Konferenza Ġenerali
Ir-Relazzjoni Tagħna ma’ Alla
konferenza ġenerali April 2022


Ir-Relazzjoni Tagħna ma’ Alla

Iġġib xi ġġib magħha l-eżistenza mortali tagħna, aħna nistgħu nafdaw f’Alla u nsibu l-hena fih.

L-istess bħal Ġob fit-Testment il-Qadim, fi żmien ta’ tbatija xi wħud jafu jaħsbu li Alla abbandunahom. Peress li nafu li Alla għandu l-qawwa li jippreveni jew ineħħi kwalunkwe tiġrib, aħna nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li nilmentaw jekk Hu ma jagħmilx dan, u forsi nistaqsu, “Jekk Alla ma jagħtix l-għajnuna li qed nitlob għaliha, kif nista’ jien ikolli l-fidi fih?” F’mument wieħed waqt il-provi ebsin li għadda minnhom, it-twajjeb Ġob qal:

“Kunu afu li Alla hu li qalibhieli, hu li xeħet madwari x-xibka tiegħu.

“Ngħajjat, ‘Moħqrija!’ U ħadd ma jweġibni; nittallab l-għajnuna u ma ssirlix ġustizzja.”1

Fit-tweġiba tiegħu lil Ġob, Alla jistaqsi, “Trid int twaqqa’ s-sentenza tiegħi, tagħti tort lili biex tieħu raġun int?”2 Jew, fi kliem ieħor, “Se tasal tagħti tort lili? Ħa tikkundannani sabiex tkun iġġustifikat?”3 Bil-qawwa kollha, Jaħweh ifakkar lil Ġob dwar l-omnipotenza u l-omnixjenza tiegħu, u Ġob, b’umiltà mill-iktar profonda, jammetti li hu ma jippossedi xejn li b’xi mod jersaq lejn l-għarfien, il-qawwa, u s-sewwa ta’ Alla, u li ma jistax jiġġudika lis-Segħtan:

“Jien naf li inti tista’ kollox,” jgħid, “u ebda ħsieb minn tiegħi ma jfixklek.

“… Jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx, ħwejjeġ kbar wisq għalija, ma nafhomx. …

Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u r-rmied.”4

Fl-aħħar, Ġob kellu l-privileġġ li jara lill-Mulej, u “il-Mulej bierek il-ħajja l-ġdida ta’ Ġob aktar minn dik ta’ qabel.”5

Huwa tabilħaqq ġenn tagħna bil-mijopija mortali tagħna li nippreżumu li niġġudikaw lil Alla, li naħsbu, per eżempju, “Jien miniex kuntent, mela bilfors li Alla qed jagħmel xi ħaġa ħażina.” Lilna, uliedu mortali f’dinja li waqgħet, li ftit li xejn nafu dwar il-passat, il-preżent, u l-futur, Huwa jiddikkjara, “Il-ħwejjeġ kollha huma preżent għalija, għax jien nafhom kollha.”6 B’għerf kbir, Ġakobb iwiddeb: “Tfittxux li tagħtu kunsill lill-Mulej, iżda li tirċievu l-kunsill mingħandu. Għax araw, intom stess tafu li hu jagħti kunsill bil-għerf, bil-ġustizzja, u bi ħniena kbira, f’ħidmietu kollha.”7

Xi wħud jaħsbu b’mod żbaljat li l-wegħdiet ta’ Alla jfissru li l-ubbidjenza lejh tħalli riżultati speċifiċi bi skeda fissa ta’ żmien. Aktarx li jaħbsu, “Jekk inservi b’mod diliġenti missjoni full-time, Alla se jberikni bi żwieġ feliċi u bit-tfal,” jew “Jekk noqgħod lura mix-xogħol tal-iskola f’Jum is-Sibt, Alla se jberikni b’marki tajbin fl-eżamijiet,” jew “Jekk inħallas id-dieċmi, Alla se jberikni b’dak l-impjieg li tant nixtieq.” Jekk il-ħajja ma tiġix preċiżament b’dan il-mod jew bi skeda ta’ żmien kif mistenni, huma jafu jħossuhom ittraduti minn Alla. Iżda l-affarjiet mhumiex daqshekk mekkaniċi fl-ekonomija divina. M’għandniex nqisu l-pjan ta’ Alla bħala vending machine kożmika fejn aħna (i) nagħżlu l-barka mixtieqa, (ii) nitfgħu l-ammont neċessarju ta’ ħidmiet tajbin, u (iii) u l-ordni taslilna minnufih.8

Alla tassew li jonora l-patti u wegħdiet tiegħu ma’ kull wieħed u waħda minna. M’għandniex bżonn ninkwetaw fuq hekk.9 Il-qawwa tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu—li ċċekken aktar minn kollox u mbagħad tela’ fil-għoli10 u li jippossedi l-qawwa kollha fis-sema u fl-art11—tiżgura li Alla jista’ jwettaq u se jwettaq il-wegħdiet tiegħu. Huwa essenzjali li aħna nonoraw u nobdu l-liġijiet tiegħu, iżda mhux kull barka li tiddependi fuq l-ubbidjenza għal-liġi12 hija magħmula, imfassla, u kkalkulata skont l-aspettattivi tagħna. Aħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu iżda rridu nħallu f’idejh l-immaniġġjar tal-barkiet, kemm temporali kif ukoll spiritwali.

Il-President Brigham Young spjega li l-fidi tiegħu ma kinitx mibnija fuq ċerta riżultati jew barkiet iżda fuq ix-xhieda tiegħu ta’ Ġesù Kristu u r-relazzjoni tiegħu miegħu. Huwa qal: “Il-fidi tiegħi ma tiddependix fuq il-ħidma tal-Mulej fuq il-gżejjer tal-baħar, fuq l-irwol tiegħu fil-miġja tan-nies hawnhekk, … u lanqas fuq il-favuri li jsawwab fuq dan il-poplu jew fuq dak il-poplu, u lanqas jekk aħniex imberkin jew m’aħniex imberkin, iżda l-fidi tiegħi tiddependi fuq il-Mulej Ġesù Kristu, u fuq l-għarfien li jien irċevejt mingħandu.”13

L-indiema u l-ubbidjenza tagħna, is-sagrifiċċji tagħna, u l-għemejjel tajbin tagħna huma fil-fatt importanti. Irridu nkunu fost dawk deskritti minn Eter bħala “dejjem mitlufin f’għemejjel tajbin.”14 Iżda ma rridux naħsbu li dan huwa riżultat ta’ xi punteġġ miżmum fil-kotba tal-kontijiet ċelestjali. Dawn il-ħwejjeġ huma importanti għaliex jimpenjawna fil-ħidma ta’ Alla u huma l-mezz li bih aħna nikkollaboraw miegħu fit-trasformazzjoni tagħna minn bniedem naturali għal qaddis.15 Dak li Missierna fis-Smewwiet joffrilna huwa lilu nnifsu u lil Ibnu, relazzjoni mill-qrib u dejjiema miegħu permezz tal-grazzja u l-medjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna.

Aħna wlied Alla, distinti għall-immortalità u għall-ħajja eterna. Id-destin tagħna huwa li nkunu l-werrieta tiegħu, “werrieta ma’ Kristu.”16 Il-Missier tagħna huwa lest li jiggwida lil kull wieħed u waħda minna fit-triq tal-patt tiegħu b’ċerti passi ddisinjati skont il-ħtiġijiet individwali tagħna u mfasslin fuq il-pjan tiegħu għall-kuntentizza aħħarija tagħna miegħu. Aħna nistgħu nantiċipaw aktar fiduċja u fidi fil-Missier u fl-Iben, sens akbar tal-imħabba tagħhom, u l-faraġ u l-gwida konsistenti tal-Ispirtu s-Santu.

Minkejja dan kollu, din it-triq ma tistax tkun faċli, għal ħadd minna. Hemm wisq bżonn ta’ irfinar biex issir faċli. Ġesù qal:

“Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi.

“Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott il-Missier jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar.”17

Il-proċess ta’ tiżbir u tindif, li ġej minn Alla, bilfors li xi drabi se jkun aħrax u diffiċli. Biex nuża l-espressjoni ta’ Pawlu, aħna “werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.”18

Għaldaqstant, qalb dan in-nar tar-raffinatur, iktar milli tirrabjaw ma’ Alla, ersqu iktar lejn Alla. Sejħu lill-Missier f’isem l-Iben. Imxu magħhom fl-Ispirtu, jum wara jum. Ħalluhom biż-żmien biex jimmanifestaw il-fedeltà tagħhom magħkom. Siru afuhom tabilħaqq u siru afu lilkom infuskom tabilħaqq.19 Ħallu lil Alla jiddomina.20 Is-Salvatur jassigurana:

“Isimgħu minnu li hu l-avukat mal-Missier, li qed jiddefendikom quddiemu—

“U jgħid: Missier, ħares lejn is-sofferenza u lejn il-mewt ta’ dak li ma wettaq l-ebda dnub, li fih sibt l-għaxqa tiegħek; ħares lejn id-demm ta’ Ibnek li ġie mxerred, id-demm ta’ dak li inti offrejt sabiex inti stess tiġi gglorifikat;

Għalhekk, Missier, eħles lil dawn ħuti li jemmnu f’ismi, sabiex huma jiġu għandi u jkollhom il-ħajja ta’ dejjem.”21

Ikkonsidraw xi eżempji ta’ rġiel u nisa fidili li fdaw f’Alla, u li kienu kunfidenti li l-barkiet imwiegħda tiegħu kellhom jiġu fuqhom fil-ħajja jew fil-mewt. Il-fidi tagħhom kienet ibbażata mhux fuq x’għamel jew m’għamilx Alla f’xi ċirkostanza partikolari jew f’xi mument fiż-żmien iżda fuq li jkunu jafu lilu bħala l-Missier benevolenti tagħhom u lil Ġesù Kristu bħala l-Feddej fidil tagħhom.

Meta Abraham kien se jiġi ssagrifikat mis-saċerdot Eġizzjan ta’ Elkana, huwa sejjaħ lil Alla biex isalvah, u Alla hekk għamel.22 Abraham għex biex isir il-missier tal-fidili, u permezz tan-nisel tiegħu l-familji kollha tad-dinja kienu se jkunu mberkin.23 Ftit qabel, fuq dan l-istess altar, l-istess saċerdot ta’ Elkana kien offra tliet verġni li “minħabba l-virtù tagħhom … ma ridux jinżlu biex iqimu lil allat tal-injam jew tal-ġebel.”24 Mietu hemmhekk bħala martri.

Ġużeppi tal-qedem, li f’żgħożitu kien mibjugħ minn ħutu bħala lsir, fid-dieqa tiegħu dar lejn ta’ Alla. Gradwalment, hu sar importanti fid-dar ta’ sidu iżda mbagħad kollox sarlu suf meta l-mara ta’ Potifar xlietu fuq akkużi foloz. Ġużeppi seta’ ħaseb, “Mela talli żammejt mal-liġi tal-kastità, spiċċajt il-ħabs.” Iżda minflok reġa’ dar għall-għajnuna ta’ Alla u sab il-prosperità anki fil-ħabs. Ġużeppi sofra iktar diżappunt meta wieħed mill-priġunieri, li kien sar ħabib tiegħu, nesa l-wegħda li kien għamel ma’ Ġużeppi u nsieh totalment meta reġa’ kiseb pożizzjoni ta’ fiduċja fil-palazz tal-Fargħun. Evantwalment, kif tafu, il-Mulej intervjena biex ipoġġi lil Ġużeppi fuq l-ogħla pożizzjoni ta’ fiduċja u poter wara l-Fargħun, u hekk ippermetta lil Ġużeppi biex isalva d-dar ta’ Iżrael u ħafna oħrajn. Huwa, aktarx iktar minn ħadd ieħor, seta’ jisħaq “li għal dawk li jħobbu lil Alla, kollox sa jseħħ għall-aħjar tagħhom.”25

Abinadi kellu l-intenzjoni li jwettaq il-mandat divin tiegħu. “Jien intemm il-messaġġ tiegħi,” qal, “u mbagħad ma jimpurtax [x’jiġri minni], jekk se nkun li jien insalva.”26 Xorta spiċċa miet martri, iżda ċertament li kien salvat fis-saltna ta’ Alla, u dak ir-raġel prezzjuż li huwa kkonverta, Alma, biddel id-direzzjoni tal-istorja tan-Nefiti sal-miġja ta’ Kristu.

Alma u Amuleki nħelsu mill-ħabż f’Għammoniha bi tweġiba għat-talba tagħhom, u l-persekuturi tagħhom nqatlu.27 Iktar qabel, madanakollu, dawn l-istess persekuturi kienu tefgħu f’ħuġġieġa nar lin-nisa u t-tfal fidili tagħhom. Alma, li b’agunija kien ra b’għajnejh stess ix-xena orribbli kien imġiegħel mill-Ispirtu biex ma jeżerċitax il-qawwa ta’ Alla li “isalvahom mill-fjammi”28 sabiex ikunu jistgħu jintlaqgħu minn Alla fil-glorja.29

Il-Profeta Joseph Smith kien mitfugħ fiċ-ċella ta’ Liberty, f’Missouri, bla ma seta’ jgħin lill-Qaddisin waqt li dawn kienu qed jisfaw misruqin u mkeċċijin minn darhom fl-eqqel bard tax-xitwa. “O Alla, fejn int?” Joseph karab. “Kemm se ddum tarana nsofru?”30 Bi tweġiba, il-Mulej wiegħed: “L-avversità tiegħek u l-għawġ tiegħek se jkunu biss xi ħaġa temporanja; u mbagħad jekk inti tibqa’ tirreżisti b’kuraġġ, Alla jeżaltak fil-għoli. … Għadek ma sirtx bħal Ġob.”31

Fl-aħħar, Joseph seta’ jiddikkjara ma’ Ġob, “Ħa joqtolni [Alla] ’k irid, m’iniex se nitkexkex.”32

Il-Presbiteru Brook P. Hales irrakkonta l-ġrajja ta’ Sister Patricia Parkinson li twieldet b’vista normali iżda li sakemm kellha 11-il sena kienet għamiet kompletament.

Il-Presbiteru Hales irrakkonta: “Lil Pat ili nafha għal ħafna snin u m’ilux għidtilha kemm jien nammira l-fatt li hi dejjem pożittiva u ferħana. Hija wieġbet, ‘Mela tidher li qatt ma kont miegħi id-dar, hux veru? Ikolli l-mumenti tiegħi. Jien esperjenzajt bosta mumenti severi ta’ dipressjoni, u bkejt ħafna.’ Madankollu, hija kompliet, ‘Miż-żmien li jien bdejt nitlef id-dawl, din verament stramba, iżda kont naf li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur kienu jinsabu miegħi u mal-familja tiegħi. … Lil dawk li jistaqsuni jekk jiena nħossnix irrabjata għaliex jiena bla dawl, jien nweġibhom, ‘Ma’ min għandi nirrabja? Missieri tas-Smewwiet jinsab iġorr it-tagħbija miegħi; jiena ma ninsabx waħdi. Huwa jinsab dejjem miegħi.’”33

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-barka ta’ relazzjoni mill-qrib u dejjiema mal-Missier u mal-Iben li qegħdin infittxu. Din tagħmel id-differenza kollha u ġġib prezzha b’mod infinit. Aħna nagħtu xhieda flimkien ma’ Pawlu “li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.”34 Jien nixhed li ġġib xi ġġib magħha l-eżistenza mortali tagħna, aħna nistgħu nafdaw f’Alla u nsibu l-hena fih.

“Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.

“Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u huwa jwittilek triqatek.”35

F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja