Konferenza Ġenerali
Ejjew fil-Mandra ta’ Alla
konferenza ġenerali April 2022


Ejjew fil-Mandra ta’ Alla

Fil-mandra ta’ Alla, aħna nesperjenzaw il-ħarsien attent u għażiż tar-Ragħaj it-Tajjeb, u aħna mberkin li nħossu l-imħabba feddejja tiegħu.

Ta’ ġenituri żgħażagħ li kienu, Ħuna u Oħtna Samad tgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fid-dar sempliċi tagħhom, daqsxejn ta’ żewġt ikmamar f’Semarang, l-Indoneżja.1 Bilqiegħeda madwar mejda ċkejkna, b’lampa baxxa li donnha kienet iktar timla l-kamra bin-nemus milli bid-dawl, żewġ missjunarji żgħażagħ għallmuhom il-veritajiet eterni. Permezz ta’ talb sinċier u l-gwida tal-Ispirtu s-Santu, huma waslu biex emmnu dak li kienu qed jiġu mgħallmin u għażlu li jitgħammdu u jiġu kkonfermati membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Dik id-deċiżjoni, u l-istil ta’ għixien tagħhom minn dak iż-żmien ’l hawn, bierek lil Ħuna u Oħtna Samad u l-familja tagħhom f’kull aspett ta’ ħajjithom.2

Huma fost il-Qaddisin pijunieri bikrin fl-Indoneżja. Iktar tard irċevew l-ordinanzi tat-tempju, u Ħuna Samad serva bħala president tal-fergħa u wara bħala president tad-distrett, isuq bla heda madwar iċ-ċentru ta’ Java biex iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu. Għal dawn l-aħħar għaxar snin, huwa serva bħala l-ewwel patrijarka tal-Wited ta’ Surakarta fl-Indoneżja.

Il-Presbiteru Funk ma’ Sister u Brother Samad

Bħala wieħed mill-missjunarji f’dik id-dar umli, u mimlija fidi, 49 sena ilu, jien rajt b’għajnejja dak li s-Sultan Benjamin għallem fil-Ktieb ta’ Mormon: “Jien nixtieq li intom tikkunsidraw l-istat imbierek u hieni ta’ dawk li jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kollox, kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll spiritwali.”3 Il-barkiet li jinżlu fil-ħajjiet ta’ dawk li jimxu wara l-eżempju u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, li jagħżlu li jiġu mgħadudin fost id-dixxipli tiegħu, huma numerużi, mimlijin ferħ, u eterni.4

Il-Mandra ta’ Alla

L-istedina ta’ Alma tal-patt tal-magħmudija lil dawk miġburin ħdejn l-Ilmijiet ta’ Mormon tibda bil-frażi: “Issa, la intom imxenqin li tiġu fil-mandra ta’ Alla.”5

Flock of sheep in the country side standing next to a rock fence.

Mandra hija daħla, spiss magħluqa bil-ġebel, fejn in-nagħaġ jistkennu matul il-lejl. Għandha fetħa waħda biss. Fl-aħħar tal-jum, ir-ragħaj isejjaħ lin-nagħaġ. Huma jagħrfu leħnu, u jidħlu mix-xatba fis-sigurtà tal-mandra.

M’hemmx dubju li n-nies ta’ Alma kienu jafu li r-rgħajja jieqfu fid-dħul dejjaq tal-mandra sabiex jgħoddu n-nagħaġ huma u deħlin6 u jinnutaw u jindukraw il-feriti u l-ġrieħ ta’ kull nagħġa, waħda waħda. Is-sigurtà u l-benesseri tan-nagħaġ jiddependu fuq ir-rieda tagħhom li jidħlu fil-mandra u jibqgħu fil-mandra.

Fostna, jista’ jkun li hemm xi wħud li jħossuhom li jinsabu fit-tarf tal-merħla, forsi għax jaħsbu li huma inqas meħtieġa jew stmati jew li posthom mhuwiex fil-mandra. U, bħal fil-menqa tan-nagħaġ, fil-mandra ta’ Alla aħna xi minn daqqiet nirfsu is-swaba’ ta’ xi ħadd ieħor, u jeħtiġilna nindmu jew naħfru.

Iżda r-Ragħaj it-Tajjeb7—il-veru ragħaj tagħna—huwa dejjem tajjeb. Fil-menqa ta’ Alla, aħna nesperjenzaw il-ħarsien attent u għażiż tiegħu, u aħna mberkin li nħossu l-imħabba feddejja tiegħu. Huwa qal, “Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja; ħitanek dejjem quddiemi.”8 Is-Salvatur naqqax fuq il-keffa ta’ jdejh id-dnubiet, il-weġgħat, it-tiġrib tagħna,9 u dak kollu li huwa inġust fil-ħajja.10 In-nies kollha huma mistiedna li jirċievu dawn il-barkiet, hekk kif huma “juru x-xewqa li jiġu”11 u jagħżlu li jkunu fil-mandra. Id-don tal-volontà mhuwiex sempliċiment id-dritt li tagħżel; huwa l-opportunità li tagħżel is-sewwa. U l-ħitan tal-mandra mhumiex restrizzjoni iżda sors ta’ sigurtà spiritwali.

Ġesù għallem li hemm “mandra waħda, u ragħaj wieħed.”12 Huwa qal:

“Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. …

“U n-nagħaġ jafu l-vuċi tiegħu … ,

“… u n-nagħaġ jimxu warajh: għax jagħrfu leħnu.”13

Ġesù mbagħad iddikjara, “Jiena l-bieb: minni jekk xi ħadd jgħaddi, huwa se jsalva,”14 u hekk għallem b’mod ċar li hemm triq waħda biss fil-mandra ta’ Alla u mod wieħed biss biex issalva. Huwa b’Ġesù Kristu, u permezz ta’ Ġesù Kristu.15

Barkiet Jinżlu fuq Dawk fil-Mandra ta’ Alla

Aħna nitgħallmu kif niġu fil-mandra mill-kelma ta’ Allla, li hija d-duttrina mgħallma minn Ġesù Kristu u l-profeti tiegħu.16 Meta nimxu wara d-duttrina ta’ Kristu u niġu fil-mandra permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu, il-maħfra, il-magħmudija u l-konferma, u l-fedeltà kontinwa, 17 Alma wegħedna erba’ barkiet speċifiċi, personali. Int tista’ (1) “tinfeda minn Alla,” (2) “tiġi mgħadud ma’ dawk tal-ewwel qawmien,” (3) “ikollok il-ħajja eterna,” u (4) il-Mulej “isawwab l-Ispirtu tiegħu b’mod iktar abbundanti fuqek.”18

Wara li Alma għallem dwar dawk il-barkiet, il-poplu ċapċap idejh bil-ferħ. Ir-raġuni ta’ dan hu kif ġej:

L-ewwel: Li tifdi ifisser li tħallas id-dejn jew l-obbligu jew li teħles minn dak li jġarrab jew iħassar.19 L-ebda ammont ta’ titjib personali min-naħa tagħna ma jista’ jsaffina mid-dnubiet li wettaqna jew ifejjaqna mill-feriti li sofrejna mingħajr l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Huwa hu l-Feddej tagħna.20

It-Tieni: Minħabba l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, aħna lkoll se nqumu mill-mewt.21 Wara li l-ispirtu tagħna jħalli l-ġisem mortali tagħna, aħna bla dubju nħarsu ’l quddiem lejn meta, b’ġisem imqajjem mill-imwiet, nistgħu mill-ġdid ngħannqu lil dawk li nħobbu. Aħna nħarsu ’l quddiem b’ħerqa biex inkunu fost dawk tal-Ewwel Qawmien.

It-Tielet: Il-ħajja eterna tfisser li tgħix ma’ Alla kif jgħix Hu. Hija “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla” 22 u se ġġib il-milja ta’ ferħ.23 Hija l-għan u l-objettiv aħħari ta’ ħajjitna.

Ir-Raba’: Is-sħubija ta’ membru tad-Divinità, l-Ispirtu s-Santu, tipprovdi gwida u faraġ mill-iktar meħtieġa matul din il-ħajja mortali.24

Ikkunsidraw xi kawżi ta’ nuqqas ta’ ferħ: il-miżerja tiġi mid-dnub,25 in-niket u s-solitudini mill-mewt ta’ xi ħadd maħbub, u l-biża’ u l-inċertezza minn x’se jiġri meta mmutu. Iżda meta nidħlu fil-mandra ta’ Alla u nħarsu l-patti li għamilna miegħu, aħna nħossu l-paċi li tasal mill-għarfien u l-fiduċja li Kristu se jifdina minn dnubietna, li l-firda bejn ġisimna u l-ispirtu tagħna se tiġi fi tmiemha iktar malajr, u li se ngħixu eternament ma’ Alla f’mod mill-iktar glorjuż.

Ittamaw fi Kristu u Aġixxu bil-Fidi

Ħuti, l-iskrittura hija mimlija eżempji tal-qawwa majestuża tas-Salvatur u tal-ħniena kompassjonali u l-grazzja tiegħu. Matul il-ministeru tiegħu fuq din l-art, il-barkiet tiegħu tal-fejqan niżlu fuq dawk li fdaw fih u aġixxew bil-fidi. Per eżempju, ir-raġel magħtub ħdejn l-għadira ta’ Betżata mexa meta, b’fidi, huwa għamel kif ordnalu s-Salvatur: “qum, erfa’ friexek u imxi.”26 Dawk li kienu morda u mġarrbin b’kwalunkwe mod fl-art ta’ Kotra ġew imfejqin meta “b’fehma waħda” huma “marru ’l quddiem.”27

Bl-istess mod, biex nirċievu l-barkiet meraviljużi mwegħdin lil dawk li jiġu fil-mandra ta’ Alla jeħtiġilna li nagħmlu eżatt hekk—li nagħżlu li naslu. Alma ż-Żgħir għallem, “U issa jien ngħidilkom li r-ragħaj it-tajjeb sejjer isejħilkom; u jekk tisimgħu leħnu huwa jdaħħalkom fil-mandra tiegħu.”28

Bosta snin ilu, ħabib kbir tiegħi miet bil-kanċer. Meta martu, Sharon, kitbitli l-ewwel darba dwar id-dijanosi, hija qalet, “Aħna Nagħżlu l-Fidi. Il-fidi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Il-fidi fil-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet, u fidi li Hu jaf il-ħtiġijiet tagħna u jwettaq il-wegħdiet tiegħu.”29

Jien iltqajt ma’ ħafna Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħal Sharon li jħossu l-paċi interna fil-kenn tal-mandra ta’ Alla, speċjalment meta jesperjenzaw it-tentazzjoni, l-oppożizzjoni, jew l-avversità.30 Huma għażlu li jkollhom il-fidi f’Ġesù Kristu u li jimxu wara l-profeta tiegħu. L-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, għallem, “Kull ħaġa tajba fil-ħajja—kull barka potenzjali ta’ sinifikat etern—tibda bil-fidi.”31

Ejjew Bi Ħġarkom fil-Mandra ta’ Alla

Il-buż-buż-bużnannu tiegħi James Sawyer Holman wasal Utah fl-1847, imma ma kienx fost dawk li waslu f’Lulju ma’ Brigham Young. Wasal iktar tard dik is-sena u, skont ir-rekords tal-familja, kien responsabbli li jġib in-nagħaġ. Qabel Ottubru ma rnexxilux jasal sal-Wied ta’ Salt Lake, imma hu u n-nagħaġ tiegħu fl-aħħar waslu.32

Biex nitkellmu b’mod figurattiv, uħud minna għadhom fil-pjanuri. Mhux kulħadd jasal mal-ewwel grupp. Għeżież ħbieb tiegħi, nitlobkom tkomplu l-vjaġġ—u għinu lill-oħrajn—biex taslu b’ruħkom u ġisimkom fil-mandra ta’ Alla. Il-barkiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huma bla qies għaliex huma eterni.

Jiena grat li jien membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Jiena nixhed dwar l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, u dwar il-paċi li tasal biss mingħandhom—il-paċi interna u l-barkiet misjuba fil-mandra ta’ Alla. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Bħal ħafna nies mill-Indoneżja tal-ġenerazzjoni tiegħu, Ħuna Samad għandu isem wieħed biss. Martu, Sri Katoningsih, u wliedu jużaw Samad bħala kunjomhom.

  2. Ħuna u Oħtna Samad jirraportaw li mill-inqas 44 membru mill-familja estiża tagħhom huma llum membri tal-Knisja. Ħafna oħrajn ukoll qed igawdu l-barkiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu grazzi għall-eżempju u s-servizz tagħhom.

  3. Mosiah 2:41.

  4. Ara Doctrine and Covenants 59:23.

  5. Mosiah 18:8.

  6. Ara Moroni 6:4.

  7. Ara Ġwanni 10:14; ara wkoll Gerrit W. Gong, “Ir-Ragħaj it-Tajjeb, Ħaruf ta’ Alla,” Liahona, Mejju 2019, 97–101.

  8. Isaija 49:16.

  9. Ara Alma 7:11–13.

  10. Ara Dale G. Renlund, “Infuriating Unfairness,” Liahona, Mejju 2021, 41-44.

  11. Mosiah 18:8.

  12. Ġwanni 10:16.

  13. Ġwanni 10:2-4.

  14. Ġwanni 10:9.

  15. Ara 2 Nefi 31:21; Helaman 5:9.

  16. Ara Henry B. Eyring, “The Power of Teaching Doctrine,” Liahona, Lulju 1999, 85. Meta nfittxu li nersqu lejn Kristu, jeħtiġilna naslu skont kliem Kristu, “għax hemm Alla wieħed u Ragħaj wieħed fuq id-dinja kollha” (ara 1 Nefi 13:40–41).

  17. Id-duttrina ta’ Kristu, fi kliem sempliċi, hija li n-nies kollha ta’ kullimkien jeħtiġilhom jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu, jindmu, jitgħammdu, jirċievu l-Ispirtu s-Santu, u jibqgħu jżommu sħaħ sal-aħħar, jew, kif għallem is-Salvatur 3 Nefi 11:38, “intom bl-ebda mod ma tistgħu tirtu s-saltna ta’ Alla.”

  18. Mosiah 18:9, 10.

  19. Ara Dizzjunarju Merriam Webster.com, “redeem”; ara wkoll D. Todd Christofferson, “Redemption,” Liahona, Mejju 2013, 109.

  20. Ara Alma 11:40.

  21. Ara 2 Nefi 2:8; 9:12.

  22. Doctrine and Covenants 14:7.

  23. Ara 2 Nefi 9:18.

  24. Ara 1 Nefi 4:6; Moroni 8:26.

  25. Ara Mosiah 5:-25; Alma 41:10.

  26. Ġwanni 5:8.

  27. 3 Nephi 17:9.

  28. Alma 5:60. F’ Moses 7:53, il-Messija qal ukoll, “Kull min jiġi u jidħol mix-xatba u jitla’ s’għandi ma jaqa’ qatt.”

  29. Sharon Jones, “Diagnosis,” wechoosefaith.blogspot.com, 18 ta’ Mar., 2012.

  30. Preach My Gospel jiddefinixxi “ibqa’ ssaporti sal-aħħar” kif ġej: “Li tibqa’ leali lejn l-kmandamenti ta’ Alla u tkun leali lejn l-ordinanzi tat-tempju, tad-dota u l-issiġillar, minkejja it-tentazzjoni, l-oppożizzjoni, u l-avversità matul il-ħajja kollha” ([2019], 73). Dan jissuġġerixxi li aħna se nibqgħu nesperjenzaw it-tentazzjoni, l-oppożizzjoni u l-avversità matul ħajjitna kollha.

  31. Russell M. Nelson, “Kristu Qam; Il-Fidi Fih Twarrab il-Muntanji,” Liahona, Mejju 2021, 102.

  32. Ara l-bijografiji qosra ta’ James Sawyer Holman u Naomi Roxina LeBaron Holman miktubin min-neputija tagħhom Grace H. Sainsbury li jinsabu fil-possessjoni tal-kelliem (djarju ta’ Charles C. Rich, 28 ta’ Sett, 1847, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake; Journal History of The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 21 ta’ Ġunju, 1847, 49, Librerija tal-Istorja tal-Knisja). Holman kien kaptan fil-kumpanija ta’ Charles C. Rich tal-1847.