Is-Sellum tal-Fidi
In-nuqqas ta’ twemmin jimblokka l-abbiltà tagħna li naraw il-mirakli, filwaqt li mentalità ta’ fidi fil-Mulej tiftaħ il-poteri tas-smewwiet.
L-isfidi tal-ħajja kif se jaffettwaw il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu? U x’effett se jkollha l-fidi tagħna fuq l-hena u l-paċi li nesperjenzaw f’din il-ħajja?
Is-sena kienet l-1977. Ċempel it-telefon, u dak li smajna qasmilna qalbna. Carolyn u Doug Tebbs kienu fil-proċess biex iġorru fid-dar ġdida tagħhom wara li kienu ħadu l-lawrja. Il-kworum tal-presbiteri kienu ġew biex jgħabbu l-vann tal-ġarr. Doug ħares għall-aħħar darba biex jaċċerta li t-triq kienet libera biex jimxi l-vann. Ma seta’ bl-ebda mod jintebaħ li Jennie, bintu ċkejkna, kienet staħbiet wara t-trakk propju fil-mument ħażin. Fid-daqqa u l-ħin, il-maħbuba Jennie kienet telqet.
X’kellu jiġri wara? L-imrar li ħassew fil-fond ta’ qalbhom u s-sens qawwi ta’ telfien kien se joħloq ħondoq bejn Carolyn u Doug li ma seta’ jiġġarraf qatt? Jew dan kellu jorbtilhom qalbhom flimkien u jissoda l-fidi tagħhom fil-pjan tal-Missier fis-Smewwiet?
Il-vjaġġ tul it-tiġrib tagħhom kien twil u mimli uġigħ, iżda minn x’imkien waslet saħħa spiritwali biex ma jitilfux it-tama, imma biex “jibqgħu fit-triq [tagħhom].”1 B’xi mod din il-koppja inkredibbli kompliet issir iktar bħal Kristu. Iktar impenjata. Iktar kompassjonali. Huma emmnu li, fiż-żmien tiegħu, Alla kellu jikkonsagra t-tiġrib tagħhom għal gwadann tagħhom stess.2
Għalkemm l-uġigħ u t-telfa qatt ma kellhom, u lanqas setgħu, jitilqu għal kollox, Carolyn u Doug ġew imfarrġin bl-assigrazzjoni li billi jibqgħu fis-sod fuq it-triq tal-patt, il-maħbuba tagħhom Jennie kellha tkun tagħhom għal dejjem.3
L-eżempju tagħhom saħħaħli l-fidi tiegħi fil-pjan tal-Mulej. Aħna ma narawx l-affarjiet kollha. Huwa jarahom. Il-Mulej qal lil Joseph Smith fiċ-Ċella ta’ Liberty li “dawn il-ħwejjeġ kollha se jagħtuk esperjenza, u se jkunu għall-ġid tiegħek. Bin il-Bniedem ġie umiljat aktar minn kulħadd. Inti akbar minnu?”4
Hekk kif naċċettaw ir-rieda tal-Mulej, Huwa jgħallimna kif nimxu miegħu.5 Meta kont missjunarju żagħżugħ inservi f’Taħiti, intlabt namministra lil tarbija marida. Aħna qegħidna jdejna fuq rasu u beriknieh biex jaqleb għal aħjar. Saħħtu bdiet titjieb, imma mbagħad reġa’ qaleb għal agħar. Beriknieh għat-tieni darba iżda r-riżultat kien l-istess. Waslet it-tielet talba. Aħna tlabna b’ħerqa lill-Mulej biex tkun magħmula r-rieda tiegħu. Ftit wara, dan l-ispirtu ċkejken irritorna fid-dar tiegħu fis-smewwiet.
Aħna konna fil-paċi. Ridna li t-tifel jgħix, iżda l-Mulej kellu pjanijiet oħra. Li taċċetta r-rieda tiegħu minflok dik tagħna hija s-sigriet kif issib l-hena jkunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi.
Il-fidi sempliċi li għandna f’Ġesù Kristu hekk kif fil-bidu nibdew nitgħallmu dwaru tista’ tibqa’ f’qalbna waqt li nseffqu wiċċna mal-isfidi tal-ħajja. Il-fidi tagħna fih tista’, u għandha, tiggwidana minn qalb il-kumplessitajiet tal-ħajja. Infatti, ħa nsibu li hemm is-sempliċità fuq in-naħa l-oħra tal-kumplessitajiet tal-ħajja6 hekk kif nibqgħu “[sodi] fi Kristu, b’dija perfetta ta’ tama.”7
Parti mill-għan tal-ħajja hija li nippermettu li dawn li potenzjalment huma ċnagen ta’ gambetti jsiru ġebel li fuqhom nirfsu aħna u nitilgħu ma’ dak li jien insejjaħ is-“sellum tal-fidi”. Hija tista’ titla’ u tinżel skont l-għażliet li nagħmlu.
Hekk kif nistinkaw biex nibnu l-fidi fis-Salvatur, forsi ma nifhmux għal kollox l-imħabba ta’ Alla għalina u nobdu l-liġijiet tiegħu minħabba sens ta’ obbligu. Il-ħtija tista’ anki ssir l-motivazzjoni ewlenija tagħna, iktar milli l-imħabba. Konnessjoni reali miegħu forsi tkun għadha ma ġietx esperjenzata.
Hekk kif infittxu li nkabbru l-fidi tagħna, nistgħu nitħawdu b’dak li għallem Ġakbu. Huwa fakkarna li “l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa.”8 Hemm ċans li nogħtru jekk naħsbu li kollox jiddependi fuqna. Dipendenza eċċessiva fuqna nfusna tista’ timpedixxi l-abbiltà tagħna biex naċċessaw il-qawwiet tas-smewwiet.
Iżda hekk kif nibdew resqin lejn il-fidi vera f’Ġesù Kristu l-mod kif naħsbuha jibda jinbidel. Nagħrfu li l-ubbidjenza u l-fidi fis-Salvatur jikkwalifikawna biex l-ispirtu tiegħu jkun dejjem magħna.9 L-ubbidjenza ma tibqax xi ħaġa li ddejjaqna, iżda ssir tfittxija kontinwa.10 Nagħrfu li l-ubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla tippermettilna li nkunu fdati minnu. Mal-fiduċja tiegħu niksbu wkoll dawl akbar. Dan id-dawl jiggwida l-vjaġġ tagħna fil-ħajja u jipperemettilna naraw b’mod iktar ċar it-triq li għandna nimxu fuqha.
Iżda hemm xi ħaġa aktar minn hekk. Hekk kif il-fidi tagħna fis-Salvatur tiżdid, aħna nosservaw ċaqliqa sottili li tinkludi għarfien divin tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla—moviment ċert ’il bogħod minn “Jien x’irrid?” u lejn “Alla x’irid?” L-istess bħas-Salvatur, aħna rridu naġixxu “mhux kif irrid jien, imma kif trid int.”11 Irridu nagħmlu l-ħidma ta’ Alla u nkunu strument f’idejh.12
Il-progressjoni tagħna hija waħda eterna. Il-President Nelson għallem li hemm ħafna u ħafna iżjed li l-Missier fis-Smewwiet jixtieqna nkunu nafu.13 Hekk kif nagħmlu progress, nibdew nifhmu aħjar dak li l-Mulej għallem lil Joseph Smith: “Għaliex jekk tħares il-kmandamenti int tirċievi mill-milja tiegħu, u tkun gglorifikat fija kif jien jien fil-Missier; għalhekk, jiena ngħidlek, int għandek tirċievi grazzja wara grazzja.”14
Kemm se nitilgħu ’l fuq mas-sellum tal-fidi hija deċiżjoni tagħna. Il-Presbiteru Andersen għallem, “Il-fidi mhix xi ħaġa b’kumbinazzjoni iżda b’għażla.”15 Nistgħu nagħżlu li nagħmlu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex inżidu l-fidi fis-Salvatur.
Ikkonsidraw l-impatt tal-għażliet li saru meta Laman u Lemwel niżlu s-sellum tal-fidi filwaqt li Nefi tela’ iktar fl-għoli. Teżisti rappreżentazzjoni iktar ċara mid-differenza bejn ir-risposta ta’ Nefi ta’ “Jien se mmur u nagħmel”16 minn dik ta’ Laman u Lemwel, eżatt wara li raw anġlu, meta wieġbu, “Kif jista’ jkun li l-Mulej se jeħlisna?”17
In-nuqqas ta’ twemmin jimblokka l-abbiltà tagħna li naraw il-mirakli, filwaqt li mentalità ta’ fidi fil-Mulej tiftaħ il-poteri tas-smewwiet.
Anki meta l-fidi tagħna hija dgħajfa, id il-Mulej dejjem se tkun merfugħa biex tgħollina ’l fuq.18 Snin ilu, jien ingħatajt l-inkarigu biex nirriorganizza wited fin-Niġerja. Fl-aħħar minuta, kien hemm bidla fid-data. Kien hemm raġel fil-wited li ddeċieda li jitlaq mill-belt dak inhar tal-ewwel konferenza. Ma riedx jirriskja li jiġi msejjaħ bħala president tal-wited.
Sakemm dam ’il bogħod kien involut f’inċident ikrah, iżda hu ma weġġax. Dan ġegħilu jgħarbel għalfejn ħajtu kienet ġiet salvata. Reġa’ ħaseb fuq id-deċiżjoni li kien ħa. Nidem u b’umiltà kbira attenda l-konferenza fid-data l-ġdida. U m’għandniex xi ngħidu, kien imsejjaħ bħala president tal-wited.
Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: “Il-vera kuntentizza tinstab biss meta nġibu r-rieda tagħna f’linja waħda ma’ dik ta’ Alla. Kwalunkwe ħaġa inqas minn hekk se tirriżulta f’porzjon iżgħar.”19
Wara li tagħmlu “dak kollu li għandkom il-qawwa tagħmlu,” imbagħad huwa ż-żmien li “tieqfu … biex taraw is-salvazzjoni ta’ Alla.”20 Dan rajtu meta servejt bħala membru li jimministra lill-familja McCormick. Mary Kay kienet ilha miżżewġa għal 21 sena u serviet b’fedeltà fis-sejħiet tagħha. Ken ma kienx membru tal-Knisja u ma kellu l-ebda interess li jsir, iżda peress li kien iħobb lil martu huwa għażel li jattendi l-knisja magħha.
Ħadd partikolari ħassejt il-bżonn li naqsam it-testimonjanza tiegħi ma’ Ken. Staqsejtu stajtx nagħmel dan. It-tweġiba tiegħu kienet qasira u ċara: “Le, grazzi.”
Ikkonfondejt. Kont ħassejt is-suġġeriment u ppruvajt naġixxi fuqu. It-tentazzjoni kienet li niddeċiedi li jien kont għamilt il-parti tiegħi. Iżda wara li tlabt u li rriflettejt, stajt nara li għalkemm l-intenzjonijiet tiegħi kienu korretti, kont iddependejt wisq fuqi nnifsi u ftit wisq fuq il-Mulej.
Wara, erġajt ippruvajt, imma b’mentalità differenti. Iddeċidejt li mmur sempliċiment bħala strument f’idejn il-Mulej bl-ebda xewqa oħra għajr li nimxi wara l-Ispirtu. Jien u s-sieħeb leali tiegħi, Gerald Cardon, dħalna fid-dar tal-familja McCormick.
Wara ftit, ħassejtni ispirat li nistieden lil Ġerald ikanta “Jien Naf Li l-Feddej Tiegħi Jgħix.”21 Tagħni ħarsa dubjuża, iżda għax emmen li jien emmint fih, għamel dak li tlabtu. Il-kamra mtliet bi spirtu sabiħ. Is-suġġeriment ġie biex nistiden lil Mary Kay u lil binthom, Kristin, sabiex jaqsmu magħna t-testimonjanza tagħhom. Huma u jagħmlu dan, l-Ispirtu beda jitqawwa. Infatti, wara t-testimonjanza ta’ Kirstin, id-dmugħ kien qed iġelben ma’ ħaddejn Ken.22
Alla kien fil-kontroll. Il-qlub ma kenux biss intmessew iżda kienu mibdulin għal dejjem. Wieħed u għoxrin sena ta’ nuqqas ta’ fidi twarrbu permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Ġimgħa wara, Ken tgħammed. Sena wara, Ken u Mary Kay ġew issiġillati fid-dar tal-Mulej għaż-żmien u għall-eternità kollha.
Flimkien konna esperjenzajna xi tfisser meta tibdel ir-rieda tagħna fir-rieda tal-Mulej, u l-fidi tagħna fih kibret.
Nitlobkom tikkonsidraw dawn il-mistoqsijiet li ġejjin magħmulin mill-profeti qaddisa ta’ Alla intom u tistinkaw biex titilgħu s-sellum tal-fidi:
Jiena mneżża’ mill-kburija?23
Nagħti lok f’qalbi għall-kelma ta’ Alla?24
Jiena nippermetti biex it-tiġrib tiegħi jiġi kkonsagrat għall-gwadann tiegħi?25
Jien lest li nħalli r-rieda tiegħi tinbela’ mir-rieda tal-Missier?26
Jekk jien ħassejt li għandi nkanta l-għanja tal-imħabba feddejja, nista’ nħoss dan issa?27
Jien inħalli lil Alla jiddomina f’ħajti?28
Jekk issibu li t-triq li qegħdin fiha bħalissa hija f’konflitt mal-fidi tagħkom fis-Salvatur, mela nitlobkom biex issibu d-direzzjoni lura għalih u għat-triq tal-patt. L-eżaltazjoni u dik tal-posterità tiegħek jiddependu fuq hekk.
Jalla niżirgħu ż-żerriegħa tal-fidi fil-fond ta’ qalbna. Jalla nsaqqu din iż-żerriegħa hekk kif norbtu lilna nfusna mas-Salvatur billi nonoraw il-patti li għamilna miegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.