Għax Alla Hekk Ħabbna
Alla tant ħabbna li bagħat lil Ibnu l-Waħdieni—mhux biex jikkundannana iżda biex isalvana.
“Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġwanni 3:16). L-ewwel darba li nnotajt dan il-vers, ma kontx il-knisja jew waqt xi lejla d-dar mal-familja. Kont qed nara avveniment sportiv fuq it-televiżjoni. Irrispettivament liema stazzjon kont insegwi, kif ukoll liema logħba kienet, kien hemm tal-anqas persuna waħda b’tabella li kienet tgħid “Ġwanni 3:16.”
Beda jogħġobni wkoll vers 17: “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”
Alla bagħat lil Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni tiegħu fil-ġisem, biex jagħti ħajtu għalina lkoll. Hu għamel dan għax iħobbna u fassal pjan għalina lkoll biex nerġgħu lura għandu.
Iżda dan mux tip ta’ pjan imfassal biex jakkomoda lil kulħadd iżda mbagħad mhu effettiv għal ħadd. Hu pjan personali, imwaqqaf minn Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba, li jaf qalbna, isimna, u xi jrid minna li aħna nagħmlu. Għalfejn nemmnu dan? Għaliex Huwa għallem dan fl-iskrittura mqaddsa.
Mosè sema’ ripetutament lill-Missier fis-Smewwiet jgħid il-kliem “Mosè, ibni” (ara Moses 1:7, 40; ara wkoll versi 7, 40). Abraham tgħallem li hu kien iben Alla, li ġie magħżul għall-missjoni tiegħu sewwasew minn qabel twieled (ara Abraham 3:12, 23). Bis-saħħa ta’ Alla, Ester tpoġġiet f’pożizzjoni influwenti biex issalva lill-poplu tagħha (ara Ester 4). U Alla wera l-fiduċja tiegħu fi tfajla, qaddejja, biex tixhed dwar profeta ħaj ħalli Nagħam ikun jista’ jitfejjaq (ara 2 Slaten 5:1–15).
Jien iħobb verament lil dak ir-raġel twajjeb, ta’ statura żgħira, li tela’ fuq siġra biex jara lil Ġesù. Is-Salvatur għax induna li kien hemm, waqaf, ħares ’il fuq fil-friegħi, u qal dal-kliem: “Żakkew, … inżel minn hemm fuq” (Luqa 19:5). U ma nistgħux ninsew lit-tfajjel ta’ 14-il sena li mar ġewwa masġar u hemm tgħallem kemm hu fil-fatt personali l-pjan: “[Joseph,] dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!” (Joseph Smith—History 1:17).
Ħuti, aħna fiċ-ċentru tal-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet u r-raġuni għall-missjoni tas-Salvatur tagħna. Ilkoll kemm aħna, individwalment, aħna l-ħidma tagħhom u l-glorja tagħhom.
Għalija, l-ebda ktieb ta’ skrittura ma juri dan b’daqstant ċarezza aktar mill-istudju tiegħi tat-Testment il-Qadim. Kapitlu wara kapitlu niskopru eżempji ta’ kif Missierna fis-Smewwiet u Jaħweh huma involuti intimament f’ħajjitna.
M’ilux konna qed nistudjaw dwar Ġużeppi, l-iben il-maħbub ta’ Ġakobb. Minn tfulitu, Ġużeppi kien imbierek bil-kbir mill-Mulej, madankollu hu esperjenza sfidi kbar minħabba ħutu. Ħmistax ilu, ħafna minna esperjenzajna ċerta kommossjoni minħabba l-mod kif Ġużeppi ħafer lil ħutu. F’ Come, Follow Me naqraw: “F’ħafna modi, il-ħajja ta’ Ġużeppi tixbah lil dik ta’ Ġesù Kristu. Minkejja li dnubietna wassluh biex jesperjenza tbatija kbira, is-Salvatur joffrilna l-maħfra, u hekk jeħlisna lkoll minn destin ferm agħar mill-ġuħ. Irrispettivament jekk jeħtiġilniex nirċievu l-maħfra jew nestenduha—xi drabi lkoll nkunu neħtieġu t-tnejn—l-eżempju ta’ Ġużeppi jidderiġina lejn is-Salvatur, il-veru sors ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni.”1
Lezzjoni li togħġobni f’dak ir-rakkont jagħtihielna Ġuda, ħu Ġużeppi, li kellu parti fil-pjan personali ta’ Alla għal Ġużeppi. Meta Ġużeppi ġie ttradut minn ħutu, Ġuda kkonvinċiehom biex lil Ġużeppi ma joqtluhx iżda jbigħuh bħala skjav (ara Ġenesi 37:26–27).
Bosta snin wara, Ġuda u ħutu kellhom bżonn jieħdu lil ħuhom iż-żgħir, Benjamin, fl-Eġittu. Għall-ewwel missierhom irreżista. Iżda Ġuda għamel wegħda ma’ Ġakobb—li lil Benjamin kien se jġibu lura d-dar.
Fl-Eġittu, il-wegħda ta’ Ġuda sabet bosta sfidi. It-tfajjel Benjamin ġie akkużat b’reat minkejja li kien bla ħtija. Ġuda, leali lejn il-wegħda tiegħu, offra li jinxteħet il-ħabs minflok Benjamin. “Għax,” huwa qal, “x’wiċċ għandi nitla’ għand missieri u ż-żagħżugħ ma jkunx miegħi?” (ara Ġenesi 44:33–34). Ġuda kien determinat li jżomm il-wegħda tiegħu u jieħu lura lil Benjamin qawwi u sħiħ. Ġieli tħossukom dwar ħaddieħor bl-istess mod kif Ġuda ħassu dwar Benjamin?
Mhuwiex dan il-mod kif il-ġenituri jħossuhom dwar uliedhom? Kif il-missjunarji jħossuhom dwar in-nies li huma jservu? Kif il-mexxejja tal-Primarja u taż-żgħażagħ iħossuhom dwar dawk li jgħallmu u jħobbu?
Irrispettivament min intom u x’inhuma ċ-ċirkustanzi kurrenti tagħkom, hemm xi ħadd li jħossu eżattament hekk dwarkom. Xi ħadd irid li jerġa’ lura għand Missierna fis-Smewwiet magħkom.
Jien grat għal dawk li qatt ma jaqtgħu qalbhom minna, li jkomplu jiftħu qalbhom fit-talb għalina, u li jkomplu jgħallmuna u jgħinuna nikkwalifikaw biex nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.
M’ilux ħabib tal-qalb għadda 233 jum l-isptar bil-COVID-19. Matul dak iż-żmien, mar iżuru missieru, li hu mejjet, li talbu biex jgħaddi messaġġ lin-neputijiet tiegħu. Anke lil hinn mill-velu, dan in-nannu twajjeb xtaq jgħin lin-neputijiet tiegħu jerġgħu lura fid-dar tagħhom fis-smewwiet.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, id-dixxipli ta’ Kristu aktar qed jiftakru l-“Benjamini” f’ħajjithom. Madwar id-dinja huma semgħu s-sejħa mill-aktar ċara tal-profeta ħaj ta’ Alla, il-President Russell M. Nelson. Ġuvintur u t-tfajliet jinsabu ingaġġati fil-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej. L-individwi u l-familji qed jilħqu lil xulxin fi spirtu ta’ ministeru—billi jħobbu, jaqsmu, u jistiednu lil sħabhom u lill-ġirien tagħhom biex jersqu lejn Kristu. Iż-żgħażagħ u l-adulti qed jiftakru u jagħmlu li jistgħu biex iħarsu l-patti tagħhom—jimlew it-tempji ta’ Alla, isibu l-ismijiet ta’ membri mejtin tal-familja, u jirċievu l-ordinanzi f’isimhom.
Għalfejn il-pjan personalizzat ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina jinkludi li ngħinu lil ħaddieħor jerġa’ lura għandu? Għax dan hu kif aħna nistgħu nsiru bħal Ġesù Kristu. Ultimament, ir-rakkont ta’ Ġuda u Benjamin jgħallimna dwar is-sagrifiċċju tas-Salvatur għalina. Permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, Hu ta ħajtu biex jeħodna lura d-dar. Kliem Ġuda jesprimi l-imħabba tas-Salvatur: “X’wiċċ għandi nitla’ għand missieri u [int] ma tkunx miegħi?” Bħala nies li qed niġbru lil Iżrael, dak il-kliem japplika għalina wkoll.
It-Testment il-Qadim hu mimli mirakli u għemejjel ta’ ħniena li huma l-karatteristika ewlenija tal-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. F’ 2 Slaten 4, il-frażi “ġurnata waħda” tintuża tliet darbiet biex tenfasizza miegħi li l-ġrajjiet importanti jseħħu skont l-orarju ta’ Alla, u l-ebda dettall mhu żgħir wisq għalih.
Il-ħabib ġdid tiegħi Paul jixhed dwar din il-verità. Paul trabba ġo familja li xi kultant kienet abbużiva u mill-aktar intolleranti lejn ir-reliġjon. Meta kien qed jattendi skola ġo bażi militari fil-Ġermanja, hu nnota żewġ aħwa nisa li fihom kien jidher bħal dawl spiritwali. It-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu għalfejn kienu differenti kienet li huma kienu membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Paul ma damx wisq ma beda jiltaqa’ mal-missjunarji u ġie mistieden jattendi l-knisja. Il-Ħadd ta’ wara, hekk kif niżel minn tal-linja, innota żewġt irġiel lebsin qmis bajda u ingravata. Hu staqsiehom jekk kenux presbiteri tal-Knisja. Huma wieġbu li hekk hu, għalhekk Paul mexa warajhom.
Waqt is-servizz, wieħed predikatur dar fuq in-nies li kien hemm fil-kongregazzjoni u stedinhom biex jagħtu x-xhieda tagħhom. Fl-aħħar ta’ kull testimonjanza, wieħed drummer daqq is-salut fuq tanbur u l-kongregazzjoni għajtet, “Ammen.”
Meta l-predikatur dar fuq Paul, huwa qam u qal, “Jien naf li Joseph Smith kien profeta u l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru.” Ma kien hemm l-ebda salut u l-ebda ammen. Eventwalment Paul irrealizza li kien mar fil-knisja żbaljata. Paul ma damx ma sab triqtu lejn il-post it-tajjeb u tgħammed.
Fil-jum tal-magħmudija ta’ Paul, membru li ma kienx jaf qallu, “Int salvajtli ħajti.” Ftit ġimgħat qabel, dar-raġel iddeċieda li jfittex knisja oħra u attenda servizz bit-tanbur u l-ammen. Meta r-raġel sema’ lil Paul jaqsam it-testimonjanza tiegħu dwar Joseph Smith u l-Ktieb ta’ Mormon, irrealizza li Alla lilu kien jafu, kien jagħraf l-isfidi li kien qed jiffaċċja, u kellu pjan għalih. Kemm għal Paul kif ukoll għal dak ir-raġel, dik kienet “ġurnata waħda,” verament!
Aħna wkoll nafu li Missierna fis-Smewwiet għandu pjan ta’ ferħ personali għalina lkoll. Għax Alla bagħat lill-Iben il-Maħbub tiegħu għalina, il-mirakli li neħtieġu sejrin iseħħu f’din “il-ġurnata waħda” neċessarja biex jitwettaq il-pjan tiegħu.
Nixhed li dis-sena nistgħu nitgħallmu aktar dwar il-pjan ta’ Alla għalina fit-Testment il-Qadim. Dik l-iskrittura sagra tgħallem dwar l-irwol tal-profeti fi żminijiet inċerti u dwar l-influwenza ta’ Alla f’dinja li kienet konfuża u ħafna drabi kontenzjuża. Tittratta wkoll dwar nies fidili u umli li b’fedeltà ħarsu ’l quddiem lejn il-miġja tas-Salvatur tagħna, l-istess kif aħna nħarsu ’l quddiem lejn it- Tieni Miġja tiegħu u kif nitħejjew għaliha—lejn ir-ritorn glorjuż tiegħu li ilu mbassar żmien twil.
Sakemm jasal dak il-jum, nafu ma narawx, bl-għajnejn naturali tagħna, il-pjan ta’ Alla għal kull aspett ta’ ħajjitna (ara Doctrine and Covenants 58:3). Iżda nistgħu niftakru fit-tweġiba ta’ Nefi meta ġie ffaċċjat b’xi ħaġa li ma setax jifhem: filwaqt li ma kienx jaf it-tifsira ta’ kollox, hu kien jaf li Alla jħobb lil uliedu (ara 1 Nefi 11:17).
Din hi x-xhieda tiegħi f’din l-għodwa mill-isbaħ ta’ Jum il-Mulej. Jalla niktbuha f’qalbna u nagħtuha ċans timla ruħna bil-paċi, bit-tama, u bl-hena eterna: Alla tant ħabbna li bagħat lil Ibnu l-Waħdieni—mhux biex jikkundannana iżda biex isalvana. F’isem Ġesù Kristu, ammen.