Is-Servizz Missjunarju Bierek Ħajti Għal Dejjem
Nitlob li intom il-ġuvintur u t-tfajliet u l-ġenituri tagħkom tkunu tistgħu tagħrfu u tifhmu kif is-servizz missjunarju jista’ jbierek ħajjitkom għal dejjem.
Grazzi, President Nelson, tal-parir li erġajt qsamt magħna dwar is-servizz missjunarju.
Ħuti, bosta snin ilu waqt li kont qed nitkellem fil-konferenza ġenerali, f’daqqa waħda ħassejtni ma nistax nara sew minn għajnejja x-xellugija riżultat tal-hekk imsejħa deġenerazzjoni makulari, fejn sussegwentement spiċċajt mort għal agħar b’viżjoni vera baxxa f’dik l-għajn.
Hekk kif bdejt niffaċċja dik l-isfida, ħassejtni aktar grat għal tipi oħra ta’ viżjoni, fosthom viżjoni ta’ dak li ġara fil-passat. Hekk kif bdejt inħares lura lejn ħajti, stajt nara ċerti esperjenzi li għamlu differenza sinifikanti. Waħda minn dawk l-esperjenzi hi kif is-servizz missjunarju full-time tiegħi bħala żagħżugħ fl-Ingilterra berikli ħajti u fassalli d-destin spiritwali tiegħi.
Bdejt nirrifletti kif l-isfidi ekonomiċi marbutin mad-Dipressjoni l-Kbira fis-snin tletin wasslu biex is-sitwazzjoni għall-ġenituri tiegħi u għall-familja tagħna inbidlet għall-agħar. Missieri tant spiċċa okkupat biex isalva n-negozju tal-karozzi tiegħu u biex jgħin lill-familja f’dak il-perjodu diffiċli li għal xi żmien il-ġenituri tiegħi ma bdewx jattendu l-knisja.
Minkejja li ma konniex nattendu s-servizzi tal-knisja bħala familja, dan ma żammnix milli xi kultant nattendi ma’ sħabi.
F’dawk iż-żminijiet, li mmur missjoni kienet xi ħaġa li kienet f’moħħi, iżda ma kenitx xi ħaġa li kont nitkellem dwarha mal-ġenituri tiegħi.
Waqt li kont qed nattendi l-università, jien u bosta minn sħabi ddeċidejna li nservu missjoni. Wara li ltqajt mal-isqof tiegħi, jien imlejt l-applikazzjoni tiegħi għall-missjoni waqt li l-ġenituri tiegħi kienu ’l bogħod mill-belt. Meta l-ġenituri tiegħi reġgħu lura, jien tajthom sorpriża bl-aħbar li kont ġejt imsejjaħ biex inservi fil-Gran Brittanja. Jiena grat talli ssapportjawni b’entużjażmu f’did-deċiżjoni, u għal ħbieb twajbin li għenuni niddeċiedi li nservi.
Is-servizz missjunarju tiegħi ħejjieni biex inkun raġel miżżewweġ u missier aħjar u biex nirnexxi fin-negozju. Ħejjieni wkoll għal ħajja ta’ servizz għall-Mulej fil-Knisja tiegħu.
Fil-konferenza ġenerali ta’ April 1985, kont ġejt mitlub nitkellem fis-sessjoni tas-saċerdozju. Jien indirizzajt id-diskors tiegħi lill-ġuvintur. Tkellimt dwar it-tħejjija biex isservi bħala missjunarju. Jien għidt, “Fost it-taħriġ kollu li rċevejt fl-assenjazzjonijiet tiegħi fil-Knisja, xejn ma kien aktar importanti għalija mit-taħriġ li rċevejt bħala presbiteru ta’ dsatax-il sena waqt li servejt missjoni full-time.”1
Il-Mulej jafkom. Meta tkunu qed isservu l-missjoni tagħkom, intom ikollkom esperjenzi li jgħinukom issiru tafuh aħjar. Intom tikbru spiritwalment meta sservuh. F’ismu, intom tintbagħatu fuq ħidma biex isservu lil ħaddieħor. Hu jagħtikom ċerti esperjenzi permezz tas-suġġerimenti mingħand l-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej jawtorizzakom biex tgħallmu f’ismu. Intom tistgħu turuh li Hu jista’ jafdakom u jiddependi fuqkom.
Għaddew biss ħames xhur minn meta l-Presbiteru Jeffrey R. Holland u l-Presbiteru Quentin L. Cook, li servew ukoll bħala missjunarji fil-Gżejjer Brittaniċi, ingħaqdu miegħi meta morna nżuru lill-membri u l-missjunarji f’dik l-art meraviljuża. Waqt li konna hemm, jien bdejt nirrifletti dwar l-esperjenzi tiegħi bħala missjunarju żagħżugħ. Nixhed li kien waqt il-missjoni tiegħi li jien sirt naf li Missieri fis-Smewwiet u s-Salvatur tiegħi Ġesù Kristu jafuni u jħobbuni.
Kont imbierek li kelli żewġ presidenti tal-missjoni mill-aktar meraviljużi, Selvoy J. Boyer u Stayner Richards, flimkien mal-kumpanji ddedikati tagħhom Gladys Boyer u Jane Richards. Meta nħares lura, nara b’aktar ċarezza li huma kienu jafdaw fija u jħobbuni. Huma għallmuni l-evanġelju. Huma stennew ħafna minni. Tawni bosta assenjazzjonijiet diffiċli u responsabbiltajiet ta’ tmexxija biex jgħinuni nikber u nitħejja għal ħajja ta’ servizz.
Bdejt nirrifletti wkoll meta ġejt imsejjaħ mill-President Spencer W. Kimball biex nippresedi fuq il-Missjoni ta’ Toronto, il-Kanada, flimkien mal-għażiża marti, Barbara, u b’uliedna magħna. Il-President Kimball sejħilna biex inservu f’April 1974, ftit wara li kien ta l-messaġġ missjunarju mill-aktar ispirat bl-isem ta’ “Meta d-Dinja Tikkonverti.”2 F’dak il-messaġġ il-President Kimball spjega l-viżjoni tiegħu dwar kif l-evanġelju kien se jittieħed madwar id-dinja kollha. Hu talab biex ikun hemm ferm aktar missjunarji minn madwar id-dinja. Hu fakkarna li l-Mulej kien jistenna “li kull raġel għandu … isemma’ l-leħen tat-twissija mal-abitanti tad-dinja.”3 It-tagħlim tal-President Kimball dwar l-istennija li l-ġuvintur iservu missjoni saret suġġett ta’ konverżazzjoni fid-djar madwar id-dinja. Dik l-istennija għadha ma nbidlitx. Jiena grat li dalgħodu l-President Russell M. Nelson irriafferma wkoll l-istennija tal-Mulej.
Ilu kważi 10 snin minn meta l-President Thomas S. Monson ħabbar li l-età biex il-ġuvintur u t-tfajliet iservu missjoni kienet se tonqos.4 Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni ewlenija għal dil-bidla kienet biex aktar fost iż-żgħażagħ tagħna jingħataw l-opportunità li tibdlilhom ħajjithom, li jservu bħala missjunarji.
Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, issa nsejjaħ lilkom il-ġuvintur—u lilkom it-tfajliet li tixtiequ sservu missjoni—biex tibdew minn issa titkellmu mal-ġenituri tagħkom dwar li sservu missjoni. Nistedinkom ukoll biex titkellmu ma’ sħabkom dwar li sservu missjoni, u jekk xi ħadd minn sħabkom mhux ċert jekk għandux iservi, ħeġġuh biex jitkellem mal-isqof tiegħu.
Ikkommettu ruħkom magħkom infuskom u ma’ Missierkom fis-Smewwiet li intom se sservu missjoni u li minn issa ’l hemm se tagħmlu li tistgħu biex iżżommu qlubkom, idejkom, u moħħkom indaf u denji. Nistedinkom biex tiksbu testimonjanza b’saħħitha tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.
Intom il-missirijiet u l-ommijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ meraviljużi, intom għandkom irwol importanti ħafna f’dan il-proċess ta’ tħejjija. Ibdew illum tkellmu ma’ wliedkom dwar is-servizz missjunarju. Nafu li l-familja hija l-aktar influwenza profonda li tgħin lil dawn il-ġuvintur u t-tfajliet jitħejjew.
Jekk intom għadkom fl-età tas-servizz missjunarju iżda għadkom ma servejtux minħabba l-pandemija jew xi raġunijiet oħra, nistedinkom biex isservu issa. Tkellmu mal-isqof tagħkom, u tħejjew biex isservu lill-Mulej.
Inħeġġeġ lilkom l-isqfijiet biex tgħinu lill-ġuvintur u t-tfajliet kollha li jinsabu qrib l-età tal-missjoni biex jitħejjew biex iservu; u nħeġġeġ ukoll lilkom l-isqfijiet biex tidentifikaw lil dawk li huma kbar biżżejjed iżda għadhom ma servewx. Stiednu lil kull ġuvni biex isir missjunarju, kif ukoll lill kull tfajla li tixtieq isservi.
Lill-missjunarju li qed iservu bħalissa, nirringrazzjawkom. Il-missjoni tagħkom seħħet waqt pandemija dinjija. B’riżultat ta’ dan, l-esperjenza tagħkom fil-missjoni kienet differenti mill-esperjenza tiegħi fil-missjoni jew l-esperjenza ta’ kull missjunarju li serva qabel l-2020. Naf li ma kenitx ħaġa faċli. Iżda anke waqt dawn iż-żminijiet diffiċli, il-Mulej kellu ħidma għalikom xi twettqu, u intom wettaqtuha b’mod meraviljuż. Per eżempju, intom użajtu t-teknoloġija b’modi ġodda biex issibu lil dawk li huma lesti jitgħallmu dwar ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif servejtu b’diliġenza u skont l-abbiltajiet tagħkom, naf li l-Mulej jinsab kuntent fl-isforz tagħkom. Naf li s-servizz tagħkom se jbierek ħajjitkom.
Meta intom tiġu eżonerati mill-missjoni tagħkom, ftakru li intom ma tkunux qed tiġu eżonerati mill-attività tagħkom fil-Knisja. Ibnu fuq id-drawwiet tajba li tgħallimtu fil-missjoni tagħkom, komplu saħħu t-testimonjanza tagħkom, aħdmu iebes, itolbu, u kunu ubbidjenti lejn il-Mulej. Onoraw il-patti li għamiltu. Komplu bierku u aqdu lil ħaddieħor.
Nitlob li intom il-ġuvintur u t-tfajliet u l-ġenituri tagħkom tkunu tistgħu tagħrfu u tifhmu kif is-servizz missjunarju jista’ jbierek ħajjitkom għal dejjem. Jalla tkunu tafu f’moħħkom u tħossu f’qalbkom il-qawwa tal-istedina li l-Mulej għamel lill-ulied Mosija, missjunarji mill-aktar kbar. Huwa qal, “Morru … u stabbilixxu kelmti; madankollu għandkom turu s-sabar fit-tbatija, ħalli tkunu tistgħu tagħtu eżempji tajba … fija, u jiena nagħmilkom strument f’idejja għas-salvazzjoni ta’ bosta erwieħ.”5
Nitlob b’umlità li Alla jbierek liż-żgħażagħ tal-Knisja bix-xewqa li jitħejjew u jservuh, liema talba jiena noffri dalgħodu fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kistu, ammen.