Konferenza Ġenerali
Ħobb, Aqsam, Stieden
konferenza ġenerali April 2022


Ħobb, Aqsam, Stieden

Hekk kif inħobbu, naqsmu, u nistiednu, aħna nieħdu sehem f’dik il-ħidma kbira u glorjuża li tħejji lid-dinja għar-ritorn tal-Messija tagħha.

Għal mument immaġinaw miegħi li ninsabu weqfin fuq muntanja fil-Galilija, naraw b’għajnejna l-meravilja u l-glorja tas-Salvatur imqajjem mill-imwiet iżur lid-dixxipli tiegħu. Kemm hi ħaġa tal-għaġeb u li tispirak li tisma’ personalment dan il-kliem, li Hu qasam magħhom, il-kmand solenni tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”1 Bla dubju, dan il-kliem iqawwi, jispira, u jqanqal lilna lkoll, kif għamel lill-Appostli tiegħu. Fil-fatt, huma ddedikaw il-kumplament ta’ ħajjithom biex jagħmlu sewwasew dak li talabhom.

Interessanti l-fatt li ma kenux biss l-Appostli li laqgħu f’qalbhom kliem Ġesù. Il-membri tal-Knisja bikrija, minn dawk ġodda sa dawk li kienu ilhom fiha, ħadu sehem fil-ħidma kbira li tahom is-Salvatur, li jaqsmu l-bxara t-tajba tal-evanġelju ma’ dawk li jiltaqgħu magħhom u li kienu jafu. Id-determinazzjon li jaqsmu t-testimonjanza tagħhom ta’ Ġesù Kristu għenet biex il-Knisja tiegħu li kienet għadha kif twaqqfet tikber b’mod espansiv.2

Aħna wkoll, bħala dixxipli, mistednin biex illum nagħtu widen tal-kummissjoni tiegħu, daqslikieku konna hemm fuq dik il-muntanja fil-Galilija l-ewwel darba li ddikjaraha. Din il-kummissjoni bdiet mill-ġdid fl-1830, meta Joseph Smith iddistingwa lil ħuh Samuel bħala missjunarju tal-bidu tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.3 Minn dak iż-żmien ’l hawn, aktar minn 1.5 miljun missjunarju vvjaġġaw madwar id-dinja jgħallmu lill-ġnus kollha u jgħammdu lil dawk li ħaddnu l-bxara t-tajba tal-evanġelju rrestawrat.

Din hi d-duttrina tagħna. Ix-xewqa sabiħa tagħna.

Mit-tfal żgħar tagħna sal-ixjeħ fostna, aħna nħarsu ’l quddiem għal meta aħna nisimgħu s-sejħa tas-Salvatur u nxandru l-evanġelju mal-ġnus tad-dinja. Jiena ċert li lbieraħ intom iż-żgħażagħ ħassejtu fikom l-istess sejħa mimlija qawwa mingħand il-profeta tagħna hekk kif stedinkom biex titħejjew għal servizz missjunarju full-time kif għamel is-Salvatur lill-Appostli tiegħu.

Bħall-atleti b’saqajhom mal-blokk tat-tluq, aħna nistennew b’antiċipazzjoni l-istedina uffiċjali, kompluta bil-firma tal-profeta, li tkun qed turi l-bidu tat-tellieqa! Din ix-xewqa hija waħda nobbli u li tispirak; madankollu, ejjew nikkunsidraw din il-mistoqsija: għalfejn aħna lkoll ma nibdewx minn issa?

Tafu tistaqsu, “Kif nista’ nkun missjunarju mingħajr beġġ bl-isem?” Jew ngħidu lilna nfusna, “Il-missjunarji full-time jiġu distinti biex iwettqu din il-ħidma. Nixtieq ngħin, iżda forsi aktar tard meta l-ħajja tkun ikkalmat xi ftit.”

Ħuti, hu aktar sempliċi minn hekk! B’gratitudni, il-kummissjoni l-kbira tas-Salvatur tista’ tiġi fis-seħħ permezz ta’ prinċipji sempliċi, li faċli tifhimhom, mgħallmin lilna lkoll mit-tfulija: ħobb, aqsam, u stieden.

Ħobb

L-ewwel ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nħobbu kif ħabb Kristu.

Qalbna hi mtaqqla bit-tbatija umana u t-tensjoni li naraw madwar id-dinja waqt dawn iż-żminijiet konfużi. Madankollu, aħna nistgħu niġu ispirati wkoll min-nixxiegħa ta’ kompassjoni u s-sens umanitarju li ntwera minn nies ma’ kullimkien fl-isforzi tagħhom biex jilħqu lill-emarġinati—dawk maħrubin minn djarhom, separati mil-familji tagħhom, jew li qed jesperjenzaw forom oħra ta’ niket u disperazzjoni.

M’ilux, sorsi tal-aħbarijiet irrapportaw kif grupp ta’ ommijiet fil-Polonja, sforz it-tħassib tagħhom għal familji li kienu ħarbu b’disperazzjoni, poġġew pushchairs mgħammrin b’kollox mal-pjattaforma tal-istazzjon tal-ferrovija, waħda ħdejn l-oħra, lesti jistennew lill-ommijiet u t-tfal refuġjati li kien se jkollhom bżonnhom meta jaqsmu dik il-fruntiera kif jinżlu mill-ferrovija. M’hemmx dubju li Missierna fis-Smewwiet jitbissem meta jara atti ta’ karità altruwista bħal dawn, għax hekk kif nerfgħu t-tagħbija ta’ xulxin inkunu qed “inħarsu l-liġi ta’ Kristu.”4

Kull meta nuru mħabba Kristjana lejn għajrna, aħna nkunu qed inxandru l-evanġelju—anke jekk ma nlissnux kelma waħda.

L-imħabba lejn ħaddieħor hi l-espressjoni elokwenti tat-tieni kmandament kbir li nħobbu lil għajrna;5 dan juri l-proċess ta’ raffinar tal-Ispirtu s-Santu li jkun qed jaħdem ġewwa ruħna. Meta nuru l-imħabba ta’ Kristu lejn ħaddieħor, nistgħu nwasslu biex dawk li jaraw l-għemejjel tajbin tagħna “jigglorifikaw lil Missierna li jinsab fis-Smewwiet.”6

Aħna nagħmlu dan mingħajr ma nistennew xejn lura.

It-tama, bla dubju, hi li huma jaċċettaw l-imħabba tagħna u l-messaġġ tagħna, għalkemm kif huma jirreaġixxu m’għandniex kontroll fuqu.

Għandna żgur kontroll fuq dak li nagħmlu u min aħna verament.

Permezz tal-imħabba Kristjana lejn ħaddieħor, aħna nxandru t-tagħlim glorjuż li jittrasforma l-ħajja tal-evanġelju ta’ Kristu, u nieħdu sehem sinifikament f’li nġibu fis-seħħ il-kummissjoni l-kbira tiegħu.

Aqsam

It-tieni ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li naqsmu ma’ ħaddieħor.

Fl-ewwel xhur tal-pandemija tal-COVID-19, Brother Wisan mit-Tajlandja ħass li kellu jaqsam is-sentimenti u l-ħsibijiet ta’ dak li kien qed jitgħallem fl-istudju tiegħu tal-Ktieb ta’ Mormon fuq l-ekkawnt tiegħu tal-midja soċjali. F’waħda mill-posts partikolarment personali tiegħu, hu qasam storja ta’ żewġ missjunarji mill-Ktieb ta’ Mormon, Alma u Amuleki.

Lil ħuh, Winai, minkejja li kien fidil lejn it-twemmin reliġjuż tiegħu, laqtitu ferm dik il-post u wieġeb bla mistenni, “Nista’ nikseb kopja ta’ dak il-ktieb bit-Tajlandiż?”

Wisan b’għaqal irranġa biex żewġ missjunarji nisa jwasslulu kopja tal-Ktieb ta’ Mormon u huma bdew jgħallmu lil ħuh.

Wisan attenda għal lezzjonijiet virtwali li fihom hu qasam is-sentimenti tiegħu dwar il-Ktieb ta’ Mormon. Winai tgħallem jitlob u jistudja bi spirtu li jfittex il-verità, ħalli jaċċetta u jħaddan il-verità. Wara ftit xhur, Winai tgħammed!

Aktar tard Wisan qal, “Aħna għandna responsabbiltà li nkunu strument f’idejn Alla, u għandna dejjem inkunu lesti għalih biex iwettaq il-ħidma tiegħu bil-mod tiegħu permezz tagħna.” Il-miraklu tal-familja tagħhom seħħ għaliex Wisan sempliċiment qasam l-evanġelju b’mod normali u naturali.

Aħna lkoll naqsmu affarijiet mal-oħrajn. Nagħmlu dan ta’ spiss. Naqsmu magħhom x’films u x’ikel inħobbu, ħwejjeġ umoristiċi li naraw, postijiet li nżuru, arti li napprezzaw, u kwotazzjonijiet li jispirawna.

Xi ngħidu jekk aħna sempliċiment inżidu mal-lista ta’ ħwejjeġ li diġà naqsmu magħhom x’inhu dak li aħna nħobbu dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu?

Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf spjega: “Jekk xi ħadd jistaqsikom dwar kif għaddejtu tmiem il-ġimgħa, toqogħdux taħsbuha darbtejn biex tkellmuhom dwar dak li esperjenzajtu l-knisja. Għidulhom dwar it-tfal ċkejknin li qagħdu quddiem il-kongregazzjoni u kantaw b’ħerqa u kif huma qed jippruvaw ikunu bħal Ġesù. Tkellmu dwar il-grupp ta’ żgħażagħ li jqattgħu ħin jgħinu lill-individwi li joqogħdu fid-djar tal-anzjani biex ikunu jistgħu jiġbru l-istejjer tal-familja.”7

Li naqsmu ma’ ħaddieħor ma jfissirx li “nbiegħu” l-evanġelju. M’hemmx għalfejn tiktbu xi priedka jew tikkoreġu l-perċezzjoni skorretta ta’ xi ħadd.

Fejn tidħol il-ħidma missjunarja, Alla ma jridkomx tkunu x-sheriff tiegħu; Hu, madankollu, jitlob li intom tkunu x-sharer tiegħu.

Meta naqsmu l-esperjenzi pożittivi tagħna fl-evanġelju ma’ ħaddieħor, aħna nkunu qed nieħdu sehem fit-twettiq tal-kummissjoni l-kbira tas-Salvatur.

Stieden

It-tielet ħaġa li tistgħu tagħmlu hi li tistiednu.

Sister Mayra hija membru ġdid mill-Ekwador. Il-ferħ tagħha fl-evanġelju deher l-aktar evidenti immedjatament wara l-magħmudija tagħha hekk kif hi stiednet lil sħabha u lill-maħbubin tagħha permezz tal-ekkawnts tal-midja soċjali. Bosta membri tal-familja u ħbieb li raw il-posts tagħha wieġbu b’ċerti mistoqsijet. Mayra baqgħet f’kuntatt magħhom, spiss tistedinhom d-dar tagħha biex jiltaqgħu flimkien mal-missjunarji.

Il-ġenituri ta’ Mayra, ħutha, zijietha, żewġ kuġini tagħha, u bosta minn sħabha spiċċaw tgħammdu għaliex hi b’kuraġġ stednithom biex “jiġu u jaraw,” “jiġu u jservu,” u “jiġu u jappartjenu.” Permezz tal-istedini normali u naturali tagħha, ’il fuq minn 20 ruħ aċċettaw l-istedina tagħha li jitgħammdu bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Dan seħħ għaliex Sister Mayra sempliċiment stiednet lil ħaddieħor biex jesperjenza l-ferħ li hija ħasset bħala membru tal-Knisja.

Sister Mayra u dawk li hija stiednet biex jesperjenzaw l-hena tal-evanġelju

Hemm mijiet ta’ stediniet x’nistgħu nestendu lil ħaddieħor. Nistgħu nistiednu lil ħaddieħor biex “jiġi u jara” servizz tas-sagrament, attività tal-qasam, vidjo onlajn li jispjega l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. “Ejjew u taraw” tista’ tkun stedina biex xi ħadd jaqra l-Ktieb ta’ Mormon jew iżur xi tempju ġdid waqt li jkun miftuħ għall-pubbliku qabel id-dedikazzjoni tiegħu. Xi kultant, l-istedina hi xi ħaġa li nestendu lilna nfusna—li tgħarrafna u turina l-opportunitajiet li hemm madwarna, u naġixxu skont il-ħtieġa.

Fl-era diġitali tagħna, il-membri spiss jaqsmu messaġġi ma’ ħaddieħor permezz tal-midja soċjali. Hemm mijiet, jekk mhux eluf, ta’ ħwejjeġ edifikanti li tafu ssibuhom xierqa li taqsmuhom mal-oħrajn Dan il-kontinut joffri stediniet biex “tiġu u taraw,” “tiġu u sservu,” u “tiġu u tappartjenu.”

Hekk kif nistiednu lil ħaddieħor biex jitgħallem aktar dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, nkunu qed nipparteċipaw fis-sejħa tas-Salvatur li ningaġġaw ruħna fil-ħidma tal-kummissjoni tiegħu.

Konklużjoni

Għeżież ħuti, illum tkellimna dwar tliet ħwejjeġ sempliċi—ħwejjeġ faċli—li kulħadd jista’ jagħmel. Ħwejjeġ li intom tistgħu tagħmlu! Jista’ jkun li diġà qed tagħmluhom—anke jekk mhux qed tirrealizzaw għalkollox li qed tagħmluhom!

Nistedinkom tikkunsidraw modi kif tistgħu tħobbu, taqsmu, u tistiednu. Hekk kif tagħmlu dan, tħossu ferħ kbir fikom għax tafu li intom qed tagħtu widen ta’ kliem is-Salvatur għażiż tagħna.

Li qed inħeġġiġkom tagħmlu mhuwiex xi programm ġdid. Dawn il-prinċipji smajtuhom qabel. Din mhijiex “il-ħaġa l-kbira li jmiss” li l-Knisja qed titlobkom twettqu. Dawn it-tliet ħwejjeġ huma sempliċiment estensjoni ta’ dak li diġà aħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

M’hemm bżonn ta’ ebda beġġ jew ittra.

L-ebda sejħa formali mhi meħtieġa.

Hekk kif dawn it-tliet ħwejjeġ isiru parti naturali minn dak li aħna u kif ngħixu, huma jsiru espressjoni awtomatika u mhux sfurzata ta’ mħabba ġenwina.

Bħal dawk id-dixxipli ta’ Kristu li nġabru flimkien biex jitgħallmu minnu fil-Galilija 2,000 sena ilu, aħna wkoll nistgħu nħaddnu dak li ordnalna s-Salvatur u mmorru fid-dinja kollha nxandru l-evanġelju.

Hekk kif inħobbu, naqsmu, u nistiednu, aħna nieħdu sehem f’dik il-ħidma kbira u glorjuża li tħejji lid-dinja għar-ritorn tal-Messija tagħha.

Li aħna nagħtu widen għas-sejħa tas-Salvatur u nagħmlu li nistgħu biex ningaġġaw ruħna fil-kummissjoni l-kbira tiegħu hija t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mattew 28:19.

  2. X’wassal għat-tkabbir tal-Knisja tal-ewwel żminijiet? Wieħed storiku jissuġġerixxi: “L-ewwel ħaġa li aktarx qanqlet interess serju dwar in-natura tal-fidi kienet il-kuntatt personali ma’ fidili oħra. … Li tgħid u taħdem viċin ta’ dawk li mxew wara Ġesù, li tara b’għajnejk mill-viċin l-imġiba tagħhom, u li tisma’ hekk kif huma jitkellmu dwar l-evanġelju fl-attivitajiet ordinarji ta’ kuljum tagħhom kien li tara quddiemek l-evidenza ta’ ħajjiet li seħħet bidla fihom. F’dan is-sens, il-qawwa li tara l-fidi Kristjana ħafna drabi ma kenitx ġejja mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-aktar rappreżentanti prominenti tagħha iżda aktar fit-testimonjanza siekta ta’ nies ordinarji li jqimu lil Ġesù u jagħtu xhieda tal-kredibiltà ta-impenn tagħhom permezz tal-integrità, tal-konsistenza, u tad-disponibbiltà tagħhom għall-ħaddieħor” (Ivor J. Davidson, The Birth of the Church: From Jesus to Constantine, AD 30–312 [2005], 108–9).

  3. Ara Lucy Mack Smith, History, 1845, paġna 169, josephsmithpapers.org.

  4. Galatin 6:2.

  5. Ara Mattew 22:39.

  6. Mattew 5:16.

  7. Dieter F. Uchtdorf, “Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’Qalbkom,” Liahona,, Mejju 2019, 17.