Konferenza Ġenerali
Huwa Qam mill-Imwiet bil-Fejqan fuq Ġwenħajh: Aħna Nistgħu Nkunu Aktar Minn Rebbieħa
konferenza ġenerali April 2022


Huwa Qam mill-Imwiet bil-Fejqan fuq Ġwenħajh:

Aħna Nistgħu Nkunu Aktar Minn Rebbieħa

Ġesù għeleb l-abbużi ta’ did-dinja biex jagħtikom il-qawwa mhux biss biex issalvaw, iżda biex xi darba, permezz tiegħu, tegħlbu l-avversità u saħansitra toħorġu rebbieħa.

Marin, jien il-Presbiteru Holland, u jidher li l-affarijiet dalwaqt se jaqbdu n-niżla.

Aħna Aktar Minn Rebbieħa

Aħna lkoll naffaxxinaw ruħna bi stejjer ta’ sopravivenza. Aħna nisimgħu rakkonti ta’ esploraturi qalbiena kif ukoll ta’ nies ordinarji li rnexxielhom jibqgħu ħajjin kontra kull mistenni, u ma nistgħux ma nistaqsux lilna nfusna, “Tgħid jien kien jirnexxieli?”

Immedjatament jiġi f’moħħi l-esploratur Ernest Shackleton u l-ekwipaġġ tal-vapur HMS Endurance, li inkalja fis-silġ tal-Antartika u mbagħad baqgħu mitluqin fuq gżira deżerta għal kważi sentejn. It-tmexxija straordinarja u r-riżoluzzjoni indomitabbli ta’ Shackelton wasslu biex ġew salvati l-ħajjiet ta’ dawk li kienu miegħu, minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli.

Imbagħad niftakar fl-ekwipaġġ ta’ Apollo 13 li kienu fi triqithom biex jinżlu fuq il-qamar! Id-diżastru seħħ meta t-tank tal-ossiġnu sploda, u l-missjoni kellha tieqaf hemm. B’nuqqas ta’ ossiġnu, l-ekwipaġġ u l-kontroll tal-missjoni b’mod inġenjuż improvizzaw kif setgħu u rnexxielhom iġibu lura fid-dinja mingħajr periklu lit-tliet astronawti.

Nimmeravilja ruħi bis-sopravivenza tal-għaġeb ta’ individwi u familji vittmi tal-gwerra, inkarċerati ġo kampijiet, u dawk li jispiċċaw refuġjati, li b’mod erojku u qalbieni jżommu ħajja l-fjamma tat-tama għal dawk li bħalhom qed isofru, li jwasslu t-tjubija qalb il-brutalità, u li b’xi mod jirnexxielhom jgħinu lil ħaddieħor jibqa’ jżomm sħiħ għal ġurnata oħra.

Tgħid jien u intom jirnexxielna nsalvaw f’xi waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi estremi?

Forsi xi wħud minnkom, madankollu, tafu tikkunsidraw r-rakkont ta’ dawn is-superstiti u ruħkom tgħajjat li intom stess tinsabu tgħixu storja ta’ sopravivenza bħalissa bħala vittma ta’ abbuż, negliġenza, ibbuljar, vjolenza domestika, jew xi tip ieħor ta’ sofferenza bħal dawn. Intom tinsabu f’nofs l-attentat tagħkom ta’ disperazzjoni li toħorġu minn xi sitwazzjoni li tixbah ħafna lil xi nawfraġju diżastruż jew xi missjoni promettenti li kellha tieqaf ħesrem. Tgħid xi darba sejrin toħorġu minnha; se jirnexxielkom ittemmu b’suċċess l-istorja ta’ sopravivenza tagħkom?

It-tweġiba hija iva. Intom tistgħu ssalvaw. Fil-fatt intom diġà ġejtu salvati—minn Dak li bata fl-istess ħin li qed issofru intom u esperjenza l-istess agunija li qed tesperjenzaw intom. 1 Ġesù għeleb l-abbużi ta’ did-dinja2 biex jagħtikom il-qawwa mhux biss biex issalvaw, iżda biex xi darba, permezz tiegħu, tegħlbu l-avversità u saħansitra toħoġru rebbieħa—biex kompletament tqumu ’l fuq mill-uġigħ, mill-miżerja, min-niket, u minflok timtlew bil-paċi.

L-Appostlu Pawlu jistaqsi:

“Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? …

“Imma f’dan kollu aħna akbar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.”3

Il-Wegħdiet lill-Iżrael tal-Patt

Tiftakru meta l-President Nelson għamlilna din l-istedina fil-konferenza ġenerali: Huwa qall: “Sena ilu l-President Nelson għamlilna din l-istedina: “Hekk kif tistudjaw l-iskrittura tagħkom … , inħeġġiġkom biex tagħmlu lista ta’ dak kollu li l-Mulej wiegħed li se jagħmel għall-ulied tal-patt ta’ Iżrael. Naħseb li tibqgħu meraviljati!”4

Dawn huma xi ftit mill-wegħdiet qawwija u konfortanti li sibna fil-familja tagħna. Immaġinaw il-Mulej jgħid dan il-kliem— lilkom li qed tippruvaw issalvaw—għax huwa indirizzat lilkom:

Tibżgħux.5

Jien naf x’niket għaddejjin minnu, u ġejt biex neħliskom minnu.6

Ma nħallikomx.7

Ismi jinsab fuqkom u l-anġli tiegħi jieħdu ħsiebkom.8

Jien se nagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb f’nofskom.9

Imxu miegħi; tgħallmu minni; jiena nserraħkom.10

Jien ninsab f’nofskom.11

Intom tiegħi.12

Lil Dawk li Qed Jippruvaw Isalvaw

B’dawk l-assigurazzjonijiet issiġillati f’moħħi, nixtieq inkellem direttament lil dawk li jħossuhom bħallikieku m’hemmx mod kif jistgħu jtemmu b’suċċess l-istorja ta’ sopravivenza tagħhom minħabba t-trawma kaġun tal-għemejjel kiefra ta’ ħaddieħor. Jekk din hi l-istorja tas-sopravivenza tagħkom, aħna ninsabu nibku magħkom. Aħna għandna xewqa li intom tegħlbu l-konfużjoni, l-għajb, u l-biża’, u li permezz ta’ Ġesù Kristu, toħorġu rebbieħa.

Minn Vittmi għal Superstiti għal Rebbieħa

Jekk esperjenzajtu xi tip ta’ abbuż, vjolenza, jew oppressjoni, tafu qed tħossukom li dawn il-ħwejjeġ kienu b’xi mod tort tagħkom u li intom jistħoqqilkom li ġġorru l-għajb u l-ħtija li qed tħossu. Jafu kellkom ħsibijiet bħal:

  • Jien stajt waqqaft dan milli jiġri.

  • Alla ma jħobbnix aktar.

  • Lili ħadd qatt mhu se jħobbni.

  • Il-ħsara li saritli ma tissewwiex.

  • L-Espjazzjoni tas-Salvatur tapplika għal ħaddieħor, iżda mhux għalija.

Dawn il-ħsibijiet u sentimenti żbaljati jafu żammewkom milli tfittxu l-għajnuna mill-familja, mill-ħbieb, mill-mexxejja, jew minn professjonisti, u għalhekk spiċċajtu tissieltu weħidkom. Jekk intom fittixtu l-għajnuna mingħand dawk li tafdaw, tafu li għadkom qed titqabdu ma’ ideat ta’ għajb u saħansitra ta’ stmerrija lejkom infuskom. L-impatt ta’ dawn l-avvenimenti jista’ jibqa’ jinħass għal bosta snin. Tittamaw li xi darba tħossukom aħjar, iżda b’xi mod dak il-jum għadu ma wasalx.

L-abbuż la qatt kien, la hu, u la qatt jista’ jkun tort tagħkom, irrispettivament x’qal dak li abbuża minnkom jew xi ħadd ieħor. Meta intom kontu vittma ta’ krudeltà, inċest, jew ta’ xi tip ieħor ta’ perverżjoni, mhux intom jeħtieġ li tindmu; intom m’intomx responsabbli.

Intom m’intomx anqas denji jew anqas siewja jew anqas maħbuba bħala bnedmin, jew bħala ulied Alla, minħabba xi ħaġa li għamlilkom ħaddieħor.

Alla żgur li la issa, u lanqas qatt qabel, ma ħares lejkom bħala xi ħadd ta’ min jistmerru. Ġralkom xi ġralkom, Hu mhuwiex jitfa’ t-tort fuqkom jew iħossu ddiżappuntat minnkom. Huwa jħobbkom b’mod li għad tridu tiskopruh. U intom tispiċċaw tiskopru dan hekk kif tafdaw fil-wegħdiet tiegħu u hekk kif titgħallmu temmnu fih meta jgħidilkom li intom“prezzjużi f’għajnejh.”13

Hu mhux se jħares lejkom skont dawn il-ħwejjeġ terribbli li esperjenzajtu. Hu jħares lejkom, skont il-verità glorjuża, permezz tal-identità eżistenti u eterna tagħkom bħala wlied Alla, u skont l-imħabba perfetta u infinita tal-Ħallieq u l-istedina tiegħu li jfejjaqkom b’mod sħiħ u komplut.

Għalkemm taf tidher xi ħaġa impossibbli, u tinħass impossibbli, il-fejqan jista’ jasal permezz tal-miraklu tal-qawwa feddejja tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet “bil-fejqan fuq ġwenħajh.”14

Is-Salvatur tagħna kollu ħniena, rebbieħ fuq id-dlam u d-depravazzjoni, għandu l-qawwa li jsewwi kull ħażin, verità li tagħti l-ħajja lil dawk li batew permezz ta’ għemil ħaddieħor.15

Tajjeb li tkunu tafu li s-Salvatur ċċekken aktar minn kull ħaġa, anke minn dak li esperjenzajtu intom. Minħabba f’hekk, Hu jaf eżatt x’inhu l-veru terrur u għajb u kif tħossukom meta tkunu abbandunati u miksura.16 Minn qiegħ it-tbatija tal-espjazzjoni tiegħu, is-Salvatur jwasslilkom it-tama li ħsibtu li spiċċat għal dejjem, il-qawwa li kont taħsbu li qatt ma seta’ jkollkom, u l-fejqan li ma mmaġinajtux li kien possibbli.

Imġiba Abbużiva Hi Kkundannata b’Mod Espliċitu mill-Mulej u l-Profeti Tiegħu

M’hawn post għall-ebda tip ta’ abbuż—kemm fiżiku, sesswali, emozzjonali, jew verbali—fl-ebda dar, fl-ebda pajjiż, jew fl-ebda kultura. L-ebda ħaġa li l-mara jew it-tfal, jew ir-raġel jistgħu jagħmlu jew jgħidu ma “jistħoqqilhom” li jiġu msawta għaliha. L-ebda persuna, f’kull pajjiż jew kultura, ma “jistħoqqilha” xi aggressjoni jew vjolenza minn xi ħadd fl-awtorità jew minn xi ħadd akbar jew aktar b’saħħtu.

Dawk li jabbużaw u jfittxu li jaħbu d-dnubiet serji tagħhom jafu tiġihom tajba għal xi żmien. Iżda l-Mulej li jara kollox jaf l-għemejjel u l-ħsibijiet u l-intenzjoni tal-qalb.17 Huwa Alla ta’ ġustizzja, u l-ġustizzja divina tiegħu għad tiġi fis-seħħ.18

Mirakolożament, il-Mulej huwa wkoll Alla ta’ ħniena għal dak li jindem verament. Min jabbuża—inkluż dawk li xi darba huma stess kienu abbużati—li jistqarru u jiċħdu dnubiethom, u jagħmlu dak kollu fil-qawwa tagħhom biex jirrikompensaw u jiġġeddu, għandhom aċċess għall-maħfra permezz tal-miraklu tal-Espjazzjoni ta’ Kristu.

Għal dawk akkużati b’mod falz, il-gravità xokkanti ta’ dawn l-akkużi hija fiha nnifisha purgatorju. Iżda huma wkoll huma mberkin permezz tat-tbatija tas-Salvatur f’isimhom u l-għarfien li l-verità sejra fl-aħħar tirbaħ.

Iżda min jabbuża u ma jindimx se jieqaf quddiem il-Mulej biex jagħti rendikont tar-reati orribbli tiegħu.

Il-Mulej innifsu hu ċar daqs il-kristall fil-kundanna tiegħu għal kull tip ta’ abbuż: “Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin … , ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar.”19

Konklużjoni

Għeżież ħbieb tiegħi li ġejtu midruba b’mod terribbli—u nistgħu ngħidu, intom ikoll li ġarrabtu l-inġustizzji tal-ħajja—intom jista’ jkollkom bidu ġdid u bidu frisk. Fil-Ġetsemani u fuq il-Kalvarju, Ġesù “ħa fuqu … kull uġigħ u tbatija li qatt esperjenzajna int u jien,”20 u Hu għeleb dan kollu! B’dirgħajh miftuħin, is-Salvatur joffrilkom ir-rigal tal-fejqan. B’kuraġġ, b’sabar, u billi tiffokaw fuqu b’fedeltà, fi żmien qasir taslu biex taċċettaw kompletament dan ir-rigal. Tkunu tistgħu teħilsu mill-uġigħ tagħkom u tħalluh ħdejn riġlejh.

Is-Salvatur ġentili tagħkom iddikjara, “Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.”21 Intom superstiti, tistgħu tfiequ, u tistgħu tafdaw li bil-qawwa u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu, tistgħu tegħlbu u tirbħu.

Ġesù jispeċjalizza f’dak li jidher impossibbli. Hu ġie hawn biex jagħmel l-impossibbli possibbli, jifdi dak li ma jistax jinfeda, ifejjaq lil min ma jistax jitfejjaq, isewwi dak li ma jistax jissewwa, iwiegħed dak li ma jistax jitwiegħed.22 U Hu jibbrilla f’dan. Fil-fatt, Hu jagħmel dan b’perfezzjoni. F’isem Ġesù Kristu, il-Fejjieq tagħna, amen.

Għal aktar informazzjoni u riżorsi, ara “Abuse” fis-sezzjoni Life Help f’ChurchofJesusChrist.org u fil-Gospel Library app.

Ipprintja