Konferenza Ġenerali
Imla Qalbek bil-Ferħ u Thenna
konferenza ġenerali April 2022


Imla Qalbek bil-Ferħ u Thenna

Aħna twelidna f’dan iż-żmien għal għan divin, il-ġabra ta’ Iżrael.

Meta il-Mulej kien qed jindirizza lil Thomas B. Marsh, li ma kienx ilu li kkonverta, huwa qal dan il-kliem ta’ kuraġġ, “Imla qalbek bil-ferħ u thenna” (Doctrine and Covenants 31:3).

Nemmen li din l-istedina tista’ sservi bħala ispirazzjoni għall-membri kollha tal-Knisja. Wara kollox, aħna lkoll irċevejna mingħand Missierna fis-Smewwiet il-missjoni li niġbru lil Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

“Din il-ġabra,” qal il-President Russell M. Nelson, “hija l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja. M’hawn xejn li tista’ tqabblu magħha fil-kobor, xejn li tista’ tqabblu magħha fl-importanza, xejn li tista’ tqabblu magħha fil-majestà.”1

Ċertament, hawn bosta kawżi denji fid-dinja. Huwa impossibbli nsemmuhom kollha. Iżda ma tixtiqux intom tieħdu sehem f’kawża kbira li intom kapaċi twettqu fejn il-kontribut tagħkom jagħmel differenza mill-aktar kbira? Il-ġabra tagħmel differenza eterna għal kulħadd. Nies ta’ kull età jistgħu jieħdu sehem f’din il-kawża irrispettivament miċ-ċirkustanzi tagħhom jew fejn joqogħdu. M’hawn l-ebda kawża oħra fid-dinja aktar inklussiva.

Waqt li beda jkellem speċifikament liż-żgħażagħ, il-President Nelson qal li “Missierna fis-Smewwiet baqa’ jżomm ħdejh ħafna mill-ispirti l-aktar nobbli tiegħu—probabbilment … l-ifjen tìm tiegħu—għal din il-fażi finali. Dawk l-ispirti nobbli—dawk l-ifjen plejers, dawk l-eroj—huma intom!”2

Iva, intom ġejtu mħejjijin minn qabel dil-ħajja u twelidtu bħalissa biex tieħdu sehem fil-ħidma l-kbira tal-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu f’dawn l-aħħar żminijiet (ara Doctrine and Covenants 138:53–56).

Għaliex dil-kawża hi daqshekk importanti? Għaliex “il-valur tal-erwieħ hu kbir f’għajnejn Alla” (Doctrine and Covenants 18:10). Għaliex “dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu, u jitgħammdu, dawn jiġu salvati; u … sejrin jirtu s-saltna ta’ Alla” (3 Nephi 11:33). Barra minn hekk, “dak kollu li għandu l-Missier se jingħata lil” dawk li jirċievu l-ordinanzi tiegħu u jħarsu l-patti tiegħu (Doctrine and Covenants 84:38). Barra minn dan, “il-ħaddiema huma ftit” (Luqa 10:2).

Hu biss fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li nsibu l-qawwa, l-awtorità, u l-mod kif nistgħu noffru barka bħal din lil ħaddieħor, kemm jekk ħaj kif ukoll mejjet.

Kif qal il-President Nelson: “Kull darba li tagħmlu xi ħaġa li tgħin lil xi ħadd—fuq naħa jew oħra tal-velu—li tagħmlu pass lejn li twettqu l-patti ma’ Alla u tirċievu l-ordinanzi essenzjali tal-magħmudija u tat-tempju, tkunu qed tgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael. Sewwasew hu dan li tkunu qed tagħmlu.”3

Filwaqt li hemm bosta modi kif tistgħu tgħinu fil-ġabra, nixtieq nitkellem dwar mod partikolari: li sservu bħala missjunarji full-time. Għal bosta minnkom, dak ikun ifisser li tkunu missjunarju li jgħallem. Għal ħafna oħrajn, ifisser li tkun missjunarju ta’ servizz. Iżda d-dinja tipprova taljena liż-żgħażagħ minn din ir-responsabbiltà l-aktar sagra permezz tal-biża’ u l-inċertezza.

Tafu tesperjenzaw ċerti distrazzjonijiet oħra bħal pandemija, li tħallu impjieg tajjeb, li tieqfu għal żmien mill-istudju, jew li tkunu partikolarment interessati f’xi ħadd b’mod romantiku. Kulħadd ikollu l-isfidi partikolari tiegħu. Dawn id-distrazzjonijiet jistgħu jfeġġu preċiżament fiż-żmien li fih tkunu telqin biex isservu lill-Mulej, u għażliet li aktar tard jidhru ovvji mhux dejjem faċli fil-mument.

Naf mill-esperjenza kemm jista’ jitħawwad il-moħħ ta’ persuna daqstant żagħżugħa. Meta kont qed nitħejja biex immur missjoni, ċerti forzi sorprendenti ppruvaw jiskuraġġuni. Wieħed minnhom kien id-dentist tiegħi. Meta rrealizza li l-appuntament tiegħi kien biex stajt inkun missjunarju, hu pprova jiskuraġġini li nservi. Ma kellix l-iċken idea li d-dentist tiegħi kien kontra l-Knisja.

L-interruzzjoni tal-istudji tiegħi kienet ukoll ħaġa kkumplikata. Meta tlabt jekk stajtx nieqaf għal sentejn mill-programm tiegħi tal-università, ġejt infurmat li ma kienx possibbli. Kont nitlef posti fl-università jekk ma kontx nerġa’ lura wara sena. Fil-Brażil, din kienet ħaġa serja peress li l-uniku kriterja biex tidħol fi programm tal-università kien eżami mill-aktar diffiċli u kompetittiv.

Wara li bqajt ninsisti, kontra qalbhom infurmawni li wara li nkun ili nieqes sena, stajt napplika għal eċċezzjoni minħabba raġuni straordinarja. Jistgħu japprovawni u jistgħu le. Kont verament beżgħan minħabba l-ħsieb li jista’ jkolli nerġa’ noqgħod għal dak it-test diffiċli wara sentejn ’il bogħod mill-istudji tiegħi.

Kont ukoll interessat verament f’waħda tfajla. Bosta minn sħabi kellhom l-istess interess tiegħi. Għidt lili nnifsi, “Jekk immur missjoni, qed nirriskja xi ftit.”

Iżda l-Mulej Ġesù Kristu kien l-ispirazzjoni kbira tiegħi biex ma nibżax mill-ġejjieni hekk kif nagħmel li nista’ biex nservih b’qalbi kollha.

Hu kellu wkoll missjoni xi jwettaq. Fi kliemu, Huwa spjega, “Għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni” (Ġwanni 6:38). U l-missjoni tiegħu kienet waħda faċli? Żgur li le. It-tbatija tiegħu, li kienet parti essenzjali mill-missjoni tiegħu, wasslitu biex Hu, “l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, jitriegħed minħabba l-uġigħ, u jxerred demmu mill-pori kollha tiegħu u jbati kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu—u ra jekk setax ma jixrobx mill-kalċi, u jitbiegħed minnu—

“Madankollu, glorja lill-Missier, u Hu xorob u temm it-tħejjija tiegħu għal ulied il-bnedmin” (Doctrine and Covenants 19:18–19).

Li nservu missjoni full-time taf tidher xi ħaġa diffiċli għalina. Jista’ jkun li jeħtieġ li aħna nissagrifikaw ħwejjeġ importanti għal xi żmien. Il-Mulej ċertament jaf dan, u Hu jkun dejjem magħkom.

Fil-fatt, fil-messaġġ tagħhom lill-missjunarji f’ Xandru l-Evanġelju Tiegħi, l-Ewwel Presidenza jwiegħdu, “Il-Mulej jippremjakom u jberikkom bil-kbir hekk kif taqduh b’umiltà u bl-għajnuna tat-talb.”4 Huwa veru li l-ulied kollha ta’ Alla huma mberkin, b’xi mod jew ieħor, iżda hemm differenza bejn li tkun imbierek u li tkun imbierek bil-kbir fis-servizz tiegħu.

Tiftakru l-isfidi li jien ħsibt li kelli niffaċċja qabel il-missjoni tiegħi? Id-dentist tiegħi? Sibt ieħor. L-università tiegħi? Għamlu eċċezzjoni għalija. Tiftakru f’dik it-tfajla? Hi żżewġet lil wieħed mill-akbar ħbieb tiegħi.

Iżda Alla berikni verament bil-kbir. U tgħallimt li l-barkiet tal-Mulej jistgħu jaslu b’modi differenti minn kif nistennew. Wara kollox, ħsibijietu mhumiex ħsibijietna (ara Isaija 55:8–9).

Fost il-bosta barkiet mill-aktar kbar li tani talli servejtu bħala missjunarju full-time hemm il-fidi akbar f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu u għarfien u testimonjanza aktar b’saħħithom tat-tagħlim tiegħu, ħalli ma nispiċċax mkaxkar minn “kull riħ ta’ tagħlim” (Efesin 4:14). Ma bqajtx aktar beżgħan biex ngħallem. Il-kapaċità tiegħi li niffaċċja l-isfidi b’ottimiżmu kibret. Minħabba l-osservazzjoni tiegħi tal-individwi u l-familji li ltqajt magħhom jew għallimt bħala missjunarju, tgħallimt li t-tagħlim ta’ Alla huwa veru meta Hu jgħid li d-dnub ma jġibilniex il-vera kuntentizza u li l-ubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla tgħinna nirnexxu b’mod kemm temporali kif ukoll spiritwali (ara Mosiah 2:41; Alma 41:10). U tgħallimt mill-esperjenza tiegħi li Alla huwa Alla tal-mirakli (ara Mormon 9).

Dan kollu kien strumentali fit-tħejjija tiegħi għall-ħajja adulta, inkluż il-possibbilità taż-żwieġ u li nkun ġenitur, is-servizzi tal-Knisja, u l-ħajja tiegħi professjonali u fil-komunità.

Wara l-missjoni tiegħi, jien ibbenifikajt minn kuraġġ akbar li nippreżenta lili nnifsi bħala dixxipli fidil ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu f’kull ċirkustanza u ma’ kulħadd, u anke naqsam l-evanġelju ma’ mara meraviljuża li kellha ssir l-għażiża sieħba virtuża, għaqlija, pjaċevoli u eterna tiegħi, dawl ix-xemx ta’ ħajti.

Iva, Alla berikni bil-kbir, ferm aktar milli immaġinajt, l-istess kif ibierek lil dawk kollha li “jaqduh b’umiltà u bl-għajnuna tat-talb.” Jiena eternament grat lejn Alla għat-tjubija tiegħu.

Il-missjoni tiegħi bidlet ħajti kompletament. Tgħallimt li hu vallapena l-isforz li nafdaw f’Alla, li nafdaw fl-għerf u l-ħniena tiegħu u fil-wegħdiet tiegħu. Wara kollox, Huwa Missierna, u mingħajr ebda dubju, Hu jrid l-aħjar għalina.

Għeżież żgħażagħ madwar id-dinja, nestendi l-istess stedina li għamlilkom il-profeta tagħna, il-President Nelson “biex tinkitbu fil-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej biex tgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.” Il-President Nelson qal:

“M’hawn xejn ta’ konsegwenza akbar. Assolutament xejn.

“Din il-ġabra għandha tfisser kollox għalikom. Din hi l-missjoni li għaliha intom ntbagħttu fid-dinja.”5

Aħna twelidna f’dan iż-żmien għal għan divin, il-ġabra ta’ Iżrael. Meta nservu bħala missjunarji full-time, xi kultant inħabbtu wiċċna ma’ ċerti sfidi, iżda l-Mulej innifsu hu l-akbar eżempju u gwida tagħna f’dawn iċ-ċirkustanzi. Hu jifhem kemm hi missjoni diffiċli. Bl-għajnuna tiegħu kapaċi nwettqu ħwejjeġ diffiċli. Huwa jkun ħdejna (ara Doctrine and Covenants 84:88), u Huwa jberikna bil-kbir hekk kif naqduh b’umiltà.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jien mhux sorpriż li l-Mulej qal lil Thomas B. Marsh u lilna lkoll, “Imla qalbek bil-ferħ u thenna, għax waslet is-siegħa tal-missjoni tiegħek.” F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Hopeofisrael.ChurchofJesusChrist.org.

  2. Russell M. Nelson, “Hope of Israel.”

  3. Russell M. Nelson, “Hope of Israel.”

  4. Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2019), v.

  5. Russell M. Nelson, “Hope of Israel.”