Konferenza Ġenerali
Riverenza Profonda għal Kristu u l-Evanġelju Tiegħu
konferenza ġenerali April 2022


Riverenza Profonda għal Kristu u l-Evanġelju Tiegħu

Jalla t-tifkira ta’ dak li raw għajnejna u ta’ dak li ħasset qalbna jżidu s-sens ta’ meravilja tagħna għas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur.

Għandi ħabib kbir tiegħi li huwa professur brillanti, għalkemm illum irtirat, awtur prolifiku, u dixxiplu impenjat ta’ Ġesù Kristu. Huwa żar l-Art Imqaddsa għexieren ta’ drabi biex jipparteċipa f’konferenzi, jagħmel riċerka akkademika, u jmexxi ġiti kulturali. Skont hu, kull darba li jżur dik l-art fejn mexa Ġesù, jistgħaġeb għaliex, ħaġa tal-iskantament, dejjem jitgħallem xi ħaġa ġdida, impressjonanti, u affaxxinanti dwar is-Salvatur, il-ministeru mortali tiegħu, u art twelidu li tant kien iħobb. Ir-reverenza profonda li juri l-ħabib tiegħi meta jitkellem dwar dak kollu li jitgħallem fl-Art Imqaddsa hija kontaġġjuża, u dan is-sens ta’ meravilja kien fundamentali fil-kisbiet kbar u l-interessi akkademiċi ta’ ħajtu.

Peress li jien kemm-il darba smajtu jitkellem dwar dawn l-esperjenzi tiegħu u ħassejt l-entużjażmu tiegħu, irrifettejt dwar il-meravilja spiritwali, biex ngħid hekk, li nistgħu u li għandna nħossu għall-evanġelju li Ġesù Kristu għallem u d-differenza li jista’ jagħmel fuq id-dixxipulat tagħna u l-vjaġġ tagħna lejn il-ħajja eterna. Dan is-sens ta’ meravilja li qed nirreferi għalih huwa dik is-sensazzjoni ta’ emozzjoni, riverenza profonda, jew sens ta’ meravilja li jesperjenzaw dawk kollha li bis-sħiħ jiċċentraw il-ħajja tagħhom fuq is-Salvatur u t-tagħlim tiegħu u li b’umiltà jagħrfu l-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħhom. Dan is-sentiment ta’ meravilja, ispirat mill-influwenza tal-ispirtu s-Santu, jistimula l-entużjażmu li ngħixu b’ferħ id-duttrina ta’ Kristu.1

L-iskrittura għandha bosta eżempji ta’ kif nistgħu nuru din is-sensazzjoni. Il-profeta Isaija, per eżempju, esprima l-fond tal-gratitudni tiegħu lejn il-Muljej permezz tal-ferħ tiegħu fih.2 Dawk li semgħu lil Ġesù jippriedka fis-sinagoga f’Kafarnahum baqgħu mistagħġba bid-duttrina tiegħu u bil-qawwa li biha hu għallem.3 Kien l-istess sentiment li ppenetra kull fibra fil-qalb taż-żagħżugħ Joseph Smith hekk kif qara mill-Bibbja l-ewwel kapitlu ta’ Ġakbu, li wasslu biex ifittex l-għerf ta’ Alla.4

Ħuti l-għeżież, meta nħossu verament riverenza profonda għal Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nkunu iktar ferħana, ikollna iktar entużjażmu għall-ħidma ta’ Alla, u nagħrfu id Alla f’kollox. Barra minn hekk, l-istudju tagħna tal-kliem ta’ Alla jsir iktar sinifikattiv; it-talb tagħna, iktar intenzjonali; il-qima tagħna, iktar reverenti; is-servizz tagħna fis-saltna ta’ Alla, iktar diliġenti. Dawn l-għemejjel kollha jikkontribwixxu biex l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu tkun iktar frekwenti f’ħajjitna.5 Għaldaqstant, it-testimonjanza tagħna tas-Salvatur u l-evanġelju tiegħu tissaħħaħ, aħna nżommu lil Kristu ħaj ġo fina,6 u nimxu “għeruqna fih, u nibnu l-ħajja tagħna fuqu; … u nimtlew bil-gratitudni.”7 Meta ngħixu b’dan il-mod, aħna nsiru spiritwalment iktar reżiljenti u protetti milli naqgħu fin-nasba tal-apatija spiritwali.

Din it-tip ta’ apatija hija kkaretterizzata bit-telfien gradwali tal-eċċitament tagħna li ningaġġaw ruħna bis-sħiħ fl-evanġelju tal-Mulej. Ġeneralment tibda meta nħossu li diġà ksibna l-għarfien u l-barkiet kollha neċessarji għall-kuntentizza tagħna fil-ħajja. Il-kompjaċenza, biex insejħulha hekk, ġġegħilna nieħdu d-doni tal-evanġelju qisu xejn mhu xejn, u, minn hemm ’il quddiem, inkunu f’riskju li nittraskuraw kemm l-immersjoni regolari tagħna fl-essenzjali tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu8 kif ukoll l-patti li għamilna. B’konsegwenza, aħna gradwalment niddistakkaw irwieħna mill-Mulej; u hekk indgħajfu l-ħila tagħna li “nisimgħuh,”9 insiru indifferenti u insensittivi għall-kobor tal-ħidma tiegħu. Id-dubju dwar il-veritajiet li diġà rċevejna jista’ jippenetra moħħna u qalbna, u jagħmilna vulnerabbli għat-tentazzjonijiet tal-għadu.10

Il-Pastor Aiden Wilson Tozer, awtur famuż u Kristjan qalbieni, kiteb, “Il-kompjaċenza hija għadu qattiel ta’ kull tkabbir spiritwali.” 11 Dan ma kienx eżattament dak li ġara lill-poplu ta’ Nefi ftit wara t-twelid ta’ Kristu? Huma “ bdew iħossuhom anqas u anqas immeraviljati b’xi sinjal jew b’għeġubijiet oħra mis-smewwiet, … [fejn bdew jiddubitaw] dak kollu li kienu semgħu u raw.” B’dan il-mod Satana “għamilhom għajnejhom u wassalhom biex jemmnu li d-duttrina ta’ Kristu kienet bluha u mhux meħtieġa.”12

Ħuti, fl-imħabba perfetta u infinita tiegħu u peress li jaf n-natura umana tagħna,13 is-Salvatur stabbilixxa il-mod għalina biex aħna nevitaw li naqgħu fin-nasba tal-apatija spiritwali. L-istedina tas-Salvatur tagħtina perspettiva aktar wiesgħa, speċjalment meta wieħed jikkonsidra id-dinja kumplessa li ngħixu fiha: “Tgħallmu minni, u isimgħu kliemi; imxu fl-umiltà tal-Ispirtu tiegħi, u jkollkom il-paċi fija.”14 Hekk kif naċċettaw din l-istedina tas-Salvatur, aħna nuru l-umiltà tagħna, ix-xewqa tagħna li nkunu lesti nitgħallmu, u t-tama tagħna li nsiru iżjed bħalu.15 Din l-istedina tinkludi wkoll li nservuh u li nimministraw lil ulied Alla “b’qalb[na] kollha, bis-setgħa tagħna kollha, b’moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha.”16 Fil-qalba tal-isforz tagħna f’dan il-vjaġġ hemm, bla dubju, iż-żewġ kmandamenti il-kbar: li nħobbu lil Mulej, Alla tagħna, u li nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna.17

Din it-tip ta’ mġiba hi parti mill-karattru divin ta’ Ġesù u kienet evidenti f’dak kollu li għamel matul il-ministeru tiegħu fuq l-art.18 Għaldaqstant, meta aħna b’intenzjoni u bil-fatt niddedikaw lilna nfusna li nħarsu lejh u nitgħallmu mill-eżempju perfett tiegħu,19 aħna naslu biex insiru nafuh aħjar. Aħna nikbru fl-entużjamu u fix-xewqa li ninkorporaw f’ħajjitna l-iogħla standard ta’ kif għandna ngħixu, l-eżempju li jeħtieġ nagħtu, u l-kmandamenti li jeħtiġilna nimxu warajhom. Niksbu wkoll aktar għarfien, għerf, karattru divin, u grazzja lejn Alla u l-proxxmu tagħna.20 Jien nista’ naċċertakom li l-ħila tagħna li nħossu l-influwenza u l-imħabba tas-Salvatur se tintensifika ruħha f’ħajjitna, u din ikabbar il-fidi tagħna, ix-xewqa li naġġixxu fis-sewwa, u l-motivazzjoni li nservu lilu u lil oħrajn.21 Barra minn hekk, il-gratitudni tagħna għall-barkiet u l-isfidi li nesperjenzaw fil-mortalità tissoda u ssir parti mill-qima vera tagħna.22

Għeżież ħbieb tiegħi, dawn il-ħwejjeġ kollha jsaħħu l-meravilja spiritwali tagħna tal-evanġelju u jmexxuna biex b’ferħ aħna nżommu l-patti li nagħmlu mal-Mulej—anki f’nofs il-provi u l-isfidi li nesperjenzaw. M’għandniex xi ngħidu, biex dawn ir-riżultati jseħħu, jeħtieġ li aħna ngħoddsu lilna nfusna b’fidi u b’intenzjoni vera fit-tagħlim tas-Salvatur, 23 billi nistinkaw biex ninkorporaw l-attributi tiegħu fil-mod ta’ kif nkunu aħna.24 Barra minn hekk, jeħtiġilna nersqu iktar lejh permezz tal-indiema,25 filwaqt li nfittxu l-maħfra tiegħu u l-qawwa feddejja tiegħu f’ħajjitna u li nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Il-Mulej stess wiegħed li Hu sejjer jidderieġi t-trejqiet tagħna ladarba aħna nafdaw fih b’qalbna kollha, billi nagħrfu lilu f’kull xejra tagħna u ma nistriħux fuq l-għarfien tagħna biss.26

Il-Presbiteru Jones ma’ Wes

Raġel li ltqajt miegħu dan l-aħħar, jismu Wes, aċċetta l-istedina ta’ Kristu li jitgħallem dwaru u dwar l-evanġelju tiegħu u beda jesperjenza r-reverenza profonda tal-imħabba tiegħu wara 27 sena jiddistakka ruħu mit-triq tal-patt. Qalli li jum minnhom fuq Facebook kellmu wieħed missjunarju, il-Presbiteru Jones, li għal xi żmien kien assenjat fl-akwati ta’ Wes qabel ma kellu jmur fil-missjoni assenjata oriġinarjament lilu fil-Panama. Meta l-Presbiteru Jones ra l-profil ta’ Wes, bla ma kien jaf minn qabel li hu kien diġà membru tal-Knisja, huwa ħass il-gwida tal-Ispirtu s-Santu and għaraf li kellu immedjatament jikkuntattja lil Wes. Mill-ewwel aġixxa fuq din l-impressjoni. Wes baqa’ skantat b’dan il-kuntatt mhux mistenni u beda jirrealizza li l-Mulej kien jaf bih minkejja d-distanza tiegħu mit-triq tal-patt.

Minn hemm ’il quddiem, Wes u l-missjunarji bdew jikkomunikaw b’mod frekwenti. Il-Presbiteru Jones u s-sieħeb tiegħu pprovdew atti ta’ servizz u messaġġi spiritwali kull ġimgħa li għenu lil Wes biex jirkupra lura r-reverenza profonda għas-Salvatur u għall-evanġelju tiegħu. Dan kebbes mill-ġdid il-fjamma tat-testimonjanza tiegħu tal-verità u tal-imħabba tas-Salvatur għalih. Wes ħass il-paċi li tasal mill-Farraġ u kiseb il-qawwa li kellu bżonn biex jirritorna fil-merħla. Huwa qalli li din l-esperjenza ġabitu spiritwalment u emozzjonalment lura fil-ħajja u għenitu jelimina s-sentimenti ta’ rabja akkumulat matul is-snin minħabba l-esperjenzi diffiċli li kien għadda minnhom.

Bħalma osserva l-ħabib tiegħi, dak il-professur riflettiv li semmejtilkom fil-bidu, hemm xi ħaġa dejjem tal-għaġeb u affaxxinatti li titgħallem dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu.27 Il-Mulej għamel wegħdiet tal-għaġeb li huma estiżi lil dak kollha, inkluż aħna, li jfittxu li jitgħallmu dwaru u jinkorporaw kliemu f’ħajjithom. Lil Ħenok hu qallu, “Ara l-Ispirtu tiegħi se jkun fuqek, għalhekk jiena niġġustifika dak kollu li inti tgħid; u l-muntanji jaħarbu minn quddiemek, u x-xmajjar idawru r-rotta tagħhom; u inti ibqa’ fija, u jiena fik.”28 U lis-Sultan qaddej tiegħu Benjamin huwa ddikjara, “Intom se tibdew tissejħu wlied Kristu, uliedu rġiel, u wliedu nisa; għax araw, dan il-jum huwa nissilkom spiritwalment; għax intom tgħidu li seħħet bidla f’qalbkom permezz tal-fidi tagħkom f’ismu; b’hekk, intom ġejtu mwielda minnu, u sirtu wliedu rġiel u nisa.”29

Għaldaqstant, waqt li b’mod ġenwin u kontinwu nistinkaw li nitgħallmu dwar is-Salvatur u nimxu wara l-eżempju tiegħu, jien inwegħidkom, f’ismu stess, li l-attributi divini tiegħu se jinkitbu f’moħħkom u qalbkom,30 li aħna nsiru iktar bħalu, u li aħna se nimxu miegħu.31

Ħuti l-għeżież, jien nitlob li aħna nħossu dejjem riverenza profonda ta’ Ġesù Kristu u l-imħabba kompleta, infinita, u perfetta tiegħu. Jalla t-tifkira ta’ dak li raw għajnejna, u ta’ dak li ħasset qalbna jżidu l-meravilja tagħna għas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur, li jista’ jfejqilna l-ġrieħi spiritwali u emozzjonali tagħna u jgħinna nersqu eqreb lejh. Jalla nistagħġbu bil-wegħdi kbar li l-Missier għandu f’idejh u li Huwa ħejja għal dawk li huma fidili:

“Is-saltna hi tagħkom u l-barkiet tagħha huma tagħkom, u r-rikkezzi tal-eternità huma tagħkom.

U dak li jirċievi kollox b’ringrazzjament se jiġi gglorifikat.”32

Ġesù hu l-Feddej tad-dinja, u din hi l-Knisja tiegħu. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi ta’ dawn il-veritajiet, fl-isem profondament reverenti, imqaddes, u sublimi tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.