Konferenza Ġenerali
Agħmlu Dak Li Hu l-Iktar Importanti
konferenza ġenerali April 2022


Agħmlu Dak Li Hu l-Iktar Importanti

Hekk kif niċċentraw ħajjitna fuq Ġesù Kristu, aħna nitbierku b’qawwa spiritwali, kuntentizza, u hena.

Xi żmien ilu, ħabiba tiegħi tal-qalb ħasset li kellha tmur iżżur waħda mara fil-qasam tagħha. Injorant is-suġġeriment għax bilkemm kienet tafha—dan ma kien jagħmel l-ebda sens. Iżda peress li l-ħsieb baqa’ jirritorna f’moħħha, iddeċidiet li taġixxi fuq is-suġġeriment. Minħabba li kienet diġà qed tħossha skomda b’din iż-żjara imminenti, hija ddeċidiet li jekk tieħu xi ħaġa lil din l-oħt kien jgħinna tħossha anqas anzjuża. Ovvjament, ma setgħetx tmur idha f’idha! Għalhekk xtratilha ġelat kbir u telqet biex tibda dik li, fl-inkwiet tagħha, kienet qed timmaġina li se tkun żjara stramba.

Ħabbtet il-bieb tad-dar tal-mara, u wara ftit l-oħt fetħitilha. Il-ħabiba tiegħi newlitilha l-ġelat f’baskett tal-karti, u t-taħdita bdiet. Il-ħabiba tiegħi ma tantx damet biex intebħet għalfejn iż-żjara kienet meħtieġa. Kif kienu bilqiegħda fuq il-loġġa ta’ barra, il-mara kixfet għadd kbir ta’ sfidi li kienet qed isseffaq wiċċha magħhom. Wara siegħa jitkellmu fit-temp sħun tas-sajf, il-ħabiba tiegħi intebħet li l-ġelat kien qed idub fl-basket tal-karti.

“Jiddispjaċini ħafna li l-ġelat tiegħek dablek!” qaltilha.

Il-mara weġbitha bil-ħlewwa, “Ma ġara xejn! Jiena intolleranti għal-lattożju!”

F’ħolma, il-Mulej kellem lill-profeta Leħi, “Imbierek int, Leħi, minħabba l-ħwejjeġ li inti għamilt.”1

Li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu ma jfissirx biss li tittama jew li temmen. Jeħtieġ ukoll sforz, moviment, u impenn. Jeħtieġ li aħna nagħmlu xi ħaġa, u nkunu “dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux dawk li jisimgħuha biss.”2

Fil-każ tal-ġelat li dab, x’kien l-iktar importanti? Il-ġelat? Jew li l-ħabiba tiegħi sempliċiment għamlet xi ħaġa?

Kelli esperjenza ħelwa ma’ żagħżugħa għażiża li staqsiet mistoqsija sinċiera ħafna: “Sister Craven, kif taf li kwalunkwe ħaġa dwar il-Knisja hija vera? Għaliex jien ma nħossx xejn.”

Qabel ma qbiżt bir-risposta, l-ewwel li għamilt kien li nistaqsiha xi mistoqsijiet. “Kellimni dwar l-istudju personali tiegħek tal-iskrittura.”

“Jien ma naqrahiex l-iskrittura,” weġbitni.

Jien staqsejtha, “U xi tgħidli dwar il-familja tiegħek? Tistudjaw Come, Follow Me flimkien?”

“Le,” weġbitni.

Staqsejtha dwar it-talb tagħha, “Xi tħoss meta titlob?”

U t-tweġiba tagħha, “Ma nitlobx.”

It-tweġiba tiegħi kienet sempliċi, “Jekk trid taf xi ħaġa, se jkollok tagħmel xi ħaġa.”

Dan mhuwiex minnu għal kull ħaġa li rridu nitgħallmu jew nifhmu? Jien stedint lil din il-ħabiba ġdida tiegħi biex tibda tagħmel l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu: titlob, tistudja, isservi oħrajn, u tafda fil-Mulej. Il-konverżjoni mhix se tasal jekk m’inti tagħmel xejn. Tasal permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hekk kif aħna nagħmlu sforz intenzjonali billi nistaqsu, infittxu, u nħabbtu. Tasal billi nagħmlu.3

Fid-Duttrina u Patti, il-Mulej okkażjonalment jgħid, “Mhux importanti.”4 Dan iġegħilni naħseb li jekk xi affarjiet mhumiex importanti, jew huma inqas importanti, hemm affarjiet li huma l-iktar importanti. Fl-isforzi tagħna biex nagħmlu xi ħaġa, jew nagħmlu kwalunkwe ħaġa, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, “X’inhu l-iktar importanti?”

In-nies tar-riklami spiss jużaw slogans bħal “Essenzjali” jew “Tridha Bilfors” bit-tama li jħajruna nemmnu li l-prodott li qed ibigħu huwa neċessarju għall-kuntentizza jew il-benesseri tagħna. Iżda dak li qed ibigħu huwa tassew essenzjali? Jeħtiġilna tassew ikollna bħalu? Huwa tassew importanti?

Dawn huma xi ħsibijiet li tistgħu tikkunsidraw: X’inhu l-iktar importanti?

  • Kemm naqilgħu “likes” fuq il-midja soċjali? Jew kemm aħna maħbubin u stmati minn Missierna fis-Smewwiet?

  • Li nilbsu ħwejjeġ tal-moda? Jew li nuru rispett lil ġisimna billi nilbsu modestament?

  • Li nsibu tweġibiet billi nagħmlu tfittxija fuq l-internet? Jew li nirċievu tweġibiet mingħand Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu?

  • Li rridu iktar? Jew li nikkuntentaw b’dak li ngħatajna?

Il-President Russell M. Nelson jgħallem:

“Bl-Ispirtu s-Santu bħala l-kumpann tagħkom, tistgħu taraw oltre mill-kultura taċ-ċelebritajiet li laqtet lis-soċjetà tagħna. Tistgħu tkunu ħafna iktar għaqlin minn ġenerazzjoniet preċedenti. …

Oħolqu standard għall-bqija tad-dinja!”5

Jeħtieġ sforz biex tibqgħu kkonċentrati fuq dak li hu tassew essenzjali għal hena dejjiema. Xejn ma jogħgob iktar lil Satana minn li aħna nispostjaw l-valuri eterni tagħna, u hekk nispiċċaw nitilfu żmien prezzjuż, talenti, u saħħa spiritwali fuq ħwejjeġ li mhumiex importanti. Jien nistieden lil kull waħda minna biex bit-talb nikkonsidraw dawk l-affarjiet li jaljenawna milli nagħmlu dak li huwa l-iktar importanti.

L-għalliema ta’ ibni meta kien fit-tielet grad għallmithom biex “ikunu l-boss ta’ moħħhom.” Hekk kienet tfakkar lill-istudenti żgħar tagħha li huma kienu fil-kontroll ta’ ħsibijiethom u għaldaqstant setgħu jikkontrollaw dak li jagħmlu. Jien infakkar lili nnifsi biex inkun “il-boss tal-moħħ tiegħi” meta nintebaħ li qed ninġarr lejn affarjiet li mhumiex importanti.

Student tal-iskola ogħla riċentament qalli li fost xi żgħażagħ tal-Knisja sar invoga li jinjoraw il-kmandamenti bil-ħsieb li mbagħad jindmu iktar tard. “Hija speċi ta’ beġġ tal-unur,” qaluli. Ċertament, il-Mulej se jkompli jaħfer lil dawk li bl-umiltà kollha jindmu “b’intenzjoni vera.”6 Iżda l-Espjazzjoni mimlija ħniena tas-Salvatur m’għandha qatt tintuża b’dan it-tip ta’ żufjett. Nafuha l-parabbola ta’ dik in-nagħġa waħdanija li ntilfet. M’għandniex xi ngħidu, ir-ragħaj se jħalli lid-99 nagħġa oħra biex isib lill-waħda li tkun tilfet it-triq. Iżda tistgħu timmaġinaw l-hena li dawk li jagħżlu li jkunu id-99 inisslu fir-Ragħaj it-Tajjeb? Dawk li jingħaqdu flimkien u jgħinu lil xulxin jgħixu l-patti? Tistgħu timmaġinaw kif tkun id-dinja, jew l-iskola tagħkom, jew il-post tax-xogħol tagħkom, jew id-dar tagħkom, kieku li tobdi tkun il-ħaġa in voga li nagħmlu? Dan m’għandux x’jaqsam ma’ li nagħmlu il-ħajja perfetta—huwa li nsibu l-hena hekk kif nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex ngħixu l-patti li għamilna mal-Mulej.

Bid-dinja tesprimi iktar dubju dwar Alla, u l-konfużjoni u l-pressjoni dejjem jikbru, dan huwa ż-żmien meta jeħtiġilna nibqgħu l-aktar qrib tal-profeta. Bħala l-vuċi tal-Mulej, nistgħu nafdaw li dak li jħeġġeġ, dak li jagħtina l-parir tiegħu li nagħmlu, u dak li jitlob mingħandna li nagħmlu huma l-iktar affarjiet importanti.

Għalkemm taf ma tkunx faċli, hemm dejjem mod kif tagħmlu l-ħaġa t-tajba. Hija u titkellem ma’ grupp ta’ ħbieb fl-iskola, mara żagħżugħa baqgħet miblugħa meta l-konverżazzjoni żviluppat fi kritika sħiħa fuq l-istandards tal-Knisja. U ntebħet li ma setgħetx tibqa’ siekta—hi bilfors kellha tagħmel xi ħaġa. B’rispett kbir, hija tkellmet dwar l-imħabba tal-Missier fis-Smewwiet u kif il-kmandamenti li tana tahomna biex ibierek u jipproteġi lil uliedu. Kien ikun ħafna iktar faċli għaliha li ma tagħmel xejn. Iżda x’kien l-iktar importanti? Li ssir parti mill-folla? Jew li tieqaf b’mod distint bħala xhud ta’ Alla “f’kull ħin u f’kollox, u kullimkien”?7

Jekk il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu se toħroġ mill-oskurità, aħna neħtieġu noħorġu mill-oskurità. Bħala nisa li nħarsu l-patti, jeħtiġilna nxerrdu d-dawl tal-evanġelju tagħna madwar id-dinja kollha billi nitjiebu u nkunu distinti. Aħna nagħmlu dan flimkien bħala ulied nisa ta’ Alla—forza ta’ 8.2 miljun mara minn 11-il sena ’l fuq li xogħolhom huwa eżattament l-istess. Aħna qed niġbru lil Iżrael hekk kif nipparteċipaw fil-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni: inħabirku biex ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, nieħdu ħsieb dawk fil-bżonn, nistiednu lil kulħadd jirċievi l-evanġelju, u ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità.8 L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa evanġelju ta’ azzjoni u evanġelju ta’ hena! Ejjew ma nissottovalutawx il-ħila tagħna li nagħmlu l-affarjiet li huma l-iktar importanti. Il-wirt divin tagħna jnisslilna kuraġġ u kunfidenza biex nagħmlu u nkunu dak kollu li Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna jaf li aħna nistgħu nkunu.

It-tema għaż-żgħażagħ għal din is-sena hi minn Proverbji 3:5–6:

“Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.

“Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”

Element essenzjali f’li nafdaw fil-Mulej huwa li nimxu ’l quddiem, hekk kif nemmnu li hu se jiggwidana anki meta ma jkollniex it-tweġibiet kollha.

Ħuti, miniex nitkellem dwar il-ġelat. U lanqas dwar li għandna nagħmlu iżjed. Li qed ngħid huwa li għandna nagħmlu dak li huwa importanti. Huwa dwar li napplikaw id-duttrina ta’ Kristu f’ħajjitna hekk kif nistinkaw biex insiru iktar bħalu.

Iktar ma naħdmu biex nibqgħu sodi fuq it-triq tal-patt, iktar tikber il-fidi tagħna. Iktar ma tikber il-fidi tagħna, iktar inkunu nixtiequ li nindmu. U iktar ma nindmu, iktar insaħħu ir-relazzjoni tal-patt tagħna ma’ Alla. Dik ir-relazzjoni tal-patti tressaqna lejn it-tempju, għaliex li nħarsu l-patti tat-tempju huwa l-mod kif nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar.

Hekk kif niċċentraw ħajjitna fuq Ġesù Kristu, aħna nkunu ggwidati biex nagħmlu dak li huwa l-iktar importanti. U aħna nkunu mberkin b’qawwa, kuntentizza, u hena spiritwali! F’isem Ġesù Kristu, amen.