Konferenza Ġenerali
Biex Infejqu d-Dinja
konferenza ġenerali April 2022


Biex Infejqu d-Dinja

Ċerti ġrieħi u differenza jistgħu jiġu risolti u saħansitra mfejqa meta nonoraw lil Alla, il-Missier tagħna lkoll, u lil Ġesù Kristu, Ibnu.

Ħuti, f’dan l-istaġun glorjuż tal-Għid, aħna verament imberkin li qed niltaqgħu u nirċievu parir u direzzjoni mingħand il-qaddejja ta’ Alla.

Il-gwida sagra u t-tagħlim mingħand Missierna fis-Smewwiet jgħinuna niggwidaw il-ħajja f’dawn iż-żminijiet perikolużi. Kif kien imħabbar, “nirien, u tempesti,” “gwerer, xnigħat ta’ gwerer, u theżżiż f’diversi postijiet,” “u kull xorta ta’ għemejjel mistkerrha,”1 “pesta,”2 “ġuħ kbir, u epidemiji”3 jinsabu jagħmlu ħerba mill-familji, komunitajiet, u anke ġnus.

Teżisti pjaga oħra li tinsab taffettwa d-dinja: l-attakki fuq il-libertà reliġjuża tiegħi u tagħkom. Dan is-sentiment dejjem jikber qed jipprova jwarrab ir-reliġjon u l-fidi f’Alla mill-pjazez pubbliċi, mill-iskejjel, mill-istandards fil-komunità, u mid-diskors ċiviku. L-avversarji tal-libertà reliġjuża jippruvaw jimponu restrizzjonijiet fuq espressjonijiet ta’ konvinzjoni sinċiera. Huma sa jikkritikaw u jwaqqgħu għaż-żufjett it-tradizzjonijiet tal-fidi.

Din it-tip ta’ attitudni temarġina lin-nies, tiżvaluta l-prinċipji personali, il-ġustizzja, ir-rispett, l-ispiritwalità, u l-paċi tal-kuxjenza.

X’inhi l-libertà reliġjuża?

Hija l-libertà tal-qima fil-konfigurazzjonijiet kollha tagħha: libertà tal-assemblea, libertà tal-kelma, libertà li taġixxi skont it-twemmin personali, u libertà biex ħaddieħor jagħmel l-istess. Il-libertà reliġjuża tagħtina ċ-ċans ilkoll biex niddeċiedu għalina nfusna x’nemmnu, kif ngħixu u naġixxu skont il-fidi tagħna, u x’jistenna minna Alla.

Sforzi biex jirristrinġu din it-tip ta’ libertà reliġjuża mhumiex xi ħaġa ġdida. Tul l-istorja, nies ta’ fidi batew ferm minħabba ħaddieħor. Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien mhux anqas.

Mill-bidu tagħna, ħafna li kienu qed ifittxu lil Alla resqu lejn din il-Knisja minħabba t-tagħlim tagħha ta’ duttrina divina, li jinkludi l-fidi f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu, l-indiema, il-pjan ta’ ferħ, u t-Tieni Miġja ta’ Sidna l-Mulej.

L-oppożizzjoni, il-persekuzzjoni, u l-vjolenza fnew lill-ewwel profeta tal-aħħar żmien, Joseph Smith, u lis-segwaċi tiegħu.

Fost l-inkwiet li l-knisja bdiet tiffaċċja fl-1842, Joseph ippubblika 13-il prinċipju fundamentali tal-Knisja li kienet qed tikber, inkluż dan: “Aħna nitolbu li jkollna l-privileġġ li nqimu lil Alla li Jista’ Kollox kif tgħidilna l-kuxjenza tagħna, u nagħtu lill-bnedmin kollha l-istess privileġġ, li huma jkunu ħielsa li jqimu kif, fejn, u lil min iridu huma.”4

Id-dikjarazzjoni tiegħu hi waħda inklussiva, rispettuża, u li tilliberana. Din hi l-essenza tal-libertà reliġjuża.

Il-Profeta Joseph Smith iddikjara wkoll:

“Jiena niddikjara b’mod ċar quddiem is-Smewwiet li jiena lest li bl-istess qawwa mmut biex niddefendi d-drittijiet ta’ Presbiterjan, Battista, jew raġel twajjeb ta’ xi denominazzjoni oħra; għax l-istess prinċipju li jissoppressa d-drittijiet tal-Qaddisin … hu l-istess prinċipju li jissoppressa d-drittijiet tal-Kattoliċi Rumani, jew ta’ kwalunkwe denominazzjoni oħra li ma tantx tkun popolari jew dgħajfa wisq biex tiddefendi lilha nfisha.

“Hija l-imħabba għal-libertà li tispira ruħi—libertà kemm ċivili kif ukoll reliġjuża għar-razza umana kollha.”5

Xorta waħda, l-ewwel membri tal-Knisja ġew attakkati u mġiegħla jivvjaġġaw eluf ta’ mili, minn New York sa Ohio sa Missouri, fejn il-gvernatur ħareġ ordni li l-membri tal-Knisja “jeħtieġ jiġu ttrattati bħala għedewwa u jeħtieġ jiġu esterminati jew imkeċċija mill-istat.”6 Huma ħarbu lejn Illinois, iżda t-turment ma waqafx. Marmalja qatlet lill-Profeta Joseph; dawn ħasbu li jekk joqtluh kienu se jeqirdu l-Knisja u jispalpaljaw lill-fidili. Iżda l-fidili baqgħu sodi. Brigham Young, is-suċċessur ta’ Joseph, mexxa eluf sħaħ ta’ nies f’eżodu sfurzat, 1,300 mil (2,100 km) lejn il-punent, sa fejn illum insibu l-istat ta’ Utah.7 L-antenati tiegħi stess kienu fost dawk l-ewwel pijunieri li ssetiljaw hawn.

Minn dawk iż-żminijiet ta’ persekuzzjoni intensa, il-Knisja tal-Mulej kibret b’konsistenza għal kważi 17-il membru, b’aktar minn nofshom joqogħdu barra l-Istati Uniti.8

F’April 2020 il-Knisja ċċelebrat il-200 anniversarju tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju bi proklamazzjoni lid-Dinja, preparata mill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Tibda “Aħna solennement niddikjaraw li Alla jħobb lil uliedu f’kull ġens tad-dinja.”9

Il-maħbub profeta tagħna, Russell M. Nelson, kompla jgħid:

“Aħna nemmnu fil-libertà, it-tjubija, u l-ġustizzja għall-ulied kollha ta’ Alla.

“Aħna lkoll aħwa, ilkoll ulied Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna. Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu, jistieden lil kulħadd biex imur għandu, ‘iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara’ (2 Nefi 26:33).”10

Ikkunsidraw miegħi erba’ modi kif is-soċjetà u l-individwi jibbenifikaw mil-libertà reliġjuża.

L-ewwel. Il-libertà reliġjuża tonora l-ewwel u t-tieni kmandamenti kbar, li npoġġu lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. Naqraw f’Mattew:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”11

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”12

Kemm jekk f’kappella, f’sinagoga, f’moskeja, jew f’għarix bis-saqaf tal-landa, id-dixxipli ta’ Kristu, u nies oħra fidili li jaħsbuha l-istess, jistgħu jesprimu d-devozzjoni tagħhom lejn Alla billi jqimuh u jkollhom ir-rieda li jservu lil uliedu.

Ġesù Kristu huwa l-perfett eżempju ta’ dan it-tip ta’ mħabba u servizz. Tul il-ministeru tiegħu, Hu ħa ħsieb il-foqra,13 fejjaq lill-morda.14 u lill-għomja.15 Hu tema lill-imġewħin,16 laqa’ f’dirgħajh lit-tfal ċkejknin,17 u ħafer lil dawk li weġġgħuh, u saħansitra sallbuh.18

L-iskrittura tiddeskrivi li Ġesù “għadda jagħmel il-ġid.”19 L-istess għandna nagħmlu aħna.

It-Tieni. Il-libertà reliġjuża trawwem espressjonijiet ta’ twemmin, tama, u paċi.

Bħala knisja, aħna ningħaqdu ma’ reliġjonijiet oħra f’li nipproteġu nies ta’ kull twemmin u persważjoni u d-dritt tagħhom li jesprimu l-konvinzjoni tagħhom. Dan ma jfissirx li aħna naċċettaw it-twemmin tagħhom, jew huma tagħna, iżda aħna għandna aktar komuni milli għandna ma dawk li jixtiequ jagħlqulna ħalqna.

M’ilux jien irrappreżentajt il-Knisja fil-Forum Interreliġjużi annwali tal-G20 fl-Italja. Ħassejt fija kuraġġ kbir u anke ċerta qawwa meta ltqajt ma’ mexxejja governattivi u reliġjużi minn madwar id-dinja. Irrealizzajt li ċerti ġrieħi u differenza jistgħu jiġu risolti u saħansitra mfejqa meta nonoraw lil Alla, il-Missier tagħna lkoll, u lil Ġesù Kristu, Ibnu. Il-Fejjieq il-Kbir ta’ kulħadd hu l-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Kelli mument mill-aktar interessanti meta kont qed nagħlaq id-diskors tiegħi. Is-seba’ kelliema ta’ qabli ma għalqux b’mod marbut ma’ xi tradizzjoni reliġjuża jew f’isem Alla. Waqt li kont qed nitkellem, feġġ ħsieb f’moħi, “Tgħid ngħid grazzi u npoġġi bilqiegħda, jew nagħlaq ‘f’isem Ġesù Kristu’?” Jien ftakart min jien, u kont naf li l-Mulej riedni nsemmi ismu waqt li nikkonkludi l-messaġġ tiegħi. Għalhekk hekk għamilt. Meta nħares lura, kienet l-opportunità tiegħi li nesprimi t-twemmin tiegħi; u kelli l-libertà tar-reliġjon li naqsam ix-xhieda tiegħi ta’ ismu l-qaddis.

It-Tielet. Ir-reliġjon tispira lin-nies biex jgħinu lil ħaddieħor.

Meta reliġjon jingħata l-ispazju u l-libertà li jiffjorixxi, il-fidili jwettqu ċerti atti sempliċi u kultant erojċi ta’ servizz. Il-frażi antika Lhudija “tikkun olam,” li tfisser “li ssewwi jew tfejjaq id-dinja,” qed tiġi riflessa llum fl-isforzi ta’ bosta. Aħna ngħaqadna ma’ Karitajiet Kattoliċi, magħrufa bħala Caritas Internationalis, mas-Solliev Iżlamiku, u ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet Lhud, Ħindu, Buddisti, Sikhi, u Kristjani bħas-Salvation Army u n-National Christian Foundation. Flimkien inservu miljuni fil-bżonn, l-aktar riċenti fejn tajna l-għajnuna lir-refuġjati tal-gwerra bit-tined, basktijiet tal-irqad, u provvisti ta’ ikel,20 u nipprovdu t-tilqim, inkluż kontra l-polio21 u l-COVID.22 Il-lista ta’ dak li qed jitwettaq hija twila, iżda l-istess il-bżonnijiet.

M’hemmx dubju, in-nies ta’ fidi, meta jaħdmu flimkien, jistgħu jagħmlu interventi sinifikanti. Fl-istess ħin, servizz personali ma tantx jinstama’ iżda jibdel il-ħajjiet fis-skiet.

F’moħħi jiġini l-eżempju li hemm f’Luqa meta Ġesù Kristu mar jgħin lill-armla ta’ Najn. Ġesù, akkumpanjat minn grupp ta’ dixxipli, mar fuq il-korteo tal-difna tal-uniku iben tal-armla. Mingħajru, hi kienet qed tiffaċċja rovina emozzjonali, spiritwali, u saħansitra finanzjarja. Ġesù, hekk kif ra d-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha, qal, “Tibkix.”23 Mbagħad mess it-tebut fejn kien hemm il-ġisem, u l-korteo waqaf.

“Żagħżugħ,” ordnalu Hu, “qiegħed ngħidlek, Qum.

“U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.”24

Li tqajjem lill-mejtin huwa miraklu, iżda kull att ta’ tjubija u mħabba lejn xi ħadd li jinsab f’xi diffikultà hu l-mod tal-patt li lkoll kemm aħna nistgħu “ngħaddu nagħmlu t-tajjeb,” għax nafu li “Alla magħna.”25

U r-raba’. Il-libertà tar-reliġjon taġixxi bħala forza li tgħaqqad u tiġbor lin-nies biex ifasslu l-valuri u l-moralità.

Fit-Testment il-Ġdid naqraw dwar bosta li tbiegħdu minn Ġesù Kristu, fejn bdew jilmentaw dwar id-duttrina tiegħu, “Iebes dan il-kliem; min jiflaħ jisimgħu?”26

Dik l-għajta għadha tinstama’ llum minn dawk li qed jippruvaw iwarrbu r-reliġjon mid-diskors u l-influwenza. Jekk ir-reliġjon ma tkunx hemm biex tgħin tfassal il-karattru u ssib is-soluzzjonijiet fi żminijiet diffiċli, minn se jagħmel dan? Min se jgħallem l-onestà, il-gratitudni, il-maħfra, u s-sabar? Min se juri l-karità, il-kompassjoni, u t-tjubija għal dawk minsijin u emarġinati? Min se jħaddan lil dawk li huma differenti madankollu mistħoqqa kif inhuma l-ulied kollha ta’ Alla? Min se jiftaħ dirgħajh għal dawk fil-bżonn bla ma jitlob kumpens? Min se jxandar il-paċi u l-ubbidjenza lejn liġijiet akbar mill-kurrent tal-ġurnata? Min se jwieġeb għas-sejħa tas-Salvatur “Morru, u agħmlu l-istess”?27

Aħna se nagħmlu dan! Iva, ħuti, aħna se nagħmlu dan.

Nistedinkom biex tkunu d-difensuri tal-kawża tal-libertà reliġjuża. Hija espressjoni tal-prinċipju mogħti minn Alla tal-volontà.

Il-libertà reliġjuża ġġib il-bilanċ għal filosofiji opposti. It-tajjeb tar-reliġjon, għal xiex iwassal, u l-għemejjel ta’ kuljum ta’ mħabba li r-reliġjon tispira jista’ jimmultiplika ruħu biss meta nipproteġu l-libertà li nesprimu u naġixxu skont it-twemmin fundamentali.

Nixhed li Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla. Jiena nixhed li Ġesù Kristu jmexxi u jiggwida din il-Knisja. Hu patta għal dnubietna, ġie msallab fuq salib, u qam mill-imwiet fit-tielet jum.28 Grazzi għalih, aħna nistgħu ngħixu mill-ġdid għall-eternità; u dawk li jixtiequ jistgħu jkunu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Din il-verità jien inxandar lid-dinja kollha. Jiena grat għal-libertà li nista’ nagħmel dan. F’isem Ġesù Kristu, amen.