Kristu Jfejjaq Dak li Hu Miksur
Hu jista’ jfejjaq ċerti relazzjonijiet miksura ma’ Alla, relazzjonijiet miksura ma’ ħaddieħor, u partijiet miksura minna stess.
Ftit tas-snin ilu, waqt mument ta’ ġabra mal-familja, in-neputi tiegħi William, li kellu tmien snin, staqsa lit-tifel il-kbir tagħna, Briton, jekk riedx jilgħab il-ballun miegħu. Briton b’ċertu entużjażmu wieġbu, “Iva! Bil-qalb kollha!” Wara li kienu ilhom jilagħbu ħin mhux ħażin, Briton ħarablu l-ballun u aċċidentalment kisser waħda mill-qsari antiki tan-nanniet tiegħu.
Briton veru ddispjaċih. Hekk kif beda jiġbor il-biċċiet miksura, William mar fuq kuġinuh u b’imħabba taptaplu fuq dahru. Imbagħad farrġu, “Tinkwetax, Briton. Darba jien kissirt xi ħaġa fid-dar tan-Nanna u n-Nannu, u n-Nanna ħaddnitni magħha u qaltli, ‘Ma jimpurtax, William. Int għad għandek ħames snin.”
U għal dan Briton fil-pront wieġeb, “Iżda, Willliam, jien għandi 23!”
Mill-iskrittura nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, se jgħinna ninnavigaw b’suċċess l-affarijiet f’ħajjitna li huma miksura, irrispettivament kemm għandna età. Hu jista’ jfejjaq ċerti relazzjonijiet miksura ma’ Alla, relazzjonijiet miksura ma’ ħaddieħor, u partijiet miksura minna stess.
Relazzjonijiet Miksura ma’ Alla
Meta s-Salvatur kien qed jgħallem fit-tempju, waħda mara nġiebet quddiemu mill-iskribi u l-Fariżej. Ma nafux l-istorja tagħha kollha, nafu biss li kienet “inqabdet f’adulterju.”1 Ta’ spiss, l-iskrittura tgħidilna biss porzjon żgħir mill-ħajja ta’ xi ħadd, u skont dak il-porzjon, aħna xi kultant nispiċċaw neżaltaw jew nikkundannaw. L-ebda ħajja ta’ persuna ma tista’ tifhimha permezz ta’ mument wieħed memorabbli jew mument wieħed ta’ diżappunt u dispjaċir. L-għan ta’ dawn ir-rakkonti mill-iskrittura hu biex jgħinna nagħrfu li Ġesù Kristu kien Dak li n-nies kienu jeħtieġu dak iż-żmien, u Dak li neħtieġu llum. Hu jaf l-istorja sħiħa tagħna u eżattament minn xiex inbatu, kif ukoll il-kapaċitajiet u d-dgħufijiet tagħna.
It-tweġiba ta’ Kristu lil din il-bint prezzjuża ta’ Alla kienet “Anqas jien ma nikkundannak: mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.”2 Mod ieħor kif ngħidu “mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” jista’ jkun “mur u nbidel.” Is-Salvatur kien qed jistedinha biex tindem: biex tibdel l-imġiba tagħha, il-ħbieb tagħha, il-mod kif kienet tħossha dwarha nnifisha, u qalbha.
Grazzi għal Kristu, id-deċiżjoni tagħna li “mmorru u ninbidlu” tista’ wkoll tagħtina ċ-ċans li “mmorru u nfiequ,” għax Hu huwa s-sors li jfejjaq dak kollu li hu miksur f’ħajjitna. Bħala l-Medjatur il-kbir u l-Avukat mal-Missier, Kristu jqaddes u jirrestawra r-relazzjonijiet miksura—l-aktar importanti ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.
It-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith tagħmilha ċara li l-mara fil-fatt imxiet wara l-parir tas-Salvatur u bidlet ħajjitha: “U minn dak il-ħin, il-mara bdiet tigglorifika lil Alla u emmnet f’ismu.”3 Hija sfortuna li ma nafux isimha, jew xi dettalji oħra dwar ħajjitha minn wara dak il-mument, għax kienet teħtieġ determinazzjon, umiltà, u fidi kbira f’Ġesù Kristu biex hija tindem u tinbidel. Li nafu hu li hi kienet mara li “emmnet f’ismu” bl-għarfien li ma kienx impossibbli għaliha li tgawdi mis-sagrifiċċju infinit u etern tiegħu.
Relazzjonijiet Miksura ma’ Oħrajn
F’ Luqa kapitlu 15 naqraw parabbola dwar raġel li kellu żewġ subien. It-tifel iż-żgħir talab lil missieru biex jagħtih sehmu u rħielha lejn pajjiż ’il bogħod u berbaq ġidu f’ħajja mtajjra.4
“Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.
U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.
“Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
“Mbagħad daħal fih innifsu u qal, Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!
“Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;
“Ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.
“Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.”5
Il-fatt li l-missier telaq b’ġirja lejn ibnu, naħseb li hi ħaġa sinifikanti. Il-weġgħa personali li l-iben ikkawża lil missieru żgur li kienet waħda kbira u profonda. Bl-istess mod, il-missier kien ġenwinament imbarazzat bl-għemejjel ta’ ibnu.
Għalhekk, għalfejn il-missier ma baqax jittama li ibnu jitlob skuża? Għalfejn ma stenniex ftit għal offerta ta’ restituzzjoni u rikonċiljazzjoni qabel ma offrielu l-maħfra u l-imħabba? Din hi xi ħaġa li jien spiss xtarrejt dwarha.
Il-Mulej għallimna li naħfru lil ħaddieħor hu kmandament universali: “Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda huwa mitlub minnkom li taħfru lil kulħadd.”6 Li noffru l-maħfra jaf jitlob minna kuraġġ u umiltà mill-akbar. Jaf ikollna bżonn ukoll iż-żmien. Jeħtieġ li aħna npoġġu l-fidi u l-fiduċja tagħna fil-Mulej hekk kif nassumu l-kontabilità għall-kundizzjoni ta’ qalbna. Hawn insibu s-sinifikat u l-qawwa tal-volontà.
Bil-mod kif ġie deskritt dan il-missier fil-parabbola tal-iben il-ħali, is-Salvatur enfasizza li l-maħfra hija waħda mill-aktar rigali nobbli li nistgħu nagħtu lil xulxin u speċifikament lilna nfusna. Li neħilsu lil qalbna permezz tal-maħfra mhijiex ħaġa faċli, iżda permezz tal-qawwa li ssaħħaħna ta’ Ġesù Kristu, hi possibbli.
Partijiet Miksura Tagħna Nfusna
F’ Atti kapitlu 3 naqraw dwar wieħed raġel li twieled magħtub u “li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju.”7
It-tallab il-magħtub kellu ’l fuq minn 40 sena8 u jidher li kien qatta’ ħajtu kollha fi stat kontinwu li jittallab u jistenna, għax kien dipendenti fuq il-ġenerożità ta’ ħaddieħor.
Darba “ra lil Pietru u ’l Ġwanni deħlin fit-tempju u talabhom il-karità.
“Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu, Ħares lejna.
“Dak baqa’ jħares lejhom, jistenna li se jaqla’ xi ħaġa minn għandhom.
“Imma Pietru qallu, Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!
“U qabdu minn idu l-leminija u qajmu: u minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom.
“U malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla.”9
Spiss aħna nistgħu nsibu rwieħna bħat-tallab il-magħtub ħdejn il-bieb tat-tempju, bis-sabar—jew xi kultant bla sabar—“nittamaw fil-Mulej.”10 Nittamaw li nitfejqu fiżikament jew emozzjonalment. Nittamaw għal tweġibiet li jippenetraw l-aktar parti profonda ta’ qalbna. Nittamaw għal xi miraklu.
Li nittamaw fil-Mulej jaf ikun post sagru—post ta’ illustrar u rraffinar fejn nistgħu naslu biex insiru nafu lis-Salvatur b’mod verament personali. Li nittamaw fil-Mulej jaf ikun ukoll post fejn nispiċċaw nistaqsu, “O Alla, fejn inti?”11—post fejn il-perseveranza spiritwali teħtieġ minna li neżerċitaw il-fidi fi Kristu billi intenzjonalment nagħżlu lilu għal darba, tnejn, tlieta. Dal-post jien nafu, u nifhem xi jfisser li nittamaw b’dal-mod.
Jiena għaddejt numru kbir ta’ sigħat ġo faċilità għat-trattament tal-kanċer, fejn kont ningħaqad fit-tbatija ma’ ħafna li kienu qed jittamaw li jfiequ. Xi wħud għexu; oħrajn le. Jien tgħallimt b’mod profond li l-ħelsien mill-isfidi tagħna hu differenti għal kull wieħed u waħda minna, u għalhekk għandna niffokaw anqas fuq il- mod kif aħna niġu meħlusa u aktar dwar il-Ħellies innifsu. L- enfażi tagħna għandha tkun dejjem fuq Ġesù Kristu!
Li neżerċitaw il-fidi fi Kristu ifisser li nafdaw mhux biss fir-rieda ta’ Alla iżda wkoll fl-orarju tiegħu. Għax Huwa jaf x’neħtieġu u preċiżament meta neħtiġuh. Meta nissottomettu rwieħna għar-rieda tal-Mulej, ultimament aħna nirċievu sostanzjalment aktar minn dak li nkunu xtaqna.
Għeżież ħbieb tiegħi, aħna lkoll għandna xi ħaġa f’ħajjitna li hi miksura u teħtieġ li tissewwa jew titfejjaq. Hekk kif induru lejn is-Salvatur, hekk kif nallinjaw qalbna u moħħna miegħu, hekk kif nindmu, Hu jiġi jżurna “bil-fejqan fuq ġwenħajh,”12 ipoġġi dirgħajh b’imħabba madwarna, u jgħidilna, “Ma jimpurtax. Int għad għandek 5 snin—jew 16, 23, 48, 64, 91. Nistgħu nsewwu din flimkien!”
Jien nixhed li m’hemm xejn f’ħajjitkom li hu miksur li ma jintlaħaqx mill-qawwa kurattiva, feddejja, u li ssaħħaħna ta’ Ġesù Kristu. Fl-isem sagru u mqaddes tal-fejjieq setgħan, li hu Ġesù Kristu, amen.