Il-Pjan qed Jaħdem?
Nixhed li l-pjan ta’ ferħ jaħdem. Ġie maħluq minn Missierkom fis-Smewwiet, li jħobbkom.
Il-pjan qed jaħdem?
M’ilux kelli konverżazzjoni ma’ wieħed adult żagħżugħ li bosta snin ilu serva missjoni u issa jinsab involut fil-ħidma professjonali tiegħu. F’ċertu sens, ħajtu kienet sejra tajjeb. Iżda l-fidi tiegħu kienet qed tiddgħajjef. Hu kien qed jegħreq f’baħar ta’ dubju dwar is-Salvatur u l-Knisja tiegħu. Hu spjegali li ma kienx qed jirċievi l-barkiet li stenna mill-evanġelju rrestawrat. Ma ħassx li l-pjan ta’ ferħ kien qed jaħdem f’ħajtu.
Il-messaġġ tiegħi llum hu għal dawk kollha li jafu qed iħossu fihom l-istess sentiment. Se nindirizza lil dawk li xi darba “ħassew li jgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja” iżda mhux “qed iħossuhom hekk bħalissa.”1
Missierna fis-Smewwiet ħejja pjan meraviljuż għall-ferħ etern tagħna. Iżda meta l-ħajja ma tibdiex ġejja kif konna nittamaw, nafu naħsbu li l-pjan mhuwiex jaħdem.
Jista’ jkun li aħna nħossuna kif ħassewhom id-dixxipli ta’ Ġesù meta kienu f’dgħajsa, “f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.”2
Imbagħad, kmieni sew filgħodu:
“Ġesù mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.
“Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru, … u qabdu jgħajtu bil-biża’.
“Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom, Agħmlu l-qalb, jiena hu; tibżgħu xejn.
“Wieġeb Pietru u qallu, Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.
“Ejja, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.
“Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid, … Salvani, Mulej.
“Malajr Ġesù medd idu u qabdu, Bniedem ta’ fidi żgħira, qallu, għaliex iddubitajt?”3
Tippermettuli naqsam magħkom tliet prinċipji li tgħallimt mingħand Pietru? Nitlob li dawn il-prinċipji jistgħu jgħinu lil min iħoss li l-pjan ta’ ferħ mhux qed jaħdem f’ħajtu.
L-ewwel, aġixxu b’fidi f’Ġesù Kristu.
Jien nimmeravilja ruħi bil-fidi ta’ Pietru. Mal-istedina sempliċi ta’ Ġesù “ejja,” hu ħalla d-dgħajsa tiegħu li kienet qed titbandal mal-mewġ. Jidher li kien jaf li jekk Ġesù Kristu jistiednu jagħmel xi ħaġa, hu seta’ jagħmilha.4 Pietru kien jafda lis-Salvatur aktar milli kien jafda fid-dgħajsa tiegħu. U dik il-fidi tagħtu l-qawwa biex jaġixxi b’kuraġġ waqt sitwazzjoni stressanti u tal-biża’.
Il-fidi ta’ Pietru tfakkarni f’esperjenza li jien smajt mingħand il-Presbiteru José L. Alonso. Ftit wara l-mewt ta’ iben il-Presbiteru Alonso, fejn ħalla warajh familja bi tfal żgħar, il-Presbiteru Alonso sema’ lit-tfal jitkellmu.
“X’se nagħmlu?” huma staqsew.
Bintu ta’ disa’ snin wieġbet, “Il-papà jinsab tajjeb. Qiegħed ixandar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”
Bħal Pietru, din it-tifla ċkejkna tiegħu rat lil hinn mill-isfidi tagħha u fdat f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu. Il-fidi fis-Salvatur iġġibilna l-paċi u l-qawwa li nibqgħu mexjin ’il quddiem.
Jekk tħarsu lura lejn ħajjitkom, nemmen li taraw li intom eżerċitajtu l-fidi bosta drabi. Li ngħaqadtu mal-Knisja huwa att ta’ fidi. Li titkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet fit-talb hu att ta’ fidi. Li taqraw l-iskrittura huwa att ta’ fidi. Li tisimgħu l-messaġġ tiegħi f’din il-konferenza ġenerali huwa att ta’ fidi. Kif al il-President Russell M. Nelson, “Tissottovalutawx il-fidi li diġà għandkom.”5
Lezzjoni oħra li tgħallimt minn Pietru hija din:
Fi żmien ta’ nkwiet, duru lejn Ġesù Kristu mill-ewwel.
Hekk kif kien miexi lejn is-Salvatur, Pietru beda jibża’ minħabba r-riħ, u qabad se jegħreq. Iżda meta Pietru rrealizza x’kien qed jiġri, ma bediex jipprova jżomm fuq l-ilma jew jgħum lura lejn id-dgħajsa. Minflok ma wera nuqqas ta’ fidi fi Kristu, hu wera fidi akbar u għajjat, “Salvani, Mulej.”
“Malajr Ġesù medd idu u qabdu.”6
Ilkoll kemm aħna niffaċċjaw irwiefen qawwija li jistgħu jdgħajfulna l-fidi tagħna u jwassluna biex nibdew negħrqu. Meta jiġri dan, jekk jogħġobkom ftakru li l-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna fis-Smewwiet għandu isem ieħor—il-pjan tal-fidwa. Il-pjan ma kienx li ngħixu dil-ħajja ħelu ħelu u b’mod faċli, fejn qatt ma naqgħu, jew qatt ma negħrqu, bi tbissima dejjem fuq wiċċna. Missierna fis-Smewwiet kien jaf li kien jeħtieġ li niġu mifdijin. Għalhekk Hu ħejja l-pjan tal-fidwa.7 Għalhekk Hu bagħat Feddej. Meta ngħaddu minn żmien diffiċli—għal xi raġuni—ma jfissirx li l-pjan mhux jaħdem. Dak hu ż-żmien meta aħna l-aktar li neħtieġu l-pjan!
F’dawk il-mumenti, imxu wara l-eżempju ta’ Pietru. Duru mill-ewwel lejn is-Salvatur.
“Issa ż-żmien u l-jum tas-salvazzjoni tagħkom. … Toqogħdux titnikkru sabiex tindmu.”8
Irrispettivament fejn ninsabu u fejn konna, l-indiema hija ’l fejn għandna mmorru. Il-President Nelson għallem:
“Xejn ma jilliberana aktar, ma jirraffinana aktar, jew li hu aktar kruċjali għall-progressjoni individwali tagħna milli b’mod regolari u ta’ kuljum niffokaw fuq l-indiema. …
“Kemm jekk bid-diliġenza kollha intom tinsabu mexjin fit-triq tal-patt, kemm jekk żlaqtu jew ħriġtu mit-triq tal-patt, u kemm jekk minn fejn tinsabu bħalissa lanqas biss tistgħu taraw it-triq, nitlobkom biex tindmu. Esperjenzaw kuljum il-qawwa setgħana tal-indiema—li kull jum tagħmlu u tkunu ftit aħjar.”9
Li nersqu lejn Kristu jfisser aktar minn sempliċiment naħsbu dwaru jew nitkellmu dwaru jew saħansitra li nħobbuh. Ifisser li nimxu warajh. Ifisser li ngħixu bil-mod li għallimna kif ngħixu Hu. U għalina lkoll, dan ifisser li nindmu, mingħajr dewmien.
Waħda minn uliedi l-bniet kienet taħdem f’ċentru għat-taħriġ missjunarju. Tkellmet miegħi dwar wieħed presbiteru li hi kienet tgħallem li qalilha li ma kienx ċert jekk il-Ktieb ta’ Mormon kienx vera. Hu kien talab fuq li talab għal xhieda spiritwali, iżda ma rċieva l-ebda tweġiba.
Binti talbet biex tkun taf x’kellha tagħmel biex tgħin lil dan il-missjunarju. L-ispirazzjoni li rċeviet kienet li l-iskrittura ma ġietx mogħtija biss sabiex naqrawha u niksbu testimonjanza; ġiet mogħtija wkoll biex tgħallimna kif inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Binti qasmet dan il-ħsieb mal-missjunarju.
Aktar tard, hi reġgħet rat lil dan il-missjunarju, fejn deher aktar ferħan. Hu qalilha li finalment kien irċieva testimonjanza li l-Ktieb ta’ Mormon kien veru. Kien jaf li din ix-xhieda kisibha għaliex kien qed jagħmel sforz akbar biex jagħmel dak li l-Ktieb ta’ Mormon jgħallem.
Ejjew nimxu wara l-eżempju ta’ Pietru li nduru lejn is-Salvatur fi żmien ta’ nkwiet. Imxu wara Ġesù Kristu minflok ma’ tafdaw fl-għerf u l-qawwa tagħkom. Irrispettivament kemm ilkom tippruvaw iżżommu fuq l-ilma mingħajru, qatt mhu tard wisq biex titolbuh jgħinkom. Il-pjan jaħdem!
It-tielet prinċipju li tgħallimt minn Pietru u l-esperjenza tiegħu hu dan:
Iċċekknu quddiem il-Mulej, u Hu jgħollikom ’il fuq lejn ħwejjeġ akbar.
Pietru wera l-fidi, kemm biex mexa fuq l-ilma kif ukoll biex talab l-għajnuna tas-Salvatur meta kien jeħtieġha. Madankollu, is-Salvatur ra f’Pietru potenzjal ferm akbar. “Bniedem ta’ fidi żgħir,” Huwa qallu, “għaliex iddubitajt?”10
Pietru seta’ ħassu insultat b’din iċ-ċanfira. Iżda hu aċċettaha b’umiltà. Hu kompla jfittex fidi akbar f’Ġesù Kristu. Permezz ta’ bosta esperjenzi oħra li jsaħħu l-fidi—xi wħud minnhom mill-aktar diffiċli—Pietru eventwalment sar il-mexxej mill-aktar determinat li l-Mulej riedu jkun. Hu wettaq ħwejjeġ kbar fis-servizz tal-Mulej.
Xi ħwejjeġ kbar iridkom twettqu l-Mulej? Fil-Knisja u fis-saltna tiegħu, hawn bosta opportunitajiet biex isservu u timministraw lil ħaddieħor kif għamel is-Salvatur. Hu jridkom tkunu parti mill-ħidma kbira tiegħu. L-aktar li l-pjan ta’ ferħ tistgħu tarawh reali hu meta tkunu qed tgħinu lil ħaddieħor jgħixu.
Fil-bini tal-fidi tiegħi, dan il-kliem ta’ Alma bidilli ħajti: “Mberkin dawk li jiċċekknu mingħajr ma jiġu mġegħlin jiċċekknu.”11 Ejjew b’umiltà npoġġu lilna nfusna f’pożizzjoni fejn Ġesù jista’ jgħollina ’l fuq, imexxina, u jużana kemm jista’ fl-abbiltajiet tagħna.12
Nixhed li l-pjan ta’ ferħ jaħdem. Ġie maħluq minn Missierkom fis-Smewwiet, li jħobbkom. Jaħdem minħabba li Ġesù Kristu għeleb id-dnub u l-mewt permezz tal-Espjazzjoni tiegħu. Ejjew għandu, imxu warajh, u “b’mod immedjat il-pjan kbir tal-fidwa jibda jaħdem ġewwa fikom.”13 F’isem Ġesù Kristu, amen.