Nimxu Wara Ġesù: Inkunu Nies li Nġibu l-Paċi
Dawk li jġibu l-paċi mhumiex passivi; huma persważivi fil-mod kif jgħallem is-Salvatur.
Għeżież ħuti, hekk kif nesperjenzaw żmien diffiċli ta’ taqlib, ġlied, u, għal ħafna, tbatija mill-aktar kbira, qalbna timtela bi gratitudni mill-aktar profonda għas-Salvatur tagħna u għall-barkiet eterni tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Aħna nħobbuh u nafdawh, u nitolbu li nibqgħu nimxu warajh għal dejjem.
L-Isfida tal-Midja Soċjali
L-impatt qawwi tal-internet huwa barka u sfida mill-aktar unika għal żmienna.
F’dinja ta’ midja soċjali u superawtostradi ta’ informazzjoni, il-leħen ta’ persuna waħda jista’ jimmultipplika ruħu b’mod esponenzjali. Dak il-leħen, irrispettivament jekk huwiex veru jew falz, ġust jew ta’ preġudizzju, ħanin jew krudili, jasal f’kemm ili ngħidlek madwar id-dinja.
Posts fuq il-midja soċjali ta’ ċertu ħsieb u tjubija ħafna drabi ftit jagħmlu ħoss, filwaqt li kliem ta’ disprezz u rabja spiss jispiċċaw itarrxu widnejna, kemm jekk għandhom x’jaqsmu ma’ filosofija politika, jew dwar nies fl-aħbarijiet, jew opinjonijiet dwar il-pandemija. Ħadd u l-ebda suġġett mhu eżentat minn dan il-fenomenu soċjali ta’ ilħna polorizzati, lanqas is-Salvatur u l-evanġelju rrestawrat tiegħu.
Insiru Nies li Nġibu l-Paċi
Id-Diskors tal-Muntanja hu messaġġ għal kulħadd iżda kien speċifikament mogħti lid-dixxipli tas-Salvatur, dawk li għażlu li jimxu warajh.
Il-Mulej għallem kif għandna ngħixu dak iż-żmien u llum f’dinja disprezzjuża. “Henjin dawk li jġibu l-paċi,” Huwa ddikjara, “għax huma jissejjħu wlied Alla.”1
Permezz tat-tarka tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, aħna nsiru nies li nġibu l-paċi, li negħlbu—jiġifieri li nikkalmaw, inwaqqfu jew nitfgħu l-ilma—fuq il-vleġeġ kollha nar tal-avversarju.2
Hekk kif nagħmlu l-parti tagħna, il-wegħda tiegħu hi li aħna niġu msejħin “ulied Alla.” Kull persuna fuq l-art hija “in-nisel”3 ta’ Alla, iżda li nissejjħu “ulied Alla” tfisser ferm aktar minn hekk. Hekk kif nersqu lejn Ġesù Kristu u nagħmlu l-patti miegħu, aħna nsiru “in-nisel tiegħu” u l-“werrieta tas-saltna,”4 “ulied Kristu, uliedu subien u bniet.”5
Kif jista’ wieħed li jġib il-paċi jikkalma u jitfa’ l-ilma fuq il-vleġeġ kollha nar? Ċertament mhux billi nkunu dgħajfin ma’ dawk li jiddisprezzawna. Pjuttost, jeħtieġ nibqgħu kunfidenti fil-fidi tagħna, naqsmu t-twemmin tagħna b’konvinzjoni, mingħajr ma qatt ma nuru r-rabja jew il-malizzja.6
M’ilux, wara li rajt artiklu bi kliem mill-aktar iebes fil-kritika tiegħu kontra l-Knisja, ir-Reverendu Amos C. Brown, mexxej nazzjonali tad-drittijiet ċivili u pastor tal-Knisja Battista, Third Baptist Church, ġo San Francisco, wieġeb:
“Jien nirrispetta l-esperjenza u l-perspettiva tal-individwu li kiteb dak il-kliem. Nifhem li jien ma narax l-affarijiet kif jarahom hu.”
“Għalija kien wieħed mill-aktar mumenti ta’ ferħ li sirt naf lil dawn il-mexxejja tal-Knisja, inkluż lill-President Russell M. Nelson. Huma, fl-opinjoni tiegħi, l-aqwa eżempju ta’ tmexxija li dal-pajjiż jista’ joffri.”
Imbagħad kompla: “Aħna nistgħu nilmentaw dwar l-affarijiet kif xi darba kienu. Nistgħu nirrifjutaw li nagħrfu t-tajjeb kollu li qed isir bħalissa. … Iżda din l-attitudni ma twassalx għall-fejqan tal-firda nazzjonali tagħna. … Kif għallem Ġesù, aħna ma nistgħux neqirdu l-ħażen b’aktar ħażen. Aħna nħobbu b’mod ġeneruż u ngħixu billi nuru l-ħniena, anke lejn dawk li naħsbu li huma l-għedewwa tagħna.”7
Ir-Reverendu Brown hu bniedem li jġib il-paċi. Hu bil-kalma u b’rispett jitfa’ l-ilma fuq il-vleġeġ kollha nar. Dawk li jġibu l-paċi mhumiex passivi; huma persważivi fil-mod kif jgħallem is-Salvatur.8
X’jagħtina l-qawwa fina biex nikkalmaw, negħlbu u nitfgħu n-nar fuq il-vleġeġ kollha nar immirati lejn il-veritajiet li nħobbu? Il-qawwa tiġi mill-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u l-fidi tagħna fi kliemu.
“Henjin intom, meta jgħajrukom, … u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
“… Għax ħlaskom kbir fis-smewwiet: għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.”9
L-Importanza tal-Volontà
Żewġ prinċipji importanti jiggwidaw ix-xewqa tagħna li nkunu nies li nġibu l-paċi.
L-ewwel, Missierna fis-Smewwiet ta lil kull individwu l-volontà morali tiegħu jew tagħha, bl-abbiltà li nagħżlu t-triq tagħna stess.10 Din il-volontà hi waħda mill-akbar rigali ta’ Alla.
It-tieni, permezz ta’ din il-volontà, Missierna fis-Smewwiet jippermetti “oppożizzjoni f’kollox.”11 Aħna “nduqu l-morr, sabiex inkunu nafu napprezzaw it-tajjeb.”12 L-oppożizzjoni m’għandhiex tissorprendina. Aħna nitgħallmu niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin.
Aħna nifirħu fil-barka tal-volontà, filwaqt li nagħrfu li se jkun hemm ħafna li ma jemmnux li nemmnu aħna. Fil-fatt, ftit se jkunu fl-aħħar żminijiet li jagħżlu li jagħmlu l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu l-qofol ta’ dak kollu li jaħsbu u jagħmlu.13
Minħabba l-pjattaformi tal-midja soċjali, leħen wieħed ta’ nuqqas ta’ twemmin jista’ jagħti l-impressjoni li hu għadd kbir ta’ ilħna negattivi,14 iżda anke jekk ikunu għadd kbir ta’ ilħna, aħna nagħżlu l-mogħdija li jgħaddu minnha dawk li jġibu l-paċi.
Il-Mexxejja tal-Mulej
Xi wħud iħarsu lejn l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax bħala nies li għandhom mottivi tad-dinja bħall-mexxejja politiċi, kulturali, u dawk tan-negozju.
Madankollu, aħna nħarsu lejn ir-responsabbiltajiet tagħna b’mod mill-aktar differenti. Aħna ma niġux eletti jew magħżulin permezz ta’ xi applikazzjoni. Mingħajr ebda tħejjija professjonali speċifika, aħna niġu msejħin u ordnati biex naqsmu t-testimonjanza tagħna f’isem Ġesù Kristu madwar id-dinja sal-aħħar nifs tagħna. Aħna naħdmu biex imbierku lill-morda, lil dawk li jinsabu weħidhom, lill-imnikktin, u lill-foqra u biex insaħħu s-saltna ta’ Alla. Aħna nfittxu li nkunu nafu r-rieda tal-Mulej u nxandruha ma’ ħaddieħor, speċjalment ma’ dawk li jfittxu l-ħajja eterna.15
Minkejja li x-xewqa umli tagħna hi biex it-tagħlim tas-Salvatur jiġi onorat minn kulħadd, il-kliem tal-Mulej permezz tal-profeti tiegħu spiss imur kontra l-ħsieb u x-xejriet tad-dinja. Minn dejjem hekk kien.16
Is-Salvatur qal lill-Appostli tiegħu:
“Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. …
“… dan kollu għad jagħmluhulkom … għax huma ma jafux lil dak li bagħatni.”17
Interess Ġenwin f’Kulħadd
Aħna ġenwinament jimpurtana minn għajrna u nħobbuhom, huma min huma, jemmnu jew ma jemmnux bħalna. Ġesù għallimna permezz tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb li dawk ta’ twemmin differenti għandhom b’sinċerità jippruvaw jgħinu lil kull min hu fil-bżonn, għandhom ikunu nies li jġibu l-paċi, u jinvolvu ruħhom f’kawżi tajbin u nobbli.
Fi Frar, titlu ewlieni f’ Arizona Republic iddikjara, “Abbozz ta’ liġi b’appoġġ minn diversi partiti ssapportjat mill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien se jipproteġi lill-omosesswali jew it-transesswali ta’ Arizona.”18
Aħna, bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, “ferħana li nifformaw parti minn koalizzjoni ta’ fidi, negozju, nies LGBTQ u mexxejja tal-komunità, li ħadmu flimkien fi spirtu ta’ fiduċja u rispett reċiproku.”19
Il-President Russell M. Nelson darba staqsa b’ċerta riflessjoni, “Jistgħu l-linji tal-konfini jeżistu mingħajr ma jsiru linji tal-battalja?”20
Aħna naħdmu biex inkunu “dixxipli ta’ Kristu li nħobbu l-paċi.”21
Il-Mumenti li Fihom Ma Nwieġbux
Uħud mill-attakki fuq is-Salvatur tant kienu malizzjużi li Hu baqa’ b’ħalqu magħluq. “Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, … b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh … u jgħadduh biż-żufjett,” iżda Ġesù “ma weġibhomx.”22 Ikun hemm mumenti meta li nkunu nies li nġibu l-paċi jfisser li nirreżistu l-impuls li nwieġbu u minflok, b’dinjità, nibqgħu kwieti.23
Hi ħaġa ta’ qsim il-qalb għalina lkoll meta kliem aħrax jew disprezzanti dwar is-Salvatur, id-dixxipli tiegħu, u l-Knisja tiegħu jiġi mlissen jew ippubblikat minn dawk li darba kienu magħna, ħadu s-sagrament magħna, u magħna taw ix-xhieda tagħhom dwar il-missjoni divina ta’ Ġesù Kristu.24
Dan seħħ ukoll waqt il-ministeru tas-Salvatur.
Xi wħud mid-dixxipli ta’ Ġesù li kienu miegħu waqt l-aktar mirakli majestużi tiegħu ddeċidew li “ma jibqgħux imorru warajh.”25 Sfortunatament, mhux kulħadd jibqa’ sod fl-imħabba tiegħu lejn is-Salvatur u fid-determinazzjoni tiegħu li jħares il-kmandamenti tiegħu.26
Ġesù għallimna biex noħorġu ’l barra miċ-ċirku tar-rabja u t-tilwim. F’eżempju minnhom, wara li l-Fariżej ikkonfrontaw lil Ġesù u ddiskutew kif setgħu jeqirduh, l-iskrittura tgħid li Ġesù telaq minn ħdejhom,27 u seħħew il-mirakli hekk kif “ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha.”28
Inbierku l-Ħajjja ta’ Ħaddieħor
Aħna wkoll nistgħu nitbiegħdu mit-tilwim u mbierku l-ħajja ta’ ħaddieħor29 mingħajr ma niżolaw lilna nfusna fir-rokna tagħna.
Fl-ewwel żminijiet f’Mbuji-Mayi, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kien hemm ftit li kellhom kliem ta’ kritika kontra l-Knisja, għaliex ma fehmux it-twemmin tagħna u ma kenux jafu lill-membri tagħna.
Ftit taż-żmien ilu, jien u Kathy attendejna servizz mill-aktar speċjali tal-Knisja ġewwa Mbuji-Mayi. It-tfal kienu lebsin mill-aktar sabiħ b’għajnejhom jixegħlu u bi tbissima kbira. Kont qed nittama li nkellimhom dwar l-edukazzjoni tagħhom iżda sirt naf li ħafna minnhom ma kenux qed jattendu skola. Il-mexxejja tagħna, bi ftit li xejn fondi umanitarji, sabu mezz kif jgħinuhom.30 Illum, aktar minn 400 student—bniet u subien, membri kif ukoll dawk mhux ta’ twemmin tagħna—huma milqugħin u mgħallmin minn 16-il għalliem li huma membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.
Kalanga Muya li għandha erbatax-il sena qalet, “[Peress li ftit li xejn kelli flus,] qattajt erba’ snin mingħajr ma nattendi l-iskola. … Jiena vermanet grata għal dak li għamlet il-Knisja. … Issa nista’ naqra, nikteb, u nitkellem bil-Franċiż.”31 Meta kien qed jitkellem dwar din l-inizjattiva, is-sindku ta’ Mbuji-Mayi qal, “Inħossni verament ispirat mill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien peress li filwaqt li knejjes oħra jinsabu maqsumin kulħadd fir-rokna tiegħu … intom qed taħdmu ma’ ħaddieħor biex tgħinu lill-komunità fil-bżonn.”32
Ħobbu lil Xulxin.
Kull darba li naqra Ġwanni kapitlu 13, niftakar dwar l-eżempju perfett tas-Salvatur bħala wieħed li jġib il-paċi. Ġesù ħasel b’imħabba riġlejn l-Appostli. Imbagħad naqraw li “hu ħass ruħu jitħawwad,”33 hekk kif ħsibijietu marru fuq xi ħadd li kien ħabb iżda issa kien qed iħejji biex jittradieh. Ipprovajt nimmaġina l-ħsibijiet u s-sentimenti tas-Salvatur hekk kif Ġuda telaq minn ħdejh. Interessanti l-fatt li f’dak il-mument diffiċli, Ġesù ma tkellimx aktar dwar is-sentimenti li kienu qed “jinkwetawh” jew dwar it-tradiment. Pjuttost, Hu kellem lill-Appostli tiegħu dwar l-imħabba, bi kliemu jħalli influwenza kbira tul is-sekli:
“Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien. …
“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”34
Jalla nħobbu lilu u lil xulxin. Jalla nkunu nies li nġibu l-paċi, ħalli nkunu nistgħu nissejħu “ulied Alla,” jiena nitlob f’isem Ġesù Kristu, amen.