Il-Konverżjoni hija l-Għan Tagħna
M’hemm l-ebda sostitut għall-ħin li intom tqattgħu fl-iskrittura, waqt li tisimgħu lill-Ispirtu s-Santu jitkellem direttament magħkom.
Aħna ilna għaddejjin ftit iktar minn tliet snin fuq vjaġġ flimkien bħala membri tal-Knisja tal-Mulej. Kien f’Ottubru 2018 meta l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu stednuna biex nitgħallmu dwar Ġesù Kristu billi nistudjaw l-iskrittura b’mod ġdid u li jispira, bir-riżors Come, Follow Me bħala l-gwida tagħna.
Fi kwalunkwe vjaġġ, tajjeb li kultant nieħdu pawsa biex nevalwaw il-progress tagħna u biex nassiguraw irwieħna li għadna mexjin lejn l-għan tagħna.
Il-Konverżjoni hija l-Għan Tagħna
Ikkonsidraw din id-dikjarazzjoni profonda mill-introduzzjoni ta’ Come, Follow Me:
“L-għan ta’ kull meta nitgħallmu jew ngħallmu l-evanġelju huwa biex napprofondixxu l-konverżjoni tagħna lejn il-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. …
“… It-tip ta’ tagħlim tal-evanġelju li jsaħħaħ il-fidi tagħna u jwassal għall-miraklu tal-konverżjoni ma jseħħx f’daqqa. Jestendi lil hinn mill-klassi sa ma jasal f’qalbna u f’darna. Dan jeħtieġ minna sforz konsistenti u ta’ kuljum sabiex nifhmu u ngħixu l-evanġelju. It-tagħlim tal-evanġelju li jwassal lejn il-vera konverżjoni jeħtieġ l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.”1
Dak hu l-miraklu li nfittxu—meta persuna għandha esperjenza fl-iskrittura, 2 u dik l-esperjenza hija mbierka bl-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Dawn it-tip ta’ esperjenzi huma l-ġebel prezzjuż tal-pedament għall-konverżjoni tagħna għas-Salvatur. U bħalma l-President Russell M. Nelson riċentament fakkarna, il-pedament spiritwali jeħtieġlu jiġi rinforzat kontinwament.3 Konverżjoni dejjiema hi proċess tul ħajjitna.4 Il-konverżjoni hija l-għan tagħna.
Biex ikunu l-aktar effettivi, l-esperjenzi tagħkom bl-iskrittura jridu jkunu esperjenzi li għaddejtu minnhom intom stess.5 Li taqraw jew tisimgħu dwar l-esperjenzi u l-ideat ta’ persuna oħra taf tkun ta’ għajnuna, iżda ma ġġibx magħha l-istess qawwa ta’ konverżjoni. M’hemm l-ebda sostitut għall-ħin li intom tqattgħu fl-iskrittura, waqt li tisimgħu lill-Ispirtu s-Santu jitkellem direttament magħkom.
X’Inhu Jgħallimni l-Ispirtu s-Santu?
Kull ġimgħa meta niftaħ il-kopja tiegħi tal-manwal Come, Follow Me, jien nikteb din il-mistoqsija fir-ras tal-paġna: “X’inhu jgħallimni din il-ġimgħa l-Ispirtu s-Santu waqt li naqra dawn il-kapitli?”
Hekk kif nistudja l-iskrittura, jien nixtarr dik il-mistoqsija għal darba, darbtejn, tlieta. Qatt ma jonqsu li jaslu impressjonijiet spiritwali, u jien nieħu nota tagħhom fil-manwal tiegħi.
Allura, kif inkun naf x’qed jgħallimni l-ispirtu s-Santu? Infatti, dan normalment jiġri f’modi ċkejknin u sempliċi. Xi drabi passaġġ fl-iskrittura donnu jaqbeż ’il barra mill-paġna biex jiġbidli l-attenzjoni. Drabi oħra, jien inħoss bħallikieku moħħi qed ikun imdawwal b’għarfien usa’ ta’ xi prinċipju tal-evanġelju. Inħoss ukoll l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu meta marti, Anne Marie, u jien nitkellmu dwar dak li nkunu qed naqraw. Il-perspettiva tagħna dejjem tistieden lill-Ispirtu.
Il-Profeta u l-Għid Lhudi
Din is-sena qed nistudjaw it-Testment il-Qadim—skrittura sagra li timlielna ruħna bid-dawl. Jien u naqra t-Testment il-Qadim, inħossni qisni qed inqatta’ ħin ma’ gwidi affidabbli: Adam, Eva, Ħenok, Noè, Abraham, u tant oħrajn.
Din il-ġimgħa, hekk kif konna qed nistudjaw Eżodu kapitli 7–13, aħna tgħallimna kif il-Mulej ħeles lil ulied Iżrael minn sekli ta’ jasar fl-Eġittu. Qrajna dwar id-disa’ kastigi—disa’ manifestazzjonijiet impressjonanti tal-qawwa ta’ Alla—li l-Fargħun ra b’għajnejh bla ma rattab qalbu.
Imbagħad il-Mulej qal lill-profeta tiegħu, Mosè, dwar l-għaxar kastig—u kif kull familja f’Iżrael setgħet tipprepara għalih. Bħala parti minn ritwal li kellhom jibdew isejħulu l-Għid, l-Iżraelin kellhom jissagrifikaw ħaruf raġel, wieħed bla tebgħa. Imbagħad kellhom jimmarkaw il-qafas tal-bieb ta’ djarhom bid-demm tal-ħaruf. Il-Mulej wiegħed li d-djar kollha li kienu mmarkati bl-aħmar kellhom ikunu protetti mill-kastig terribli li kien se jasal minnufih.
L-iskrittura tgħid, “U hekk għamlu wlied Iżrael … skont ma kien …ordna l-Mulej lil Mosè” (Eżodu 12:28). Hemm xi ħaġa tassew qawwija f’dik id-dikjarazzjoni sempliċi ta’ ubbidjenza.
Peress li wlied Iżrael imxew wara l-parir ta’ Mosè u aġixxew bil-fidi, huma kienu salvati mill-kastig u, iktar tard, meħlusin mill-jasar tagħhom.
Allura, x’għallimni l-Ispirtu s-Santu f’dawn il-kapitli din il-ġimgħa?
Dawn li ġejjin huma xi ftit ħsibijiet li baqgħu distinti f’moħħi:
-
Il-Mulej jaħdem permezz tal-profeta tiegħu biex jipproteġi u jsalva lill-poplu tiegħu.
-
Il-fidi u l-umiltà li timxi wara l-profeta ġiet qabel il-miraklu tal-protezzjoni u l-ħelsien.
-
Id-demm mal-qafas tal-bieb kien sinjal minn barra tal-fidi ta’ ġewwa f’Ġesù Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla.
Il-Profeta u l-Wegħdiet tal-Mulej
Jien nippressjona ruħi bix-xebh li hemm bejn il-mod li bih il-Mulej bierek lill-poplu tiegħu fil-ġrajja tat-Testment il-Qadim u l-mod li bih huwa jbierek ukoll lill-poplu tiegħu llum.
Meta l-profeta ħaj tal-Mulej, il-President Nelson, introduċiena ma’ Come, Follow Me bħala mezz ta’ kif nistudjaw l-iskrittura, huwa stedinna biex nittrasformaw id-djar tagħna f’santwarji u ċentri ta’ tagħlim tal-evanġelju.
Imbagħad huwa wegħidna erba’ barkiet speċifiċi:
-
Jum il-Mulej ikun l-għaxqa tagħkom,
-
It-tfal tagħkom ikollhom ħerqa kbira biex jitgħallmu u jgħixu t-tagħlim tas-Salvatur,
-
l-influwenza tal-avversarju fil-ħajja tagħkom u fid-dar tagħkom tonqos, u
-
Dan it-tibdil li jseħħ fil-familja tagħkom ikun wieħed drammatiku u li jsostnikom.6
Il-biċċa hi li m’għandniex rikordji ta’ djarji mingħand dawk li esperjenzaw l-Għid Lhudi ma’ Mosè fl-Eġittu. Madanakollu, għandna bosta testimonjanzi ta’ Qaddisin li, bl-istess livell ta’ fidi, illum qed jimxu wara l-parir tal-President Nelson u jirċievu l-barkiet imwiegħda.
Hawn huma ftit minn dawn it-testimonjanzi:
Omm ta’ familja żagħżugħa qalet: “Aħna nitkellmu dwar Kristu u nifirħu fi Kristu fid-dar tagħna. Għalija, dik hi l-ikbar barka—li wliedi jistgħu jikbru f’dar b’dawn il-konverżazzjonijiet dwar l-evanġelju li jressquhom eqreb lejn is-Salvatur.”7
Membru anzjan ddeskriva l-istudju tiegħu tal-iskrittura permezz ta’ Come, Follow Me “kondjuwit mimli dawl divin li jgħinna naraw id-duttrina tal-evanġelju li hija meħtieġa għall-benesseri spiritwali tagħna.”8
Mara żagħżugħa miżżewġa ddeskriviet il-barkiet fiż-żwieġ tagħha: “Sirt kapaċi nsir naf qalb żewġi iktar fil-fond, u sirt kapaċi niftaħ qalbi iżjed miegħu hekk kif nistudjaw flimkien.”9
Omm ta’ familja kbira osservat kif l-isforzi tagħha biex tgħallem il-familja tagħha inbidlu. Osservat: “Meta nħares lura, ninduna li qabel kont qisni xi ħadd idoqq il-pjanu bl-ingwanti tal-borra f’idejh. Il-movimenti kienu tajbin, imma l-mużika ma kinitx. Issa l-ingwanti telqu, u għalkemm il-mużika għadha mhux perfetta, id-differenza qed nismagħha. Come, Follow Me tagħni viżjoni, ħila, konċentrazzjoni, u għan.”10
Raġel żagħżugħ miżżewweġ qal: “Il-prijoritajiet l-iktar importanti fid-dar saru iktar ċari minn mindu għamilt Come, Follow Me parti regolari ta’ dak li nagħmel filgħodu. L-istudju jwassalni biex naħseb iżjed dwar l-affarjiet li huma l-iktar importanti għalija, bħat-tempju, ir-relazzjoni tiegħi ma’ marti, u s-sejħa tiegħi. Jien inħossni grat li dari hija santwarju fejn Alla jiġi l-ewwel.”11
Sister oħra qasmet dan magħna: “L-esperjenzi tiegħi ta’ kuljum b’Come, Follow Me huma rarament ta’ min jitkellem dwarhom, iżda biż-żmien qed nara kif qed ninbidel b’dan l-istudju tal-iskrittura tant kostanti u kkonċentrat. Dak it-tip ta’ studju jagħmilni umli, jgħallimni, u jibdilni ftit ftit.”12
Missjunarju, ftit wara li rritorna, irraporta: “Il-programm Come, Follow Me ġabni eqreb għal-livell ta’ studju tal-evanġelju li jien għamilt matul il-missjoni tiegħi, u sirt kapaċi ngħaddi minn mentalità mekkanika tal-istudju tal-iskrittura għal sessjonijiet tabilħaqq rikki dwar kif nista’ nsir naf lil Alla.”13
Ħuna ieħor qal: “Inħoss l-Ispirtu s-Santu iktar milqugħ f’ħajti u nħoss il-gwida rivelatorja ta’ Alla meta niġi biex nieħu deċiżjonijiet. Għandi konverżazzjonijiet iktar profondi rigward il-ġmiel tad-duttrina sempliċi ta’ Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu.”14
Tifel ta’ seba’ snin qasam dan li ġej: “Jien dalwaqt se nitgħammed, u Come, Follow Me qed jippreparani. Il-familja u jien nitkellmu dwar il-magħmudija, u issa miniex inħossni anzjuż li se nitgħammed. Come, Follow Me jgħin biex l-Ispirtu s-Santu jiġi f’qalbi, u nħoss fija spirtu ta’ mħabba meta naqra l-iskrittura.”15
U fl-aħħar, mingħand omm ta’ sebat itfal: “Hekk kif nistudjaw il-kelma ta’ Alla, Huwa għen lill-familja tiegħi timxi mit-tħassib għall-qawwa; mill-prova u l-isfida għall-ħelsien; mit-tilwim u l-kritika għall-imħabba u l-paċi; u mill-influwenza tal-avversarju għall-influwenza ta’ Alla.”16
Dawn id-dixxipli fidili ta’ Kristu, u ħafna bħalhom, simbolikament qiegħdu d-demm tal-Ħaruf ta’ Alla fl-entratura tad-dar tagħhom. Qed juru l-impenn ġewwieni tagħhom li jimxu wara s-Salvatur. Il-fidi tagħhom tiġi qabel il-miraklu. Huwa l-miraklu ta’ persuna waħda li jkollha esperjenza tal-iskrittura u dik l-esperjenza tiġi mbierka bl-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.
Meta nistudjaw l-iskrittura, m’hemm l-ebda ġuħ spiritwali fl-art. Kif qal Nefi, “Dawk kollha li jagħtu kas tal-kelma ta’ Alla, u jżommu sod magħha, qatt ma jinqerdu; lanqas it-tentazzjoni u l-vleġeġ kollha nar tal-avversarju ma jwassluhom biex jagħmew, sabiex iwassluhom għall-qerda” (1 Nefi 15:24).
Fi żminijiet il-qedem, hekk kif ulied Iżrael imxew fuq id-direzzjoni tal-Mulej mogħtija permezz tal-profeta Mosè, huma kienu mberkin b’sigurtà u ħelsien. Illum, hekk kif nimxu fuq id-direzzjoni tal-Mulej mogħtija permezz tal-profeta ħaj tagħna, il-President Nelson, aħna daqstant ieħor aħna mberkin bil-konverżjoni fi qlubna u l-protezzjoni fi djarna.
Jiena nixhed li Ġesù Kristu jgħix. Din hija l-Knisja tiegħu, irrestawrata permezz tal-Profeta Joseph Smith. Il-President Russell M. Nelson huwa l-Profeta ħaj tal-Mulej. Jiena nħobbu u nsostnih. F’isem Ġesù Kristu, amen.