Konferenza Ġenerali
Bidla Setgħana fil-Qalb: M’Għandi Xejn Aktar x’Nagħtik
konferenza ġenerali April 2022


Bidla Setgħana fil-Qalb

“M’Għandi Xejn Aktar x’Nagħtik”

Din il-bidla setgħana f’qalbna mhijiex xi avveniment; biex isseħħ teħtieġ il-fidi, l-indiema, u ħidma spiritwali kostanti.

Introduzzjoni

Fil-jum tal-Ġimgħa, 28 ta’ Ottubru, 1588, wara li tilef it-tmun tiegħu fejn spiċċa mmexxi biss permezz tal-qaddiefa, il-ġifen La Girona, tal-kbira Armada Spanjola, inkalja mal-blat fil-Ponta ta’ Lacana fl-Irlanda ta’ Fuq.1

Il-ġifen spiċċa nqaleb. Wieħed min-nies maqbuda fih li kien qed jipprova jsalva ħajtu kien liebes ċurkett tad-deheb mogħti lilu ftit xhur qabel minn martu bl-iskrizzjoni, “M’għandi xejn aktar x’nagħtik.”2

“M’għandi xejn aktar x’nagħtik,”—frażi, u ċurkett b’disinn ta’ id qed iżżomm qalb, espressjoni ta’ mħabba minn waħda mara għal żewġha.

Konnessjoni mal-Iskrittura

Meta qrajt din l-istorja, ħalliet impressjoni qawwija fuqi, u bdejt nikkontempla dwar dak li talab minna s-Salvatur: “U bħala sagrifiċċju għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu niedem.”3

Bdejt nikkontempla wkoll dwar ir-reazzjoni tal-poplu għal kliem is-Sultan Benjamin: “Iva, aħna nemmnu l-kliem kollu li int għidtilna …, li ġab bidla setgħana ġewwa fina, jew f’qalbna, tant li aħna m’għandna l-ebda dispożizzjoni aktar li nagħmlu l-ħażen, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament.”4

Konnessjoni Personali

Ippermettuli naqsam magħkom esperjenza li kelli meta kelli 12-il sena, li l-effett tagħha għadu jinħass sal-lum.

Ommi qaltli, “Eduardo, għaġġel. Qegħdin tard għal-laqgħat tal-Knisja.”

“Mà, illum se nibqa’ ma’ missieri,” weġibtha.

“Ċert minn dan? Jeħtieġ tattenti l-laqgħa tal-kworum tas-saċerdozju tiegħek,” qaltli.

Jien weġibtha, “Jaħasra missieri! Se nispiċċaw inħalluh waħdu. Illum jien se nibqa’ miegħu.”

Missieri ma kienx membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Ommi u ħuti l-bniet marru għal-laqgħat tal-Ħadd. Għalhekk, jien mort niltaqa’ ma’ missieri fil-workshop tiegħu, fejn kien jieħu gost iqatta’ l-Ħdud, u kif għidt lil ommi, għaddejt ftit minuti miegħu u mbagħad staqsejtu, “Pà, kollox sew?”

Hu baqa’ għaddej bil-passatemp tiegħu jsewwi r-radjijiet u l-arloġġi, u sempliċiment tbissimli.

Imbagħad għidtlu, “Jien sejjer nilgħab ma’ sħabi.”

Missieri, mingħajr ma refa’ ħarstu ’l fuq qalli, “Illum il-Ħadd. Inti mhux suppost mort il-knisja?”

“Iva, iżda llum għidt lil ommi li mhux sejjer,” weġibtu jien. Missieri kompla għaddej b’xogħlu, u għalija, kien ifisser li stajt immur.

Dik l-għodwa kien hemm logħba futbol importanti, u sħabi kienu qaluli li ma stajtx nitlifha għax kien jeħtieġ li nirbħu dik il-logħba.

L-isfida tiegħi kienet li kelli bżonn ngħaddi minn quddiem il-kappella biex nasal sal-grawnd tal-futbol.

Determinat, imxejt b’pass mgħaġġel lejn il-grawnd tal-futbol u waqaft ftit qabel l-ostaklu l-kbir, il-kappella. Ġrejt lejn il-bankina tan-naħa l-oħra fejn kien hemm ftit siġar kbar, u ddeċidejt li nitlaq niġri bejniethom ħalli ma jkun jista’ jarani ħadd peress li kien il-ħin li fih il-membri jibdew jaslu għal-laqgħat.

Wasalt eżatt fil-ħin li kienet se tibda l-logħba. Irnexxieli nilgħab u nidħol id-dar qabel ma ommi waslet id-dar.

Kollox mar ħarir; it-tìm tagħna rebaħ, u jien ħassejtni mill-aktar ferħan. Iżda dik il-ġirja tajba lejn il-grawnd spiċċat biex raha l-konsulent tal-kworum tad-djakni.

Brother Félix Espinoza kien rani niġri minn siġra għall-oħra, nipprova ħalli ma jarani ħadd.

Fil-bidu tal-ġimgħa, Brother Espinoza ġie d-dar tagħna u xtaq ikellimni. Hu ma qal xejn dwar dak li kien ra fil-jum tal-Ħadd, u lanqas ma staqsieni għalfejn ma kontx mort għall-laqgħa tiegħi.

Hu sempliċiment tani manwal u qalli: “Nixtieqek tgħallem il-klassi tas-saċerdozju nhar il-Ħadd. Immarkajtlek liema hi l-lezzjoni. Mhijiex diffiċli. Nixtieqek taqraha, u jumejn oħra nerġa’ ngħaddi biex ngħinek tħejji l-lezzjoni.” Wara li qalli dan, hu tani l-manwal u telaq.

Jien ma ridtx ngħallem il-lezzjoni, iżda bdejt insibha diffiċli ngħidu le. Il-Ħadd ta’ wara kont ippjanajt biex nerġa’ nibqa’ ma’ missieri—jiġifieri, kien hemm logħba oħra futbol importanti.

Brother Espinoza kien persuna li ż-żgħażagħ konna nammirawh.5 Hu kien sab l-evanġelju rrestawrat li wassal għal bidla f’ħajtu jew, fi kliem ieħor, f’qalbu.

Meta wasal is-Sibt wara nofsinhar, bdejt naħseb “Mela, forsi l-għada nqum ma niflaħx, u ma jkollix għalfejn immur knisja.” Ma kenitx aktar il-logħba futbol li kienet qed tinkwetani; kienet il-lezzjoni li kelli ngħallem, speċjalment lezzjoni dwar jum il-Mulej.

Il-Ħadd wasal, u qomt b’saħħa aktar mis-soltu. Ma kelli l-ebda skuża—l-ebda triq oħra.

Kienet l-ewwel darba li kont se ngħallem lezzjoni, iżda Brother Espinoza kien jinsab hemm ħdejja, u dak kien il-jum li seħħet fija bidla setgħana f’qalbi.

Minn dak il-mument ’il quddiem, jien bdejt inqaddes jum il-Mulej, u maż-żmien, fi kliem il-President Russell M. Nelson, jum il-Mulej sar l-għaxqa tiegħi.6

“Mulej, nagħtik kulma għandi; m’għandi xejn aktar x’nagħtik.”

Kisba

Kif nistgħu niksbu dik il-bidla setgħana f’qalbna? Jeħtieġ daqsxejn ta’ sforz u eventwalment isseħħ.

  1. meta nistudjaw l-iskrittura biex niksbu l-għarfien li jsaħħaħ il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu li joħloq fina x-xewqa li ninbidlu;7

  2. meta nikkultivaw dik ix-xewqa permezz tat-talb u s-sawm;8

  3. meta naġixxu, skont il-kelma li nkunu studjajna jew ksibna, u meta nagħmlu patt li noffru qalbna lilu, kif għamel il-poplu tas-Sultan Benjamin.9

Għarfien u Patt

Kif inkunu nafu li qed isseħħ bidla f’qalbna?10

  1. Meta nkunu rridu nogħġbu lil Alla f’kollox.11

  2. Meta nittrattaw lil ħaddieħor b’imħabba, b’rispett, u b’konsiderazzjoni.12

  3. Meta naraw li l-kwalitajiet ta’ Kristu qed isiru parti mill-karattru tagħna.13

  4. Meta nħossu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu aktar ta’ spiss.14

  5. Meta nħarsu xi kmandament li kien diffiċli għalina li nobdu u mbagħad nibqgħu ngħixuh.15

Meta nisimgħu bir-reqqa l-parir tal-mexxejja tagħna u b’ferħ niddeċiedu li nimxu warajh, ma nkunux aħna esperjenzajna bidla setgħana f’qalbna?

“Mulej, nagħtik kulma għandi; m’għandi xejn aktar x’nagħtik.”

Manutenzjoni u Benefiċċji

Kif nistgħu nieħdu ħsieb il-bidla setgħana f’qalbna?

  1. Meta kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament u nġeddu l-patt li nieħdu fuqna isem Kristu, dejjem niftakru fih, u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.16

  2. Meta ndawru ħajjitna lejn it-tempju.17 L-attendenza regolari fit-tempju tgħinna nieħdu ħsieb qalb ġdida u mġedda hekk kif nipparteċipaw fl-ordinanzi.

  3. Meta nħobbu u naqdu lil għajrna permezz ta’ attivitajiet tal-ministeru u ħidma missjunarja.18

Imbagħad b’ferħ kbir għalina, dik il-bidla ġewwa fina tissaħħaħ u tinfirex sakemm issarraf f’għemejjel tajba.19

Din il-bidla setgħana f’qalbna ġġibilna sentiment ta’ libertà, fiduċja, u paċi.20

Din il-bidla setgħana f’qalbna mhijiex xi avveniment; biex isseħħ teħtieġ il-fidi, l-indiema, u ħidma spiritwali kostanti. Tibda meta aħna nuru x-xewqa li nissottomettu r-rieda tagħna lejn il-Mulej, u timmaterjalizza ruħha meta nidħlu f’patti miegħu u nħarsuhom.

Dik l-azzjoni individwali tħalli effett pożittiv kemm fuqna kif ukoll fuq in-nies ta’ madwarna.

Fi kliem il-President Russell M. Nelson, “Immaġinaw kemm jiġu solvuti malajr il-kunflitti devastanti madwar id-dinja—u dawk fil-ħajja individwali tagħna—jekk aħna lkoll nagħżlu li nimxu wara Ġesù Kristu u nagħtu widen għat-tagħlim tiegħu.”21 Dan l-azzjoni li nimxu wara t-tagħlim tas-Salvatur twassal għal bidla setgħana f’qalbna.

Għeżież ħuti, żgħażagħ, u tfal, hekk kif f’din tmiem il-ġimgħa nieħdu sehem fil-konferenza, ejjew inħallu kliem il-profeti tagħna, li jkun ġej mill-Mulej, jidħol f’qalbna biex nesperjenzaw fina bidla setgħana.

Għal dawk li għandhom ma ngħaqdux mal-knisja rrestawrata tal-Mulej, nistedinkom biex tisimgħu lill-missjunarji b’xewqa sinċiera li tkunu tafu x’jistenna minnkom Alla u tesperjenzaw fikom dik it-trasformazzjoni.22

Illum hu l-jum li fih niddeċiedu li nimxu wara l-Mulej Ġesù Kristu. “Mulej, nagħtik kulma għandi; m’għandi xejn aktar x’nagħtik.”

Hekk kif iċ-ċurkett ġie rkuprat minn dak in-nawfraġju, meta noffru qalbna lil Alla, aħna niġu salvati mill-ibħra qliel ta’ din il-ħajja, u fil-proċess, niġu rraffinati, u ppurifikati permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu u nsiru “ulied Kristu” għax inkunu spiritwalment “imwelldin minnu.”23 Ta’ dan jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, amen.