjużi li kienu fundamentali fid-deċiżjoni tiegħi li nservi bħala missjunarju.1 Meta kelli 15-il sena, l-għażiż ħija l-kbir, Joe, kellu 20 sena—li dak iż-żmien kienet l-età ta’ eliġibbiltà bies isservi missjoni. Fl-Istati Uniti, minħabba l-kunflitt fil-Koreja, ftit kienu li setgħu jservu. Kull sena wieħed biss seta’ jiġi msejjaħ minn kull qasam.2 Kienet sorpriża meta l-isqof tagħna talab lil Joe biex jesplora din il-possibbiltà ma’ missierna. Joe kien jinsab iħejji l-applikazzjonijiet għall-iskola medika. Missierna, li ma kienx attiv fil-Knisja, kien għamel ċerti preparazzjonijiet finanzjarji biex jgħinu u kien kontra li Joe imur missjoni. Missierna ssuġġerixxa li Joe seta’ jagħmel aktar ġid jekk imur l-iskola medika. Din ma kenitx kwistjoni faċli fil-familja tagħna.

Waqt diskussjoni mill-aktar sinjifikanti mal-għaqli u l-eżemplari ħija l-kbir, wasalna għall-konklużjoni li d-deċiżjoni tiegħu jekk kellux iservi missjoni u jkompli bl-istudji tiegħu aktar tard kienet tiddependi minn tliet mistoqsijiet: (1) Ġesù Kristu hu divin? (2) Il-Ktieb ta’ Mormon hu verament il-kelma ta’ Alla? U (3) Joseph Smith hu verament il-Profeta tar-Restawrazzjoni? Jekk it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kienet iva, kien ċar li Joe kien se jwettaq ferm aktar ġid jekk jaqsam l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu milli jsir tabib aktar kmieni.3

Dik il-lejla jien tlabt b’qawwa u b’intenzjoni ġenwina. L-Ispirtu, b’mod mill-aktar qawwi, ikkonferma miegħi li t-tweġiba għat-tliet mistoqsijiet kollha kienet iva. Dan kien avveniment mill-aktar importanti għalija. Irrealizzajt li kull deċiżjoni li kont se nieħu fil-kumplament ta’ ħajti kellha tkun influwenzata minn dawn il-veritajiet. Kont naf ukoll li jien kont lest inservi missjoni jekk ningħata l-opportunità. Tul ħajja ta’ servizz u esperjenzi spiritwali, jien wasalt biex fhimt li l-vera konverżjoni hija r-riżultat li konxjament naċċettaw ir-rieda ta’ Alla, u nistgħu niġu ggwidati f’dak li nagħmlu mill-Ispirtu s-Santu.

Jien diġà kelli testimonjanza tad-divinità ta’ Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tad-dinja. Dik il-lejla jien irċevejt testimonjanza spiritwali tal-Ktieb ta’ Mormon4 u l-Profeta Joseph Smith.

Joseph Smith Kien Strument f’Idejn il-Mulej

It-testimonjanza tagħkom tissaħħaħ meta tkunu tafu f’qalbkom permezz tat-talb tagħkom li l-Profeta Joseph Smith kien strument f’idejn il-Mulej. F’dawn l-aħħar tmien snin, waħda mill-assenjazzjonijiet tiegħi bħala wieħed mit-Tnax-il Appostlu kienet li nirrevedi u naqra l-karti u d-dokumenti meraviljużi ta’ Joseph Smith u r-riċerka li wasslet għall-pubblikazzjoni tal-volumi Saints .5 It-testimonjanza u l-ammirazzjoni tiegħi lejn il-Profeta Joseph Smith issaħħet bil-kbir wara li qrajt id-dettalji li jispiraw dwar ħajtu u dwar l-ippredestinat ministeru profetiku tiegħu.

It-traduzzjoni ta’ Joseph tal-Ktieb ta’ Mormon permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla kienu ħaġa fundamentali għar-Restawrazzjoni.6 Il-Ktieb ta’ Mormon huwa internament konsistenti, miktub b’mod sabiħ, u fih it-tweġibiet għall-mistoqsijiet kbar tal-ħajja. Huwa testment ieħor ta’ Ġesù Kristu. Jien nixhed li Joseph Smith kien twajjeb, mimli fidi, u strument f’idejn il-Mulej biex iġib fis-seħħ il-Ktieb ta’ Mormon.

Ir-rivelazzjonijiet u l-avvenimenti li nsibu fid-Duttrina u Patti jipprovdu l-imfietaħ, l-ordinanzi, u l-patti neċessarji għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. Huma jistabbilixxu mhux biss l-essenzjali meħtieġa biex titwaqqaf il-Knisja iżda jipprovdu wkoll duttrina profonda li tagħtina ċ-ċans nifhmu l-għan tal-ħajja u tagħtina perspettiva eterna.

Wieħed minn għadd kbir ta’ eżempji tal-irwol profetiku ta’ Joseph Smith insibuh f’ sezzjoni 76 tad-Duttrina u Patti. Hija kitba espliċita dwar il-viżjoni tas-smewwiet, li tinkludi s-saltniet ta’ glorja, li l-Profeta Joseph u Sidney Rigdon kienu mberkin li jirċievu fis-16 ta’ Frar, 1832. F’dak iż-żmien, il-maġġoranza kbira tal-knejjes kienu qed jgħallmu li l-Espjazzjoni tas-Salvatur ma kenitx se tipprovdi s-salvazzjoni għall-ħafna min-nies. Kienu jemmnu li ftit kienu li se jsalvaw, u li l-maġġoranza kbira kienu ddestinati għall-infern u d-dannazzjoni, li tinkludi t-tortura bla tmiem “ta’ intensità tal-biżà u xokkanti.”7

Ir-rivelazzjoni li nisbu f’sezzjoni 76 tipprovdilna viżjoni glorjuża tal-gradi ta’ glorja fejn il-maġġoranza kbira ta’ wlied Missierna fis-Smewwiet li kienu qalbiena fl-istat primortali tagħhom se jiġu mberkin profondament wara l-aħħar ġudizzju.8 Il-viżjoni tat-tliet gradi ta’ glorja, li l-inqas waħda minnhom “tiżboq kull għarfien,”9 turi biċ-ċar il-falzezza tad-duttrina żbaljata li ħafna kienu jemmu li l-maġġoranza huma ddestinati għall-infern u d-damnazzjoni.

Meta tirrealizza li Joseph Smith kellu biss 26 sena, kellu livell ta’ edukazzjoni limitat, u ftit li xejn espożizzjoni għal-lingwi klassiċi li minnhom ġiet tradotta l-Bibbja, hu kien verament strument f’idejn il-Mulej. F’vers 17 tas-sezzjoni 76, hu kien ispirat li juża l-kelma inġust minflok dannazzjoni li kienet użata fl-Evanġelju ta’ Ġwanni.10

Interessanti l-fatt li 45 sena wara mexxejja tal-Knisja Anglikana u studjuż klassiku ta’ ċertu kredenzjali akkademika,11 Frederic W. Farrar, li kiteb The Life of Christ,12 sostna li t-tifsira ta’ dannazzjoni fil-Verżjoni ta’ King James tal-Bibbja bl-Ingliż kienet riżultat ta’ żball fit-traduzzjoni mil-Lhudi u l-Grieg għall-Ingliż.13

Fi żmienna, ħafna adottaw il-kunċett li m’għandu jkun hemm l-ebda konsegwenza għad-dnub. Huma jissapportjaw l-approvazzjoni bla kondizzjoni tad-dnub mingħajr indiema. Id-duttrina żvelata tagħna mhux biss l-idea li bosta nies se jkunu kkundannati għal dejjem fl-infern u d-dannazzjoni iżda tistabbilixxi wkoll li l-indiema personali hija prerekwiżit meħtieġ biex ikollna sehem mill-Espjazzjoni tas-Salvatur u nirtu s-saltna ċelestjali.14 Jiena nixhed li Joseph Smith kien verament strument f’idejn il-Mulej biex ġab fis-seħħ ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju tiegħu!

Minħabba r-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, aħna nifhmu l-importanza tal-indiema kif ukoll tal-“għemejjel tas-sewwa.”15 Nifhmu s-sinifikat mill-aktar kbir tal-Espjazzjoni tas-Salvatur u l-ordinanzi u l-patti tiegħu għas-salvazzjoni tagħna, inkluż dawk inwettqa fit-tempju.

L-“għemejjel tas-sewwa” huma riżultat tal-frott tal-konverżjoni. Il-vera konverżjoni hija r-riżultat li konxjament naċċettaw u b’impenn nimxu wara r-rieda ta’ Alla.16 L-għadd kbir ta’ konsegwenzi u barkiet li huma riżultat tal-konverżjoni huma vera u huma l-paċi permanenti u l-assigurazzjoni personali tal-ferħ aħħari15—minkejja l-maltemp ta’ din il-ħajja.

Il-konverżjoni lejn is-Salvatur tibdel lill-bniedem naturali f’persuna qaddisa, mwielda mill-ġdid, u ppurifikata—ħlejqa ġdida f’Ġesù Kristu.18

Bosta Jinżammu ’l Bogħod mill-Verità Għax Ma Jafux Fejn Għandhom Isibuha

X’inhuma l-obbligi li joħorġu mill-konverżjoni? Fiċ-Ċella ta’ Liberty, il-Profeta Joseph innota li ħafna “jinżammu ’l bogħod mill-verità għax ma jafux fejn għandhom isibuha.”19

Fil-prefazju tal-Mulej għad-Duttrina u Patti, Hu stabbilixxa dikjarazzjoni ġenerali tal-għan tal-Mulej għalina. Hu ddikjara “Għalhekk, jiena l-Mulej, għax naf bl-għawġ li għandu jiġi fuq l-abitanti tad-dinja, sejjaħt lill-qaddej tiegħi Joseph Smith, iż-Żgħir, u kellimtu mis-smewwiet u lilu jiena tajtu kmandamenti.” Hu kompla jgħid, “Sabiex il-milja tal-evanġelju tiegħi tiġi ddikjarata mid-dgħajfin u mis-sempliċi ma’ kull rokna tad-dinja.”20 Dan jinkludi l-missjunarji full-time. Dan jinkludi lilna lkoll. Din għandha tkun l-attenzjoni ewlenija ta’ dawk kollha li ġew imberkin b’konverżjoni għar-rieda ta’ Alla. Is-Salvatur b’mod grazzjuż jistedinna biex inkunu l-leħen tiegħu u l-idejn tiegħu.21 L-imħabba tas-Salvatur għandha tkun id-dawl li jiggwidana. Is-Salvatur għallem lid-dixxipli tiegħu, “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.”22 U ma’ Joseph Smith iddikjara, “Xandar l-evanġelju tiegħi lil kull ħlejqa li għandha ma rċevietux.”23

Ġimgħa wara d-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kirtland fit-3 ta’ April, 1836, li kien Ħadd il-Għid kif ukoll l-Għid Lhudi, il-Mulej deher waqt dehra meraviljuża lil Joseph u lil Oliver Cowdery. Il-Mulej aċċetta t-tempju u ddikjara, “Dan huwa l-bidu tal-barka li se tinxteħet fuq ras il-poplu tiegħi.”24

Wara li ntemmet din il-viżjoni, deher Mosè “u fdalna f’idejna… l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael mill-erba’ naħat tad-dinja, u t-tmexxija tal-għaxar tribujiet mill-art tat-tramuntana.”25

Il-President Russell M. Nelson, il-maħbub profeta tagħna llum li jħaddan dawk l-istess imfietaħ, għallem dalgħodu: “Intom il-ġuvintur ġejtu riservati għal dan iż-żmien meta qed isseħħ il-ġabra mwiegħda ta’ Iżrael. Hekk kif intom isservu missjoni, intom twettqu rwol mill-aktar importanti f’dan l-avveniment bla preċedent!”26

Biex il-mandat tas-Salvatur li naqsmu l-evanġelju jsir parti minn dak li aħna, jeħtieġ li nikkonvertu għar-rieda ta’ Alla; jeħtieġ li nħobbu lil għajrna, naqsmu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, u nistiednu lil kulħadd biex jiġi u jara. Bħala membri tal-Knisja, aħna ngħożżu t-tweġiba li l-Profeta Joseph ta’ lil John Wentworth, l-editur ta’ Chicago Democrat, fl-1842. Hu kien qed jitlob informazzjoni dwar il-Knisja. Joseph temm it-tweġiba tiegħu billi uża “l-Istendard tal-Verità” bħala prefazju għat-tlettax-il Artiklu tal-Fidi. L-istendard jurina b’mod konċiż x’għandna nagħmlu:

“L-ebda id mhux qaddisa ma tista’ twaqqaf din il-ħidma milli tibqa’ miexja ’l quddiem; tafu tesperjenzaw il-persekuzzjoni, il-marmalja taf tingħaqad kontrikom, jafu jinġabru flimkien l-armati, il-kalunja taf tqasqas kontrikom, iżda l-verità ta’ Alla tibqa’ miexja ’l quddiem b’fermezza u b’mod nobbli u indipendenti, sakemm tippenetra kull kontinent, iżżur kull klima, tgħaddi minn fuq kull pajjiż, u tinstama’ f’kull widna, sakemm l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u Jaħweh l-Kbir jgħid il-ħidma lesta.”27

Din ilha s-sejħa mill-aktar ċara għal ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien, speċjalment dawn missjunarji. Fi spirtu tal-“Istendard tal-Verità,” aħna grati li f’nofs pandemija dinjija, missjunarji fidili marru jaqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Intom il-missjunarji, aħna nħobbukom! Il-Mulej jitlob lilna lkoll biex naqsmu l-evanġelju tiegħu permezz tal-kelma u l-għemil. Il-konverżjoni personali tagħna tinkludi r-responsabbiltà li naqsmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu mad-dinja.

Il-barkiet li naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor jinkludu li aħna nkabbru l-konverżjoni tagħna lejn ir-rieda ta’ Alla u li nħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna.28 Aħna mbierku lil ħaddieħor biex jesperjenza “bidla kbira” fil-qalb.29 Nesperjenzaw verament hena mill-aktar eterna meta nwasslu l-erwieħ lejn Kristu.30 Li naħdmu għall-konverżjoni tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor hija l- ħidma nobbli.31 Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Jien servejt fil-Missjoni Brittanika mill-1 ta’ Settembru, 1960, sal-1 ta’ Settembru, 1962.

  2. Il-ġuvintur l-oħra kellhom jibqgħu disponibbli għal-lieva militari.

  3. Wara r-ritorn ta’ Joe mill-missjoni tiegħu, huwa ggradwa mill-iskola medika u serva bħala tabib ta’ suċċess. Il-missjoni tiegħu ħejjietu wkoll biex ikun isqof, president tal-wited, rappreżentant reġjonali, u president tal-missjoni.

  4. Ara Moroni 10:4. Jiena diġà kont qrajt il-Ktieb ta’ Mormon. B’din il-kwistjoni mill-aktar serja fil-familja tagħna, jien kont qed nitlob b’intenzjoni ġenwina.

  5. Ara Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 1, The Standard of Truth, 1815–1846 (2018), u vol. 2, No Unhallowed Hand, 1846–1893 (2020).

  6. It-traduzzjoni bdiet fis-7 ta’ April, 1829, u tlestiet għall-ħabta ta’ l-ewwel ta’ Lulju 1829. Kienet ħaġa tal-għaġeb li tistudja l-fatti relatati mat-traduzzjoni. Jien apprezzajt b’mod partikolari li stajt naqra l-manuskritt tal-istampatur u l-manuskritt oriġinali tal-Ktieb ta’ Mormon ippubblikat bħala t-3 u l-5 volum fis-serjè Rivelazzjonijiet u Traduzzjonijiet ta’ The Joseph Smith Papers. Huma t-tnejn volumi memorabbli.

  7. Frederic W. Farrar, Eternal Hope: Five Sermons Preached in Westminster Abbey, November and December, 1877 (1892), xxii.

  8. Il-viżjoni tinkludi lil dawk li ma tgħallmux dwar Kristu f’dil-ħajja, tfal li mietu qabel l-età tal-kontabilità, u dawk li ma jistgħux jifhmu.

  9. Doctrine and Covenants 76:89.

  10. Ara Ġwanni 5:29.

  11. Farrar studja f’King’s College, Londra, u Trinity College, Cambridge. Kien membru tal-kleru fiċ-Church of England (Anglikan), arċidjaknu ta’ Westminster Abbey, dekan tal-Katidral ta’ Canterbury, u kappillan tar-Royal Household.

  12. Ara Frederic W. Farrar, The Life of Christ (1874).

  13. Ara Farrar, Eternal Hope, xxxvi–xxxvii. Frederic Farrar ħass li kellu jikkoreġi t-tagħlim dwar id-dannazzjoni u l-infern. Hu b’qawwa ddikjara dak li rrefera għalihom bħala ‘fatti sempliċi, innegabbli, u indiskutibbli. … Il-verb ‘indanna’ u l-konjuġi tiegħu ma jidhrux darba fit-Testment il-Qadim. L-ebda kelma li turi xi tifsira simili ma tidher fil-Grieg tat-Testment il-Ġdid.” Hu jkompli biex jispjega li l-kelma dannazzjoni hi “żball mill-aktar kbir fit-traduzzjoni … [u] jgħawweġ u joskura t-tifsira reali ta’ kliem Sidna l-Mulej” (Eternal Hope, xxxvii). Farrar irrimarka wkoll id-dimostrazzjoni mill-aktar kbira ta’ Missier fis-Smewwiet tant iħobbna tul il-Bibbja bħala evidenza addizzjonali li d-definizzjoni ta’ infern u dannazzjoni użati fit-traduzzjoni Ingliża huma skorretti (ara Eternal Hope, xiv–xv, xxxiv, 93; ara wkoll Quentin L. Cook, “Our Father’s Plan—Big Enough for All His Children,” Liahona, Mejju 2009, 36).

  14. Ir-relazzjoni bejn l-indiema u l-Espjazzjoni nsibuha f’ Doctrine and Covenants 19:15–18, 20. Barra minn hekk, kjarifika tal-kastig bla tmiem insibuha f’ Doctrine and Covenants 19:10–12.

  15. Doctrine and Covenants 59:23.

  16. Ara Mosiah 27:25; Doctrine and Covenants 112:13; ara wkoll Dale E. Miller, “Bringing Peace and Healing to Your Soul,” Liahona, Nov. 2004, 12–14.

  17. Ara Mosiah 2:41.

  18. Ara Dallin H. Oaks, “The Challenge to Become,” Ensign, Nov. 2000, 33; Liahona, Jan. 2001, 41; ara wkoll 2 Korintin 5:17; Bible Dictionary, “Conversion.”

  19. Doctrine and Covenants 123:12.

  20. Doctrine and Covenants 1:17, 23.

  21. Jekk dik hi x-xewqa tagħna, aħna, “imsejħin għall-ħidma” (Doctrine and Covenants 4:3; ara wkoll Thomas S. Monson, “Called to the Work,” Liahona, Ġunju 2017, 4–5).

  22. Mattew 28:19.

  23. Doctrine and Covenants 112:28.

  24. Doctrine and Covenants 110:10.

  25. Doctrine and Covenants 110:11.

  26. Ara Russell M. Nelson, “Inxandru l-Evanġelju tal-Paċi,” Liahona, Mejju 2022, 6–7; ara wkoll Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org.

  27. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 444.

  28. Ara Russell M. Nelson, “Ħallu lil Alla Jiddomina,” Liahona, Nov. 2020, 92–95.

  29. Alma 5:14.

  30. Ara Doctrine and Covenants 18:15; ara wkoll Ġakbu 5:19–20.

  31. Ara Alma 26:22; Doctrine and Covenants 18:13–16; ara wkoll Bible Dictionary, “Conversion.”